LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • fy kap. 4 pp. 39-50
  • Kif Tistaʼ Timmaniġġa Dar?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tistaʼ Timmaniġġa Dar?
  • Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦIX SKOND IL-MEZZI TIEGĦEK
  • NAQSMU T-TAGĦBIJA
  • L-INDAFA—GĦALA DAQSHEKK IMPORTANTI?
  • L-INKURAĠĠIMENT IĠEGĦELNA NIFFJORIXXU
  • L-Indafa—Għala Hija Importanti?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Alla Jħobb Nies Nodfa
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • L-Arranġament tal-Familja Minn Jehovah bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Kif Tistaʼ Tagħmel il-​Ħajja tal-​Familja Tiegħek Hienja
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
fy kap. 4 pp. 39-50

KAPITLU ERBGĦA

Kif Tistaʼ Timmaniġġa Dar?

1. Li timmaniġġa dar għala jistaʼ jkun daqshekk diffiċli llum?

“IX-XENA taʼ din id-dinja qiegħda tinbidel.” (1 Korintin 7:31, NW) Dawk il-kelmiet inkitbu ’l fuq minn 1,900 sena ilu, u kemm huma veri llum! L-affarijiet qegħdin jinbidlu, speċjalment rigward il-ħajja tal-familja. Dak li kien meqjus bħala normali jew tradizzjonali 40 jew 50 sena ilu spiss m’huwiex aċċettabbli llum. Minħabba f’dan, li wieħed jimmaniġġa dar b’suċċess jistaʼ jippreżenta sfidi enormi. Minkejja dan, jekk tagħti kas il-pariri Skritturali, int tistaʼ tilqaʼ dawk l-isfidi.

GĦIX SKOND IL-MEZZI TIEGĦEK

2. Liema ċirkostanzi ekonomiċi jikkaġunaw stress ġo familja?

2 Illum ħafna nies m’għadhomx kuntenti b’ħajja sempliċi orjentata lejn il-familja. Hekk kif id-dinja kummerċjali tipproduċi iktar u iktar prodotti u tuża s-sengħa taʼ riklamar tagħha biex tħajjar lill-pubbliku, miljuni taʼ missirijiet u ommijiet iqattgħu sigħat twal fuq ix-xogħol sabiex ikunu jistgħu jixtru dawn il-prodotti. Miljuni oħrajn jiffaċċjaw ġlieda minn jum għal jum sempliċement biex ikollhom xi ħaġa x’jieklu. Huma jkollhom iqattgħu ferm iktar ħin fuq ix-xogħol milli kienu jagħmlu qabel, forsi billi jżommu żewġ impjiegi, sempliċement biex iħallsu l-ħtiġijiet. Jerġaʼ oħrajn se jkunu kuntenti jekk isibu xogħol, ladarba l-qagħad huwa problema mifruxa maʼ kullimkien. Iva, il-ħajja m’hijiex dejjem faċli għall-familja moderna, imma l-prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinu lil familji biex jagħmlu dak li jistgħu fis-sitwazzjoni li jkunu fiha.

3. L-appostlu Pawlu liema prinċipju spjega, u li wieħed japplikah kif jistaʼ jgħinu biex ikollu suċċess f’li jimmaniġġa dar?

3 L-appostlu Pawlu ġarrab pressjonijiet ekonomiċi. F’li jittratta magħom, hu tgħallem lezzjoni siewja, li jispjegaha fl-ittra tiegħu lill-ħabib tiegħu Timotju. Pawlu jikteb: “Aħna xejn ma ġibna fid-dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna; sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina.” (1 Timotju 6:7, 8) Veru, familja teħtieġ iktar minn sempliċi ikel u lbies. Teħtieġ ukoll xi mkien fejn tgħix. It-tfal jeħtieġu l-edukazzjoni. U hemm il-kontijiet tal-mediċina u spejjeż oħrajn. Minkejja dan, il-prinċipju tal-kliem taʼ Pawlu japplika. Jekk aħna kuntenti li nissodisfaw il-ħtiġijiet tagħna minflok ma npaxxu x-xewqat tagħna, il-ħajja se tkun iktar faċli.

4, 5. Il-ħsieb minn qabel u l-ippjanar kif jistgħu jgħinu fl-immaniġġar taʼ dar?

4 Prinċipju ieħor t’għajnuna jinsab f’waħda mit-tixbihat taʼ Ġesù. Hu qal: “Min minnkom ikun irid jibni torri, u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar?” (Luqa 14:28) Ġesù qiegħed jitkellem hawnhekk dwar il-ħsieb bil-quddiem, l-ippjanar minn qabel. Aħna rajna f’kapitlu taʼ qabel kif dan jgħin meta koppja żagħżugħa jkunu qegħdin jaħsbu biex jiżżewġu. U wara ż-żwieġ, dan huwa wkoll t’għajnuna f’li wieħed jimmaniġġa dar. Il-ħsieb bil-quddiem f’dan l-aspett jinvolvi li wieħed ikollu baġit, billi jippjana bil-quddiem biex jagħmel l-iktar użu għaqli mir-riżorsi disponibbli. B’dan il-mod familja tistaʼ tikkontrolla l-ispejjeż, billi twarrab il-flus ħalli tonfoqhom fuq affarijiet essenzjali kull jum jew kull ġimgħa, u ma tgħixx barra l-mezzi tagħha.

5 F’xi pajjiżi, li wieħed ikollu baġit bħal dan jistaʼ jfisser li jkollu jirreżisti l-leblieba biex jissellef b’interessi għoljin għal xirjiet mhux neċessarji. F’pajjiżi oħrajn, jistaʼ jfisser li wieħed iżomm kontroll strett fuq l-użu taʼ kredit kards. (Proverbji 22:7) Dan jistaʼ jfisser ukoll li wieħed jirreżisti xiri bl-impuls—li jixtri xi ħaġa bl-addoċċ mingħajr ma jqis il-ħtiġijiet u l-konsegwenzi. Iżjed minn hekk, baġit se jagħmilha ċara li l-ħela egoistika tal-flus fuq logħob taʼ l-azzard, tabakk, u xorb żejjed tagħmel ħsara lis-sitwazzjoni ekonomika tal-familja, kif ukoll tmur kontra l-prinċipji tal-Bibbja.—Proverbji 23:20, 21, 29-35; Rumani 6:19; Efesin 5:3-5.

6. Liema veritajiet Skritturali jgħinu lil dawk li jkollhom jgħixu fil-faqar?

6 Xi ngħidu, iżda, dwar dawk li huma sforzati biex jgħixu fil-faqar? L-ewwelnett, jistgħu jiġu mfarrġin b’li jkunu jafu li din il-problema mifruxa mad-dinja kollha hija biss temporanja. Fid-dinja l-ġdida li riesqa bil-għaġla, Jehovah se jelimina l-faqar flimkien maʼ l-affarijiet mill-agħar l-oħrajn kollha li jikkaġunaw miżerja lill-umanità. (Salm 72:1, 12-16) Sadanittant, Kristjani veri, saħansitra jekk huma fqar ferm, ma jħossux disprament totali, għax għandhom fidi fil-wegħda taʼ Jehovah: “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.” Għalhekk, kredent jistaʼ jgħid bil-fiduċja: “Il-Mulej il-għajnuna tiegħi; jien ma nibżax.” (Lhud 13:5, 6) F’dawn il-jiem diffiċli, Jehovah iwieżen lill-adoraturi tiegħu b’ħafna modi meta jgħixu fi qbil mal-prinċipji tiegħu u jpoġġu s-Saltna tiegħu l-ewwel fil-ħajjiet tagħhom. (Mattew 6:33) Għadd kbir minnhom jistgħu jixhdu, billi jgħidu, fi kliem l-appostlu Pawlu: “Kollox drajt: ix-xabgħa u l-ġuħ; il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.”—Filippin 4:12, 13.

NAQSMU T-TAGĦBIJA

Li wieħed jieħu ħsieb id-dar huwa proġett tal-familja

7. Liema kliem taʼ Ġesù, jekk jiġi applikat, se jgħin fl-immaniġġar taʼ dar b’suċċess?

7 Lejn it-tmiem tal-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù qal: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39) L-applikar taʼ dan il-parir fil-familja jgħin b’mod enormi fl-immaniġġar tad-dar. Wara kollox, min huma l-ġirien l-iktar qrib u l-iktar għeżież tagħna jekk mhux dawk li jgħixu magħna taħt l-istess saqaf—irġiel u nisa miżżewġin, ġenituri u tfal? Membri tal-familja kif jistgħu juru l-imħabba lejn xulxin?

8. L-imħabba kif tistaʼ tiġi espressa ġewwa l-familja?

8 Mod wieħed huwa li kull membru tal-familja jagħmel is-sehem xieraq tiegħu taʼ faċendi fid-dar. B’hekk, it-tfal jeħtieġ li jiġu mgħallmin biex jerfgħu l-affarijiet wara li jużawhom, kemm jekk dawn huma ħwejjeġ u kemm jekk ġugarelli. Jistaʼ jieħu l-ħin u l-isforz biex wieħed jagħmel is-sodda kull fil-għodu, imma din hija għajnuna kbira fl-immaniġġar tad-dar. M’għandniex xi ngħidu, xi ftit imbarazz temporanju ma jistax jiġi evitat, imma kollha jistgħu jaħdmu flimkien biex iżommu d-dar raġonevolment pulita, kif ukoll biex inaddfu wara l-ikel. L-għażż, li wieħed ipaxxi lilu nnifsu, u spirtu nofs qalb u riluttanti għandhom effett negattiv fuq kulħadd. (Proverbji 26:14-16) Mill-banda l-oħra, spirtu ferrieħi u pront isostni lil ħajja tal-familja hienja. “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 Korintin 9:7.

9, 10. (a) Liema tagħbija spiss taqaʼ fuq il-mara tad-dar, u din kif tistaʼ tintgħamel iktar ħafifa? (b) Liema ħarsa bbilanċjata dwar ix-xogħol tad-dar hija ssuġġerita?

9 Il-konsiderazzjoni u l-imħabba se jgħinu f’li tiġi evitata sitwazzjoni li hija problema serja f’xi djar. L-ommijiet tradizzjonalment kienu u għadhom l-appoġġ ewlieni tal-ħajja fid-dar. Huma ħadu ħsieb it-tfal, naddfu d-dar, ħaslu l-ħwejjeġ tal-familja, u xtraw u sajru l-ikel. F’xi pajjiżi, in-nisa bi drawwa ħadmu wkoll fl-għelieqi, biegħu l-prodott fis-suq, jew ikkontribwew b’modi oħrajn għall-baġit tal-familja. Saħansitra fejn din ma kenitx id-drawwa qabel, in-neċessità ġiegħlet lil miljuni taʼ nisa miżżewġin isibu l-impieg ’il barra mid-dar. Mara miżżewġa u omm li taħdem iebes f’dawn l-aspetti differenti jistħoqqilha tifħir. Bħall-“mara taʼ ħila” deskritta fil-Bibbja, hi kuljum għandha ħafna x’tagħmel. “Ħobż il-għażż ma tiekol qatt.” (Proverbji 31:10, 27) Dan ma jfissirx, iżda, li mara hija l-unika waħda li tistaʼ taħdem fid-dar. Wara li raġel u mara jkunu ħadmu t-tnejn li huma ’l barra mid-dar, għandha l-mara waħedha ġġorr it-tagħbija taʼ xogħol fid-dar waqt li r-raġel u l-bqija tal-familja jistrieħu? Dażgur li le. (Qabbel 2 Korintin 8:13, 14.) Mela, per eżempju, jekk l-omm se ssajjar, hi tistaʼ tkun grata jekk membri oħrajn tal-familja jgħinu fit-tħejjija billi jlestu l-mejda, imorru jixtru, jew inaddfu fejn ikun hemm bżonn fid-dar. Iva, kollha jistgħu jaqsmu r-responsabbiltà.—Qabbel Galatin 6:2.

10 Xi wħud għandhom mnejn jgħidu: “Fejn noqgħod jien m’huwiex l-irwol taʼ raġel li jagħmel affarijiet bħal dawn.” Dan jistaʼ jkun veru, imma ma taħsibx li tkun ħaġa tajba li tagħti ftit konsiderazzjoni lil din il-kwistjoni? Meta Alla Jehovah oriġina l-familja, hu m’ordnax li ċertu xogħol kellu jsir biss min-nisa. Darba minnhom, meta r-raġel leali Abraham saritlu żjara minn messaġġiera speċjali mingħand Jehovah, hu personalment ħa sehem f’li jħejji u jservi ikla għall-viżitaturi. (Ġenesi 18:1-8) Il-Bibbja tagħti l-parir: ‘L-irġiel għandhom iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess.’ (Efesin 5:28) Jekk, fi tmiem il-ġurnata, ir-raġel hu għajjien u jrid jistrieħ, m’huwiex probabbli li l-mara jħossha l-istess, forsi iktar minn hekk? (1 Pietru 3:7) Allura, ma jkunx dan xieraq u taʼ mħabba li r-raġel jgħin fid-dar?—Filippin 2:3, 4.

11. Ġesù b’liema mod stabbilixxa eżempju mill-aħjar għal kull membru tad-dar?

11 Ġesù hu l-aqwa eżempju taʼ wieħed li għoġob lil Alla u ġab hena lill-imseħbin tiegħu. Għalkemm qatt ma żżewweġ, Ġesù hu eżempju tajjeb għal irġiel miżżewġin, kif ukoll għal nisa miżżewġin u tfal. Hu qal dwaru nnifsu: “Bin il-Bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi,” jiġifieri, biex jimministra lil oħrajn. (Mattew 20:28) Kemm huma t’għaxqa dawk il-familji li fihom il-membri kollha jikkultivaw attitudni bħal din!

L-INDAFA—GĦALA DAQSHEKK IMPORTANTI?

12. Jehovah x’jeħtieġ minn dawk li jaqduh?

12 Prinċipju Bibliku ieħor li jistaʼ jgħin fl-immaniġġar taʼ dar jinsab fit-​2 Korintin 7:1. Hemmhekk naqraw: “Ħa nitnaddfu minn kull tin[ġ]is tal-ġisem u tar-ruħ.” Dawk li jobdu dawn il-kelmiet ispirati huma aċċettabbli għal Jehovah, li jeħtieġ “tjieba [“qima,” NW] safja u bla tebgħa.” (Ġakbu 1:27) U d-dar tagħhom tirċievi benefiċċji marbutin maʼ dan.

13. L-indafa għala hija importanti fl-immaniġġar taʼ dar?

13 Per eżempju, il-Bibbja tassigurana li se jiġi l-jum meta n-nuqqas taʼ saħħa u l-mard m’humiex se jkunu iktar. F’dak iż-żmien, “ħadd minn min igħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24; Apokalissi 21:4, 5) Sakemm jasal dak iż-żmien, madankollu, kull familja se jkollha każi taʼ mard minn żmien għal żmien. Saħansitra Pawlu u Timotju mardu. (Galatin 4:13; 1 Timotju 5:23) Xorta waħda, esperti tal-mediċina jgħidu li ħafna mard jistaʼ jiġi evitat. Familji għaqlin jiskansaw xi mardiet li jistgħu jiġu evitati jekk jevitaw nuqqas taʼ ndafa tal-laħam u taʼ l-ispirtu. Ejjew nikkunsidraw kif.—Qabbel Proverbji 22:3.

14. L-indafa morali b’liema mod tistaʼ tipproteġi lil familja mill-mard?

14 L-indafa taʼ l-ispirtu tinkludi l-indafa morali. Bħalma huwa magħruf sewwa, il-Bibbja tippromwovi livelli morali għoljin u tikkundanna kwalunkwe tip taʼ intimità sesswali barra ż-żwieġ. “La żienja, . . . la adulteri, la effeminati, la omosesswali . . . ma jirtu s-saltna taʼ Alla.” (1 Korintin 6:9, 10) Li josservaw dawn il-livelli stretti huwa importanti ferm għal Kristjani li qegħdin jgħixu fid-dinja mħassra tal-lum. Li jagħmlu hekk jogħġob lil Alla, u wkoll jgħin biex jipproteġi lill-familja minn mardiet trażmessi sesswalment bħalma huma l-AIDS, is-sifilide, il-gonorrea, u l-klamidja.—Proverbji 7:10-23.

15. Agħti eżempju taʼ nuqqas taʼ ndafa fiżika li jistaʼ jikkaġuna mard bla bżonn.

15 ‘Li wieħed inaddaf lilu nnifsu minn kull tinġis tal-ġisem’ jgħin biex jipproteġi lill-familja minn mard ieħor. Ħafna mardiet huma kkaġunati minn nuqqas taʼ ndafa fiżika. Eżempju prim huwa d-drawwa tat-tipjip. It-tipjip mhux biss iħammeġ il-pulmuni, l-ilbies, u l-istess arja imma wkoll imarrad lin-nies. Miljuni sħaħ imutu kull sena għaliex ikunu pejpu t-tabakk. Aħseb ftit: kull sena, miljuni sħaħ ma kinux jimirdu u jmutu qabel iż-żmien kieku evitaw dak ‘it-tinġis tal-ġisem’!

16, 17. (a) Liema liġi mogħtija minn Jehovah ipproteġiet lill-Israeliti minn ċertu mard? (b) Kif jistaʼ l-prinċipju wara (Dewteronomju 23:13, 14 [23:12, 13, NW]) jiġi applikat fid-djar kollha?

16 Ikkunsidra eżempju ieħor. Madwar 3,500 sena ilu, Alla ta lill-ġens taʼ Israel il-Liġi tiegħu sabiex jorganizza l-qima tagħhom u, sa ċertu punt, il-ħajja tagħhom taʼ kuljum. Dik il-Liġi għenet biex tipproteġi lill-ġens mill-mard billi stabbiliet xi regoli bażiċi taʼ iġjene. Waħda minn dawn il-liġijiet kellha x’taqsam maʼ kif wieħed jiddisponi mill-iskart uman, li kellu jiġi midfun b’mod xieraq lil hinn mill-kamp sabiex l-inħawi fejn kienu jgħixu n-nies ma jitniġġsux. (Dewteronomju 23:13, 14 [23:12, 13, NW]) Dik il-liġi antika għadha parir tajjeb. Saħansitra llum in-nies jimirdu u jmutu għaliex ma jsegwuhiex.a

17 F’armonija mal-prinċipju wara dik il-liġi Israelita, in-naħa tal-kamra tal-banju u tat-tojlit tal-familja—kemm ġewwa u kemm barra r-residenza—għandha tinżamm nadifa u diżinfettata. Jekk in-naħa tat-tojlit ma tinżammx nadifa u mgħottija, id-dubbien se jinġabar hemmhekk u jxerred il-mikrobi lejn inħawi oħrajn tad-dar—u għal fuq l-ikel li nieklu! Iżjed minn hekk, it-tfal u l-adulti għandhom jaħslu jdejhom wara li jużaw it-tojlit. Inkella, iġibu l-mikrobi lura magħhom fuq il-ġilda tagħhom. Skond tabiba Franċiża, il-ħasil taʼ l-idejn “għadu waħda mill-aqwa garanziji għall-prevenzjoni taʼ ċerti infezzjonijiet diġestivi, respiratorji, jew tal-ġilda.”

Li żżomm l-affarijiet nodfa huwa irħas milli tixtri l-mediċina

18, 19. Liema suġġerimenti huma mogħtijin biex wieħed iżomm dar nadifa saħansitra f’akkwata taʼ faqar?

18 Veru, l-indafa hija sfida f’akkwata taʼ faqar. Wieħed li hu midħla t’akkwati bħal dawn spjega: “Il-klima sħuna b’mod oppressiv tagħmel ix-xogħol taʼ tindif iebes id-doppju. Maltempati tat-trab jgħattu kull xaqq taʼ dar b’għabra kannella fina. . . . Popolazzjonijiet li jiffjorixxu fl-ibliet, kif ukoll f’xi nħawi rurali, ukoll joħolqu perikli għas-saħħa. Drenaġġi miftuħin, gzuz taʼ żibel mhux miġbur, latrini maħmuġin, ġrieden li jġorru l-mard, wirdien, u dubbien saru dehriet komuni.”

19 Li wieħed iżomm l-indafa taħt dawn il-kundizzjonijiet huwa diffiċli. Xorta waħda, dan jistħoqqlu l-isforz. Is-sapun u l-ilma u naqra iktar xogħol huma irħas mill-mediċina u mill-kontijiet taʼ l-isptar. Jekk tgħix f’ambjent bħal dan, skond kemm huwa possibbli, żomm id-dar u l-bitħa tiegħek stess nodfa u mingħajr ħmieġ taʼ l-annimali. Jekk it-trejqa li tagħti għal darek għandha t-tendenza li timtelaʼ bit-tajn meta tagħmel ix-xita, tistaʼ int titfaʼ fuqha żrar jew ġebel biex tevita li t-tajn jidħollok ġod-dar? Jekk żraben jew sandlijiet huma wżati, jistaʼ min ixiddhom jinżagħhom qabel ma jidħol id-dar? Ukoll, trid iżżomm il-provista taʼ l-ilma tiegħek ħielsa mit-tniġġis. Huwa kkalkolat li kull sena jseħħu taʼ l-inqas żewġ miljuni mwiet minħabba mardiet assoċjati maʼ ilma maħmuġ u sanità fqira.

20. Jekk id-dar se tkun nadifa, min irid jaqsam ir-responsabbiltà?

20 Dar nadifa tiddependi minn kulħadd—l-omm, il-missier, it-tfal, u l-viżitaturi. Waħda omm taʼ tmint itfal fil-Kenja qalet: “Kollha tgħallmu jagħtu sehemhom.” Dar nadifa u pulita tirrifletti tajjeb fuq il-familja kollha kemm hi. Proverbju Spanjol jistqarr: “M’hemm ebda konflitt bejn il-faqar u l-indafa.” Kemm jekk wieħed jgħix f’dar kbira, f’appartament, f’dar modesta, u kemm f’għarix, l-indafa hija l-qofol għal familja iktar f’saħħitha.

L-INKURAĠĠIMENT IĠEGĦELNA NIFFJORIXXU

21. F’armonija maʼ Proverbji 31:28, x’se jgħin biex iġib l-hena lil dar?

21 Meta jiddiskuti l-mara taʼ ħila, il-ktieb taʼ Proverbji jgħid: “Uliedha jqumu u hienja jsejħulha; u żewġha wkoll ifaħħarha.” (Proverbji 31:28) Meta kienet l-aħħar darba li kkumplimentajt lil xi membru tal-familja tiegħek? Tabilħaqq, aħna bħal pjanti fir-rebbiegħa li jkunu lesti biex jiffjorixxu meta jirċievu ftit sħana u tira. Fil-każ tagħna, neħtieġu s-sħana taʼ kumpliment. Ikun t’għajnuna għal mara illi tkun taf li żewġha japprezza x-xogħol iebes u t-tħassib b’imħabba tagħha u li hu ma jurix nuqqas taʼ gratitudni lejha. (Proverbji 15:23; 25:11) U huwa pjaċevoli meta mara tikkumplimenta lil żewġha għax-xogħol tiegħu barra u ġewwa d-dar. It-tfal ukoll jiffjorixxu meta l-ġenituri tagħhom ifaħħruhom għall-isforzi tagħhom fid-dar, fl-iskola, jew fil-kongregazzjoni Kristjana. U kemm tiswa dik in-naqra taʼ gratitudni! X’se titlef billi tgħid: “Grazzi”? Ftit li xejn, u madankollu l-gwadann fil-moral tal-familja jistaʼ jkun kbir ferm.

22. X’inhu meħtieġ biex dar tiġi “stabbilita fis-sod,” u dan kif jistaʼ jinkiseb?

22 Għal bosta raġunijiet, li wieħed jimmaniġġa dar m’huwiex faċli. Xorta waħda, dan jistaʼ jsir b’suċċess. Proverbju Bibliku jgħid: “Id-dar bil-għerf tinbena u bid-dehen [“dixxerniment,” NW] tissaħħaħ.” (Proverbji 24:3) L-għerf u d-dixxerniment jistgħu jinkisbu jekk ilkoll fil-familja jistinkaw biex isiru jafu r-rieda t’Alla u biex japplikawha fil-ħajjiet tagħhom. Familja hienja żgur li jistħoqqilha l-isforz!

a F’manwâl li jagħti parir kif wieħed jevita d-dijarrea—marda komuni li twassal għal ħafna mwiet tat-trabi—l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tistqarr: “Jekk m’hemm ebda latrina: ipporga lil hinn mid-dar, u minn inħawi fejn jilagħbu t-tfal, u taʼ l-inqas 10 metri mill-provista taʼ l-ilma; għatti l-ħmieġ bit-trab.”

DAWN IL-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . LIL FAMILJA BIEX JIMMANIĠĠAW LIL TAʼ DARHOM?

Huwa għaqli li tkun sodisfatt bin-neċessitajiet tal-ħajja.—1 Timotju 6:7, 8.

Jehovah m’huwiex se jabbanduna lil dawk li jaqduh.—Lhud 13:5, 6.

L-imħabba lejn oħrajn hija kwalità Kristjana li tispikka.—Mattew 22:39.

Il-Kristjani jibqgħu nodfa fil-ġisem u fl-ispirtu.—2 Korintin 7:1.

ILMA NADIF, SAĦĦA TAJBA

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa toffri xi suġġerimenti prattiċi għan-nies f’pajjiżi fejn l-ilma nadif jistaʼ jkun diffiċli biex jinkiseb u l-kundizzjonijiet sanitarji jistgħu jkunu primittivi.

“Iġbor u aħżen l-ilma tax-xorb f’reċipjenti nodfa. Żomm ir-reċipjent li fih taħżen mgħotti u tħallix it-tfal jew l-annimali jixorbu minnu. . . . Oħroġ l-ilma biss b’kuċċarun b’manku twil li jinżamm apposta għal dak l-iskop. Battal u laħlaħ ir-reċipjent kuljum.

“Għalli l-ilma li jkun se jintuża biex isir l-ikel jew ix-xorb għal tfal żgħar. . . . L-ilma għandu bżonn jagħli għal ftit sekondi biss.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja