LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g97 10/8 pp. 11-12
  • Sitt Modi Kif Tipproteġi Saħħtek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sitt Modi Kif Tipproteġi Saħħtek
  • Stenbaħ!—1997
  • Materjal Simili
  • Kif Tistaʼ Timmaniġġa Dar?
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ipproteġi lilek innifsek mill-​mard
    Stenbaħ!—2016
  • Kif Tistaʼ Tnaqqas il-Periklu fl-Ikel
    Stenbaħ!—2002
Stenbaħ!—1997
g97 10/8 pp. 11-12

Sitt Modi Kif Tipproteġi Saħħtek

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIN-​NIĠERJA

SKOND l-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa (magħrufa bħala l-​WHO), madwar 25 fil-​mija tan-​nies li jgħixu f’pajjiżi sotto-żviluppati m’għandhomx aċċess għal ilma tajjeb għax-​xorb. Iktar minn 66 fil-​mija​—minn taʼ l-​inqas 2.5 biljun ruħ—​m’għandhomx faċilitajiet sanitarji adegwati. Il-​konsegwenzi għal ħafna huma mard u mewt.

F’dawn iċ-​ċirkostanzi, li wieħed iżomm l-​iġjène kif suppost hija sfida. Madankollu, jekk l-​iġjène persunali tagħmilha parti mir-​rutina taʼ kuljum tiegħek, se tipproteġi lilek innifsek minn ħafna mard. Hemm sitt passi li tistaʼ tieħu biex tipproteġi lilek innifsek u lill-​familja tiegħek mill-​mikrobi li jistgħu jidħlu fil-​ġisem u jikkaġunaw nuqqas taʼ saħħa.

1. Aħsel idejk bl-​ilma u s-​sapun wara li tkun użajt it-​tojlit u qabel ma tmiss l-​ikel.

Mod importanti kif tiskansa l-​mard huwa li tkun żgur li dejjem ikollok biżżejjed ilma u sapun biex kulħadd fil-​familja tiegħek ikun jistaʼ jaħsel idejh. L-​ilma u s-​sapun ineħħu l-​mikrobi mill-​idejn​—mikrobi li inkella għandhom mnejn isibu ruħhom fl-​ikel jew fil-​ħalq. Minħabba li t-​tfal żgħar taʼ spiss jagħmlu subgħajhom f’ħalqhom, huwa importanti li taħslilhom idejhom spiss, speċjalment qabel ma tagħtihom jieklu.

Huwa partikolarment importanti li taħsel idejk bis-​sapun wara li tuża t-​tojlit, qabel ma tmiss l-​ikel, u wara li tbiddel il-​ħarqa taʼ xi tarbija jew timsaħ lil tfal żgħar li jkunu għadhom kif ipporgaw.

2. Uża t-​tojlit.

Biex tiskansa t-​tixrid tal-​mikrobi, huwa vitali li tiddisponi kif jixraq mill-​ipporgar. Ħafna mill-​mard, speċjalment id-​dijaréa, jiġi minn mikrobi fl-​ipporgar. Dawn il-​mikrobi jistgħu jsibu ruħhom fl-​ilma tax-​xorb jew fl-​ikel, maʼ l-​idejn, jew fir-​reċipjenti u fil-​postijiet fejn jitħejja jew jisserva l-​ikel. Meta jiġri dan, in-​nies jistgħu jibilgħu l-​mikrobi u jimirdu.

Biex jgħinek tiskansa dan, uża t-​tojlit. Il-​ħmieġ taʼ l-​annimali għandu jinżamm ’il bogħod mid-​djar u mill-​għejun taʼ l-​ilma. Għandek mnejn tibqaʼ skantat li ssir taf li l-​ipporgar tat-​trabi u t-​tfal żgħar huwa iktar perikoluż minn dak tal-​kbar. Għalhekk, anki ż-​żgħar għandhom jiġu mgħallmin biex jużaw it-​tojlit. Meta t-​tfal jipporgaw x’imkien ieħor, l-​ipporgar tagħhom għandu jiġi mneħħi fil-​pront u mitfugħ fit-​tojlit jew mirdum.

It-​tojlits għandhom jinżammu nodfa u mgħottijin.

3. Uża ilma nadif.

Familji li għandhom provista abbundanti taʼ ilma nadif mill-​kanen jimirdu inqas minn dawk li m’għandhomx. Dawk li m’għandhomx ilma mill-​kanen jistgħu jipproteġu saħħithom billi jżommu l-​bjar mgħottijin u billi jkollhom il-​fosos tad-​drenaġġ ’il bogħod mill-​ilma wżat għax-​xorb, dak li jinħaslu n-​nies bih, jew dak għall-​ħasil tal-​ħwejjeġ. Huwa importanti wkoll li l-​annimali jinżammu barra mid-​dar u ’l bogħod mill-​ilma tax-​xorb.

Mod ieħor kif tipproteġi lilek innifsek mill-​mard huwa billi żżomm il-​bramel, il-​ħbula, u l-​buqari li jintużaw biex tiġbed jew taħżen l-​ilma nodfa kemm jistaʼ jkun. Barmil, per eżempju, aħjar iddendlu milli tħallih fl-​art.

L-​ilma tax-​xorb li jinżamm fid-​dar għandu jinżamm f’reċipjent nadif u mgħotti. Biex tieħu l-​ilma minn dan ir-​reċipjent trid tuża kuċċarun nadif jew kikkra nadifa. Tħallix lin-​nies idaħħlu jdejhom fl-​ilma tax-​xorb jew jixorbu direttament mir-​reċipjent li tkun erfajt l-​ilma fih.

4. Għalli l-​ilma tax-​xorb jekk dan ma jkunx ġej minn provista taʼ ilma tajjeb għax-​xorb mill-​kanen.

L-​iktar ilma tajjeb għax-​xorb ġeneralment jiġi minn provista li tiġi mill-​kanen. Hemm iktar possibbiltà li ilma minn għejun oħrajn ikun fih il-​mikrobi, għalkemm jistaʼ jidher nadif.

Ilma mgħolli joqtol il-​mikrobi. Għalhekk meta ttellaʼ l-​ilma minn xi vaski, kurrenti taʼ ilma ġieri, jew tankijiet, ikun għaqli li tgħallih u mbagħad tħallih jiksaħ qabel tixorbu. Ilma ħieles mill-​mikrobi huwa importanti speċjalment għat-​trabi u għal tfal żgħar, minħabba li għandhom inqas reżistenza għall-​mikrobi milli għandhom il-​kbar.

Jekk ma jkunx possibbli li tgħalli l-​ilma tax-​xorb, erfgħu f’reċipjent mgħotti magħmul minn plastik jew ħġieġ trasparenti. Imbagħad ħalli r-​reċipjent espost għad-​dawl tax-​xemx għal jumejn qabel ma tuża l-​ilma.

5. Żomm l-​ikel tiegħek nadif.

L-​ikel li jrid jittiekel nej għandu jiġi mnaddaf tajjeb. Ikel ieħor, speċjalment il-​laħam u t-​tjur, għandu jiġi msajjar sew.

Ikun aħjar jekk l-​ikel imsajjar jittiekel malajr wara li jissajjar; b’dak il-​mod ma jkollux ċans jeħżien. Jekk ikollok bżonn iżżomm ikel imsajjar għal iktar minn ħames sigħat, għandek jew iżżommu jaħraq jew fil-​friġġ. Qabel ma tieklu, għandek terġaʼ ssaħħnu tajjeb.

Laħam nej ġeneralment ikun fih il-​mikrobi, għalhekk ma tridx tħallih imiss maʼ l-​ikel li tkun sajjart. Wara li tipprepara l-​laħam nej, naddaf ir-​reċipjenti u kwalunkwe post li jkun mess miegħu.

Il-​postijiet fejn tipprepara l-​ikel għandhom dejjem jinżammu nodfa. L-​ikel għandu jinżamm mgħotti u f’post fejn ma jintlaħaqx mid-​dubbien, mill-​ġrieden kbar u taʼ l-​imramma, u minn annimali oħrajn.

6. Aħraq jew ordom l-​iskart tad-​dar.

Id-​dubbien, li jxerrdu l-​mikrobi, jieħdu gost ifaqqsu fl-​iskart taʼ l-​ikel. Għalhekk l-​iskart tad-​dar m’għandux jintrema fl-​art. Kuljum, dan għandu jintradam, jinħaraq, jew jintrema b’xi mod ieħor.

Billi tapplika dawn is-​suġġerimenti, tistaʼ tgħin biex tipproteġi lilek innifsek u lill-​familja tiegħek mid-​dijaréa, mill-​kolera, mit-​tifojde, mid-​duda, mill-​avvelenament bl-​ikel, u minn ħafna mard ieħor.

[Sors]

Sors: Facts for Life, ippubblikat mill-​United Nations Children’s Fund flimkien mal-​United Nations Educational, Scientific, and Cultural Organization, u mal-​WHO.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja