LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g97 7/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn Id-​Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn Id-​Dinja
  • Stenbaħ!—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Idher Xiħ Imma Mut Żgħir
  • Mediċina Mingħajr Demm
  • Il-​Kriminalità​—Negozju Li Jrendi
  • Imxebbgħin Mill-​Istorbju?
  • TV Għat-​Tfal Ċkejknin?
  • L-​Adolexxenti Jiddeskrivu Lill-​Ġenituri Ideali
  • Klassijiet Tad-​Divorzju?
  • Għassiesa Għall-​Ostji
  • Taqlib Dovut Lill-​Kilba Għall-​Internet
  • Avviż: It-​Telefon Jistaʼ Jkun Perikoluż
  • L-​Istrateġija Tat-​Tabakk
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2004
  • Ġew il-baleni!
    Stenbaħ!—2016
Stenbaħ!—1997
g97 7/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn Id-​Dinja

Idher Xiħ Imma Mut Żgħir

Bħalma huwa indikat mir-​rapporti li ġejjin, riċerkaturi jemmnu li t-​tipjip jistaʼ jgħaġġel il-​proċess tax-​xjuħija. Min ikun ilu jpejjep għal żmien twil għandu ċans li jibjadlu xagħru qabel iż-​żmien erbaʼ darbiet iktar minn ħaddieħor, u għandu ċans li jkun qargħi jew li jitlef xagħru darbtejn iktar minn ħaddieħor, skond il-​Lancet tal-​Britannja. F’rapport dwar dan, il-​UC Berkeley Wellness Letter ġibdet l-​attenzjoni lejn il-​fatt li min ipejjep għandu iktar tikmix u għandu ċans li jitlef snienu darbtejn iżjed minn min ma jpejjipx. Ir-​rapport jirreferi għal studju riċenti msemmi fil-​British Medical Journal li juri li rġiel li ilhom ipejpu għomorhom kollu għandhom biss nofs il-​possibbiltà li jilħqu l-​età taʼ 73 sena milli għandu min ma jpejjipx. Barra minn hekk, ir-​rivista Good Housekeeping tirrapporta li “min ma jpejjipx imma jgħix ma min ipejjep għandu 20 fil-​mija iktar ċans li jsofri minn mard tal-​qalb.”

Mediċina Mingħajr Demm

“Biżaʼ minn mard ikkaġunat mid-​demm u nuqqas ripetut taʼ demm minn donaturi, taw bidu għal sforz serju biex jiġu eliminati t-​trasfużjonijiet kulfejn hu possibbli,” jirrapporta l-​ġurnal The Globe and Mail. Mediċina u kirurġija mingħajr demm jiddependu mill-​kontroll metikuluż taʼ telf taʼ demm, u “bosta tekniki ġodda kienu ġew żviluppati oriġinarjament għall-​kura tax-​Xhieda taʼ Jehovah,” jgħid il-​Globe. Dr. James A. Robblee, anestetista fl-​Università taʼ l-​Ottawa Heart Institute, wieħed minn bosta sptarijiet li jimplimentaw programmi taʼ kirurġija mingħajr demm, ammetta: “Jien nemmen bis-​serjetà li huma [Ix-Xhieda taʼ Jehovah] żiedu bil-​kbir il-​konoxxenza tagħna dwar dan is-​suġġett.”

Il-​Kriminalità​—Negozju Li Jrendi

Il-​kriminalità organizzata fl-​Italja trendi bejn wieħed u ieħor $200-240 biljun kull sena, jgħid ir-​rapport għas-​sena 1997 tal-​Konfederazzjoni Kummerċjali, assoċjazzjoni taʼ negozjanti Taljani. Minn taʼ l-​inqas $18-il biljun jingħad li jiġu mit-​traffikar tad-​drogi, $11-il biljun mill-​prostituzzjoni, u $15-18-il biljun minn self taʼ flus b’imgħax esaġerat, u skemi illegali oħrajn taʼ negozju. “Tlieta minn kull għaxar intrapriżi kummerċjali huma mmexxijin minn individwi jew kumpaniji konnessi maʼ organizzazzjonijiet kriminali; bejn 20 u 25 fil-​mija tat-​transazzjonijiet bankarji li jsiru kuljum għandhom oriġini dubjuża,” jistqarr il-​ġurnal La Repubblica.

Imxebbgħin Mill-​Istorbju?

Li tkun espost għall-​istorbju, anki f’livelli relattivament baxxi, jistaʼ jmarrdek, skond studji rrapportati fir-​rivista New Scientist tal-​Britannja. Grazzi għal dawn is-​sejbiet, l-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa tat ħarsa mill-​ġdid lejn il-​linji taʼ gwida tagħha dwar il-​livelli taʼ ħsejjes fil-​għaxija. Taʼ interess speċjali hija l-​evidenza li tindika li t-​tfal jistgħu jkunu f’sogru partikulari. Studju wieħed skopra li tfal li jgħixu ħdejn l-​ajruport internazzjonali taʼ Munich kellhom kemm pressjoni ogħla kif ukoll il-​livelli taʼ l-​adrenalina iktar għoljin. Ir-​riċerkaturi skoprew ukoll li t-​tfal kienu jbatu minn xkiel għall-​abbiltà li jaqraw u għall-​memorja fit-​tul. Nies li donnhom li jaddattaw ruħhom għall-​istorbju jagħmlu hekk “dejjem għad-​dannu tas-​sistema tagħhom,” tgħid Arline Bronzaft, speċjalista fuq l-​istorbju. “L-​istorbju huwa stress u eventwalment il-​ġisem iċedi b’xi mod.”

TV Għat-​Tfal Ċkejknin?

Sabiex isibu l-​ħin għad-​doveri neċessarji, ġenituri inkwetati taʼ tfal ċkejknin għandhom mnejn ikunu inklinati li jitilquhom quddiem it-​TV. Imma skond ir-​rivista Parents, dan jippreżenta xi perikli għat-​tfal. “Programmi taʼ vjolenza,” inklużi bosta cartoons, din tistqarr, “urew bla dubju taʼ xejn li dawn iwasslu għal iktar aggressjoni f’dawk iż-​żgħar li jħobbu jaraw it-​TV.” Barra minn hekk, studji kondotti minn Dorothy Singer mill-​Università taʼ Yale jindikaw li “dieta kontinwa taʼ televiżjoni qabel ma jilħqu l-​età taʼ l-​iskola hija wkoll konnessa maʼ mġiba ħażina u ttardjar fl-​abbiltà li jaqraw” iktar ’il quddiem. Singer tirrakkomanda li tfal taʼ sena ma jitħallewx għal iktar minn 30 minuta kuljum quddiem it-​TV. Ħaġ’ oħra taʼ tħassib hija l-​inċidenti li jistgħu jseħħu waqt li t-​tfal ikunu waħedhom quddiem it-​TV. L-​awtur Milton Chen jinnota: “Minuta waħda hija biżżejjed biex tfajjel ċkejken fuq ruħu li jsib ruħu waħdu jisfa fil-​periklu.” Ir-​rivista Parents tissuġġerixxi li tpoġġi lit-​tfal tiegħek b’xi ġugarelli li m’humiex taʼ periklu ġo playpen x’imkien fejn tistaʼ żżomm għajnejk fuqhom meta tkun trid tipprepara l-​ikel jew twieġeb it-​telefon.

L-​Adolexxenti Jiddeskrivu Lill-​Ġenituri Ideali

L-​adolexxenti kif jiddeskrivu lill-​ġenituri ideali? Biex isir jaf, Scott Wooding, kunsillier fi skola u psikologu, għamel studju fuq 600 adolexxent. Peress li Wooding stenna li dawn iż-​żgħażagħ kienu se jfaħħru l-​permissività, it-​tweġibiet tagħhom issorprendewh. B’mod konsistenti, dawn l-​adolexxenti qalu li jridu “trattament ġust, interess (‘iridu jisimgħu l-​kliem: “Inħobbok”’), umoriżmu, [u] li jingħataw eżempju tajjeb,” jirrapporta l-​ġurnal The Toronto Star. Wooding skopra wkoll li l-​adolexxenti jridu li l-​ġenituri tagħhom jgħinuhom jiżviluppaw sens taʼ responsabbiltà. Meta jkunu għamlu xi ħaġa ħażina, huma jistennew li jiġu ddixxiplinati. L-​iktar ħaġa importanti, iż-​żgħażagħ qalu li huma jixtiequ ħafna li l-​ġenituri tagħhom iqattgħu iktar ħin magħhom.

Klassijiet Tad-​Divorzju?

Fil-​kontea taʼ Pima, fl-​Arizona, fl-​Istati Uniti, ġenituri li jridu divorzju jeħtieġ li jattendu seminar taʼ erbaʼ sigħat u nofs biex jifhmu l-​effett li dan ikollu fuq uliedhom, tirrapporta The Dallas Morning News. Il-​klassijiet huma ddisinjati biex jgħinu lill-​ġenituri jitgħallmu “kif jifformulaw skedi għall-​visti” u jikkunsidraw “meta tifel jew tifla jkollhom età biżżejjed biex iqattgħu s-​sajf mal-​ġenitur li ma jkollux il-​kustodja tagħhom.” Iktar importanti, il-​ġenituri jiġu megħjunin jifhmu d-​divorzju mil-​lenti taʼ l-​ulied, jgħid Frank Williams, wieħed mill-​għalliema. “Jiena ngħid bejni u bejn ruħi, iżda, edukazzjoni taʼ din ix-​xorta għala hija obbligatorja f’dan l-​istadju tal-​proċess,” tgħid Alyce Pennington, avukatessa li tittratta maʼ każi familjari. Għala “ma jsirux klassijiet bħal dawn saħansitra qabel ma jiżżewġu?”

Għassiesa Għall-​Ostji

Il-​Knisja Kattolika taʼ St. Charles ġewwa Picayune fil-​Mississippi, bdiet tpoġġi għassiesa biex jaraw li ħadd ma joħroġ mill-​knisja mingħajr ma jkun belaʼ l-​ostja tat-​Tqarbin. Dan il-​pass ittieħed wara għadd taʼ każi fejn xi nies ħarġu mill-​knisja bl-​ostja, jew l-​Ewkaristija, li l-​Kattoliċi jqisuha bħala sagra. Skond The Dallas Morning News, il-​qassis John Noone isostni li “l-​adoraturi taʼ Satana jridu jmiddu jdejhom fuq l-​ostja” sabiex “jipprofanawha.” Xogħol l-​għassiesa tat-​Tqarbin huwa li joqogħdu attenti li l-​parruċċani fil-​fatt jibilgħu l-​ostja. Jekk le, l-​individwi jintalbu bl-​edukazzjoni biex jibilgħu l-​ostja inkella jrodduha lura.

Taqlib Dovut Lill-​Kilba Għall-​Internet

“L-​iktar konsegwenza riċenti taʼ l-​era taʼ l-​informazzjoni tistaʼ tkun kilba għall-​Internet,” jirrapporta l-​Canadian Medical Association Journal. Dr. Kimberly Young stħarrġet lil 496 persuna li jużaw l-​Internet il-​ħin kollu, u li 396 minnhom ġew identifikati bħala li kienu dipendenti fuq l-​użu taʼ l-​Internet. Ir-​riċerka żvelat li l-​konsegwenzi tal-​kilba għall-​Internet jinkludu “li wieħed jiżola ruħu soċjalment, tilwim fiż-​żwieġ, falliment akkademiku, dejn finanzjarju eċċessiv, [u] telf taʼ impjieg.” Dr. Young tgħid li t-​taqlib “huwa daqstant kilba reali daqs kemm hu l-​alkoħoliżmu jew il-​logħob taʼ l-​ażżard kompulsiv.” Il-​ġurnal żied li “dawk li jużaw il-​kompjuter fid-​dar huma fl-​akbar riskju.” Għalkemm kulħadd jistaʼ jitjassar għall-​Internet, “persuna tipika vvizzjata hija mara taʼ mezz’età b’edukazzjoni limitata,” tgħid Dr. Young. Fost is-​sintomi li juru li wieħed jinsab fil-​periklu hemm li wieħed jibda jqattaʼ perijodi li dejjem jitwalu fuq il-​kompjuter, u li wieħed “jittraskura attivitajiet soċjali jew sekulari importanti” biex juża l-​Internet.

Avviż: It-​Telefon Jistaʼ Jkun Perikoluż

Dejjem jekk jintuża waqt is-​sewqan, m’għandniex xi ngħidu. Studju ppubblikat fin-​New England Journal of Medicine jissuġġerixxi li sewwieqa li jużaw it-​telefon mill-​karozza għandhom erbaʼ darbiet iktar ċans li jiġu involuti f’inċidenti tat-​traffiku minn sewwieqa li jkunu qegħdin jikkonċentraw biss fuq it-​triq. Dan jistaʼ jagħmel is-​sewqan waqt li jkun qed jintuża t-​telefon daqstant perikoluż daqs li kieku wieħed ikun qed isuq b’livell taʼ alkoħol fid-​demm ekwivalenti għal 0.1 fil-​mija. U sewwieqa b’telefon li jistaʼ ma jinżammx fl-​idejn, ma marrux aħjar minn dawk li wżaw idejhom biex iżommu t-​telefon. Ir-​riċerkaturi kienu pronti biex jikkummentaw li t-​telefon fih innifsu m’huwiex responsabbli għall-​inċidenti imma li huwa sempliċement assoċjat magħhom, bħal meta jinqalaʼ xi argument u l-​persuna taljena rasha. Barra minn hekk, 39 fil-​mija tas-​sewwieqa involuti f’inċidenti, wara wżaw it-​telefon tal-​karozza tagħhom biex jitolbu l-​għajnuna. Suġġeriment f’waqtu hu li min għandu t-​telefon fil-​karozza għandu jevita li jagħmel telefonati bla bżonn waqt is-​sewqan u li jżomm il-​konversazzjoni qasira. Xi pajjiżi, bħalma huma l-​Brażil, l-​Iżrael, u l-​Isvizzera, diġà għandhom liġijiet li jirrestrinġu lis-​sewwieqa milli jużaw it-​telefon ċellulari.

L-​Istrateġija Tat-​Tabakk

“Qatt ħsibt dwar għala l-​industrija tat-​tabakk ma wżatx l-​influwenza kbira li għandha fuq il-​politikanti biex iġġiegħel lill-​Kungress irattab jew ineħħi t-​tikketti taʼ twissija meħtiġin fuq ir-​riklami u l-​pakketti tas-​sigaretti kollha [fl-Istati Uniti]?” jistaqsi The Christian Century. “It-​tweġiba hija sempliċi: dik it-​twissija dwar il-​perikli tat-​tipjip tipproteġi lill-​Industrija tat-​tabakk minn azzjonijiet legali. Jekk tibda tpejjep meta jkollok 12-il sena u tispiċċa li tkun se tmut kaġun taʼ kanċer fil-​pulmun taʼ 45, u tiddeċiedi li trid tħarrek lill-​kumpanija li ħakmitek taħt dufrejha, l-​industrija għandha risposta f’waqtha: ‘Aħna wissejniek li t-​tipjip iġorr riskji għas-​saħħa.’” Waħda mill-​aħħar strateġiji kummerċjali hija li tinkuraġġixxi t-​tipjip tas-​sigarri billi tqabbad lil persunaġġi femminili attraenti tal-​films u tat-​televiżjoni jew mudelli biex jirriklamaw il-​prodott. Is-​sigarri, madankollu, iniġġsu iktar mis-​sigaretti u jġibu riskji kbar għas-​saħħa. “It-​tipjip tas-​sigarri ma jagħmel xejn għal mara ħlief li jkattrilha r-​riskju taʼ xi marda li thedded lil ħajjitha, u jċaħħadha mis-​saħħa u l-​istamina li teħtieġ biex tagħmel suċċess minn ħajjitha,” jgħid Dr. Schachter mill-​Mount Sinai Medical Center fil-​Belt taʼ New York.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja