Għandna Niftakruh il-Passat?
“Jistgħu l-Lhud jinsewh l-Olokawst?” Din kienet mistoqsija li qajjimha Virgil Elizondo, il-president taċ-Ċentru Kulturali Messikan Amerikan f’San Antonio, fit-Texas. Dan ifakkarna li l-atroċitajiet li rajna f’dan is-seklu jistgħu jħallu effett li ma jitħassar qatt fuq il-memorja kollettiva. Il-ġenoċidju taʼ l-Armeni (1915-23) u l-qtil bil-massa tal-Kambodjani (1975-79) iridu wkoll jingħaddu maʼ l-atroċitajiet tas-seklu 20. Madankollu, dan ma jfissirx li l-lista tieqaf hawn.
F’attentat biex iħeġġu r-rikonċiljazzjoni bejn il-vittmi u t-turmentaturi tagħhom, mexxejja reliġjużi u politiċi stiednu kemm-il darba lin-nies biex jinsew l-atroċitajiet li sofrew. Dan ġara, per eżempju, f’Ateni, fil-Greċja, fis-sena 403 Q.E.K. Il-belt kienet għadha kemm rat it-tmiem tad-dittatorjat oppressiv tat-Tletin Tirann, oligarkija li kienet eliminat, anki fiżikament, kważi lill-avversarji kollha tagħha. Il-gvernaturi l-ġodda ħadmu biex jistabbilixxu mill-ġdid l-armonija fost in-nies billi niedu amnestija (minn kelma Griega li tfisser “tnessija” jew “nuqqas taʼ tfakkir”) favur dawk li kienu appoġġaw it-tirannija taʼ qabel.
Tinsa għax id-Digriet Jitlob Hekk?
Ma tantx hija xi ħaġa diffiċli li tipprova tħassar, permezz taʼ xi digriet, il-memorja taʼ atroċitajiet imwettqin fuq l-innoċenti. Ċerti mexxejja għandhom mnejn jiddeċiedu li jagħmlu hekk għal raġunijiet politiċi, bħalma ġara fil-Greċja tal-qedem u f’diversi pajjiżi Ewropej fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-Italja, per eżempju, ġiet iddikjarata amnestija fl-1946 favur iktar minn 200,000 ċittadin li kienu “ħatja talli pparteċipaw, xi ftit jew wisq, fl-għamil ħażin tar-reġim Faxxista,” qalet il-gazzetta La Repubblica.
Madankollu, fil-waqt li d-deċiżjonijiet tal-gvernijiet jew taʼ istituzzjonijiet pubbliċi huma ħaġa, is-sentimenti tal-membri individwali taʼ komunità huma għalkollox ħaġa oħra. Huwa impossibbli li permezz taʼ digriet iġġiegħel lil ċittadini individwali—forsi l-vittmi li ma setgħux jiddefendu ruħhom minn konflitti brutali, massakri, jew barbariżmi oħrajn—biex jinsew is-sofferenzi tal-passat.
F’dan is-seklu biss mietu iktar minn mitt miljun ruħ fil-gwerer, ħafna minnhom wara li għaddew minn tbatija li twaħħxek. Li kieku kellna ngħoddu flimkien dawk kollha li nqatlu f’massakri waqt perijodi taʼ paċi, l-atroċitajiet ma jirnexxilekx tgħoddhom. Ħafna nies jagħmlu minn kollox biex jiżguraw li l-ebda waħda minn dawn ma tintesa.
Dawk li Jixtiequ Jneħħu minn Moħħhom Dawn il-Memorji
Dawk li jħeġġu lill-vittmi taʼ atroċitajiet jew lid-dixxendenti tagħhom biex jaħfru u jinsew taʼ spiss isostnu illi jekk noqogħdu niftakru fil-passat se nġibu biss firda, speċjalment jekk ikunu għaddew għexur taʼ snin. Huma jgħidu illi l-maħfra tgħaqqad, fil-waqt li, niftakru kemm niftakru, m’aħniex se nbiddluh il-passat, kienu kemm kienu traġiċi s-sofferenzi.
Imma fi sforz biex iġagħlu lin-nies jinsew, xi wħud waslu sal-punt li jiċħdu r-realtà taʼ l-iktar atti orribbli li twettqu kontra l-umanità. Megħjunin minn uħud li jsejħu lilhom infushom storjografi reviżjonisti, xi nies isostnu, per eżempju, li l-Olokawst qatt ma seħħ.a Dawn saħansitra organizzaw vjaġġi għal dawk il-kampijiet fejn kien isir il-qtil bil-massa, bħalma huma Auschwitz jew Treblinka, u qalu lill-viżitaturi li l-kmamar tal-gass qatt ma kienu jeżistu f’dawn il-postijiet—u dan kollu qaluh minkejja l-għadd taʼ xhieda u l-kwantità kbira t’evidenza u dokumentazzjoni.
Kif jistaʼ jkun li ideat reviżjonisti foloz bħal dawn ikollhom suċċess fost ċerti gruppi taʼ nies? Għaliex ħafna jagħżlu li jinsew x’inhi r-responsabbiltà tagħhom u dik taʼ nieshom stess. Għala? Minħabba n-nazzjonaliżmu, l-ideoloġija tagħhom stess, jew inkella minħabba sentimenti antisemitiċi jew oħrajn simili. Ir-reviżjonisti jirraġunaw li ladarba jintesew l-atroċitajiet, ir-responsabbiltà tgħib. Imma ħafna nies jirreżistu b’ħilithom kollha dawn ir-reviżjonisti irresponsabbli, imsejħin “assassini tal-memorja” minn storjografu Franċiż.
Dawn ma Jinsewx
Bla ebda dubju, huwa diffiċli ħafna għal dawk li jibqgħu ħajjin biex jinsew lill-għeżież li mitulhom fil-gwerra jew f’xi atroċità. Madankollu, il-biċċa l-kbira taʼ dawk li jixtiequ jibqgħu jiftakru l-massakri u l-ġenoċidji jagħmlu hekk għax jittamaw li t-tagħlima li toħroġ mis-sofferenzi tagħhom stess u minn dawk taʼ l-għeżież tagħhom tkun t’għajnuna biex jiġu evitati brutalitajiet oħrajn bħal dawn.
Bis-saħħa t’hekk, il-gvern Ġermaniż iddeċieda li jfakkar l-anniversarju taʼ meta skoprew l-atti orribbli mwettqin min-Nazisti fil-kamp tal-konċentrament taʼ Auschwitz. L-iskop taʼ dan, skond il-president tal-Ġermanja, huwa li “din it-tfakkira sservi bħala twissija għall-ġenerazzjonijiet futuri.”
Bl-istess mod, fil-50 anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, Papa Ġwanni Pawlu II ddikjara: “Hekk kif igerbbu s-snin, il-memorji tal-Gwerra m’għandhomx ibattu; minflok, dawn għandhom isiru tagħlima iebsa għall-ġenerazzjoni tagħna u għall-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu.” Minkejja dan, irridu ngħidu li l-Knisja Kattolika m’hijiex dejjem konsistenti f’li tiftakar l-atroċitajiet u l-vittmi taʼ dawk is-snin.
Sabiex il-ġenerazzjonijiet il-ġodda jkunu jistgħu wkoll jieħdu tagħlima u twissija mill-ġenoċidji taʼ dan is-seklu u taʼ sekli oħrajn, infetħu għadd taʼ mużewijiet, bħalma huma l-Holocaust Memorial Museum f’Washington, D.C., u l-Beit Hashoah Museum of Tolerance f’Los Angeles. Biex jintlaħaq l-istess skop, tlestew dokumentarji u programmi oħrajn fuq dan is-suġġett li jġibulek għafsa taʼ qalb. Dan kollu qiegħed isir sabiex l-umanità ma titħalliex tinsa dawk in-nies li sofrew kaġun taʼ ħaddieħor.
Għala Niftakru?
“Dawk li ma jirnexxilhomx jiftakru fil-passat jispiċċaw jirrepetuh,” kiteb George Santayana, filosfu Amerikan imwieled fi Spanja. B’sogħba, jidher li mal-medda taż-żmien, il-bnedmin malajr jinsew il-passat tagħhom stess, u b’hekk jispiċċaw jikkommettu l-istess żbalji koroh darba wara l-oħra.
Is-sekwenza twila u krudili tal-qtil tal-massa mill-bniedem turi ċar li l-ħakma tal-bniedem fuq bnedmin oħrajn falliet għalkollox. Għala ġara hekk? Għaliex il-bnedmin irrepetew għal darba wara l-oħra l-istess żball fundamentali—huma ċaħdu lil Alla u l-liġijiet tiegħu. (Ġenesi 3:1-6; Koħèlet 8:9) U llum il-ġurnata, sewwa sew bħalma hu mbassar fil-Bibbja, “ġenerazzjoni milwija” qiegħda tagħmel l-istess ħaġa u taħsad il-konsegwenzi.—Filippin 2:15 (New World Translation); Salm 92:8 [92:7, NW]; 2 Timotju 3:1-5, 13.
Ladarba daħħalna fin-nofs lill-Ħallieq, Jehovah, fid-diskussjoni tagħna, x’inhi l-ħarsa tiegħu? Hu x’jinsa, u x’jiftakar? Jistaʼ qatt jitħassar il-wirt agonizzanti taʼ l-atroċitajiet kommessi mill-bniedem? Jistaʼ qatt “jintemm il-ħażen tal-ħżiena”?—Salm 7:10
[Nota taʼtaħt]
a Għal informazzjoni fuq il-falzità taʼ l-argumenti taʼ l-istorjografi reviżjonisti, jekk jogħġbok ara l-artiklu “The Holocaust—Yes, It Really Happened!,” ippubblikat fl-Awake! tat-8 t’April, 1989, paġni 4-8.
[Kumment/Stampi fʼpaġna 7]
“Dawk li ma jirnexxilhomx jiftakru fil-passat jispiċċaw jirrepetuh.”—George Santayana
Il-krematorju u l-forn fil-kamp tal-konċentrament taʼ Auschwitz
[Sors]
Oświęcim Museum