LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g98 1/8 pp. 20-21
  • Kirurġija Mingħajr Sikkina

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kirurġija Mingħajr Sikkina
  • Stenbaħ!—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Erbaʼ Stadji tal-​Kirurġija Radjoloġika
  • X’jiġri mill-​AVM?
  • Niksbu s-Saħħa u l-Ferħ Tagħna Billi Nimxu ’l Quddiem fit-Triq taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Stenbaħ!—1998
g98 1/8 pp. 20-21

Kirurġija Mingħajr Sikkina

GĦALL-​EWWEL, ħasbu li ma kienx hemm raġuni għal xiex wieħed jallarma ruħu minħabba l-​uġigħ taʼ ras li kellha Christine, għalkemm kien uġigħ qawwi; wara kollox, sa l-​għada kien għaddielha. Imma mbagħad Christine bdiet tħoss għonqha iebes. Wara dan, reġaʼ qabadha l-​uġigħ f’rasha, u bdiet tħossha diżorjentata​—sintomi li m’huma normali fuq ħadd, aħseb u ara fuq tifla taʼ tmien snin.

Fl-isptar, meta ħadulha computed tomography (CT) scan, dan wera li Christine kellha arteriovenous malformation (AVM) f’moħħha​—kundizzjoni li fiha l-​arterji jkunu mħabblin mal-​vini.a Kieku ma ħaditx il-​kura, Christine eventwalment setgħet tatha puplesija u mietet.

Sa snin reċenti, AVMs bħal dawn setgħu jiġu kkurati biss bil-​kirurġija konvenzjonali tal-​moħħ. B’din il-​proċedura, il-​kirurgu jiġbed il-​ġilda tar-​ras lura u jippenetra ġol-​kranju. Imbagħad, irid ifittex qalb kobba delikata taʼ nervituri u tessuti tal-​moħħ biex jilħaq il-​parti marida. Stħarriġ kliniku ġenerali jirrivela li matul l-​1995, kien hemm komplikazzjonijiet f’madwar 12 fil-​mija taʼ l-​operazzjonijiet taʼ l-​AVM.

Il-ġenituri taʼ Christine ippreferew jagħżlu l-​Gamma Knife milli s-​sikkina tal-​kirurġija. L-​isem għandu mnejn iqarraq bik, għax il-​Gamma Knife mhix tassew sikkina. Minflok, din hija mekkaniżmu li jispara mitejn raġġ u wieħed taʼ radjazzjoni ffokati bi preċiżjoni li jippenetraw minn ġol-​kranju intatt. Kull raġġ waħdu huwa dgħajjef wisq biex jagħmel ħsara lit-​tessuti li jippenetra. Imma l-​mitejn raġġ u wieħed kollha huma mmirati bir-​reqqa biex jiltaqgħu u jwasslu doża qawwija taʼ radjazzjoni preċiż fejn tkun qiegħda l-​parti marida.

Xi studji li saru taw prova li l-​Gamma Knife hija ekonomika meta tqis ir-​riżultati, u b’mod sinjifikanti, hemm inqas każi taʼ infezzjonijiet wara l-​operazzjoni milli meta tintuża l-​kirurġija newroloġika konvenzjonali. Imma kif issir il-​proċedura?

L-​Erbaʼ Stadji tal-​Kirurġija Radjoloġika

Il-​kirurġija radjoloġika permezz tal-​Gamma Knife issir f’erbaʼ stadji bażiċi. L-​ewwel, lill-​pazjent ilibbsulu apparat ħafif ġo rasu, biex ma jiċċaqlaqx waqt li jkun qed jingħata l-​kura. It-​tieni, issir “mappa” taʼ moħħ il-​pazjent, permezz taʼ CT scan, magnetic resonance imaging (MRI), jew angiogram (ritratt bil-​kulur taʼ l-​arterji). Imbagħad, immaġnijiet tal-​moħħ jiġu ttrasferiti għal ġo sistema kompjuterizzata li tippjana kif se tingħata l-​kura, u din tiżola l-​parti marida u tiddetermina l-​post eżatt tagħha.

Fl-aħħar, imiss il-​fażi tal-​kura, li matulha ras il-​pazjent titpoġġa f’elmu li jkun fih mitejn fetħa u waħda minn fejn jgħaddu r-​raġġi gamma. Kemm tieħu ħin il-​kura? Minn 15 sa 45 minuta biss, li matulhom lill-​pazjent iraqqduh ftit u ma jħoss ebda wġigħ.

Meta titlesta l-​kura, il-​pazjent jibqaʼ l-​isptar għall-​osservazzjoni u normalment jintbagħat id-​dar l-​għada fil-​għodu. Hekk ġara fil-​każ taʼ Christine, li ssemmiet fil-​bidu. Hi ngħatat il-​kura l-​Ħamis, ħarġet mill-​isptar il-​Ġimgħa, u marret lura l-​iskola t-​Tnejn taʼ wara.

X’jiġri mill-​AVM?

Il-​kirurġija radjoloġika ma teqridx litteralment l-​AVM. Minflok, iġġiegħel liċ-​ċelloli fil-​kisja tal-​vini u l-​arterji jimmoltiplikaw, u b’hekk iżommu d-​demm milli jgħaddi għal ġol-​parti fejn hemm il-​problema. Bħala riżultat, forsi f’sena jew tnejn, l-​arterji u l-​vini difettużi jiġu imblokkati kompletament. Imbagħad l-​AVM tiċkien u eventwalment il-​ġisem iġibha fix-​xejn.

Il-Gamma Knife ġiet użata wkoll biex jiġu kkurati tumuri malinni żgħar li t-​tarf tagħhom ikun jidher ċar, kif ukoll fuq xi tumuri li jfaqqsu, li jinfirxu għal ġol-​moħħ minħabba kanċer f’partijiet oħrajn tal-​ġisem. Iżjed minn hekk, din kellha riżultati promettenti fit-​trigeminal neuralgia (kundizzjoni taʼ wġigħ li teffettwa n-​nerv tal-​wiċċ), l-​epilessija, il-​marda taʼ Parkinson, u f’xi każi taʼ wġigħ li jkun diffiċli biex wieħed jikkontrollah.

M’għandniex xi ngħidu, xorta għad hemm xi tumuri tal-​moħħ u kundizzjonijiet li jirreżistu l-​Gamma Knife. Għad irridu naraw jekk avvanzi fil-​kirurġija newroloġika humiex se jwasslu biex jinstabu tipi taʼ kura jerġaʼ iktar effettivi. Sadanittant, il-​kirurġija radjoloġika bil-​Gamma Knife toffri tama lil ħafna pazjenti li jkollhom xi tumur.

[Nota taʼtaħt]

a CT scan huwa X-​ray taʼ sezzjoni bħal felli taʼ xi parti mill-​ġisem.

[Kaxxa fʼpaġna 21]

-Iżvilupp tal-​Kirurġija Radjoloġika

Il-​Gamma Knife ġiet żviluppata kważi 50 sena ilu min-​newrokirurgu Lars Leksell u l-​bijofiżiku Börje Larsson. Leksell skopra li jekk il-​pazjent ikun espost għal doża waħda qawwija taʼ radjazzjoni, din tistaʼ teqred partijiet morda li jkunu ’l ġewwa fil-​moħħ mingħajr ebda inċiżjoni​—għaldaqstant, mingħajr telf taʼ demm jew riskju taʼ xi infezzjoni.

Leksell sejjaħ il-​proċedura ġdida tiegħu stereotactic radiosurgery. Fl-​aħħar, it-​tobba nstabilhom mezz kif jikkuraw partijiet tal-​moħħ li qabel ma setgħux jilħquhom, mingħajr ma jkun hemm għalfejn jużaw sikkina biex ifittxu bl-​addoċċ qalb kobba taʼ nervituri delikati u tessuti tal-​moħħ. Madankollu, kellhom jgħaddu ħafna snin qabel bdiet tiġi applikata din il-​proċedura ġdida, sa ma ġew żviluppati tekniki moderni taʼ kif jagħmlu l-​immaġnijiet, bħas-​CT scan u l-​MRI, li jindikaw lill-​kirurgi preċiżament fejn għandhom jimmiraw ir-​radjazzjoni. L-​ewwel tagħmir tal-​Gamma Knife ġie installat fi Stokkolma fl-​1968.

[Stampi fʼpaġna 20]

l-​erbaʼ stadji tal-​kirurġija radjoloġika bil-​gamma knife

1. Jitlibbes l-​apparat

2. Isiru immaġnijiet tal-​moħħ

3. Immaġnijiet bil-​kompjuter jgħinu fl-​ippjanar tal-​kura

4. Il-fażi tal-​kura

[Sors]

Xbihat bil-​korteżija taʼ Elekta Instruments, Inc., manifatturi tal-​Gamma Knife®

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja