Ma Qatax Qalbu
FIL-5 t’Ottubru, 1995, Matt Tapio, żagħżugħ taʼ 14-il sena, ġie operat għal tumur fil-parti ċentrali tal-moħħ. It-tumur irriżulta li kien qerriedi. L-operazzjoni kienet l-ewwel waħda mill-ħafna li kellu jgħaddi minnhom fis-sentejn u nofs taʼ wara. Wara dan, sarulu l-kimoterapija u l-kura bir-raġġi.
Matt kien jgħix f’Michigan, l-Istati Uniti, fejn kien jattendi l-iskola tal-gvern u l-laqgħat Kristjani. Kien jieħu vantaġġ minn opportunitajiet biex jitkellem maʼ l-għalliema u maʼ sħabu tal-klassi dwar it-twemmin tiegħu u kif ukoll jieħu sehem f’li jżur lin-nies fil-ministeru pubbliku. Matul il-bosta drabi li kien l-isptar—qattaʼ 18-il xahar mill-aħħar sentejn u nofs taʼ ħajtu fl-isptarijiet—hu ħalla mijiet taʼ pubblikazzjonijiet Bibliċi maʼ dawk li kien jiltaqaʼ magħhom hemmhekk.
Ħafna drabi kien jidher li Matt ma kienx se jvinċi, imma kull darba kien jerġaʼ jirpilja. Darba, fi triqtu lejn l-isptar, qabduh l-attakki u ma baqax jieħu nifs. Bdew jagħtuh ir-respirazzjoni artifiċjali u reġgħu tawh il-ħajja. Meta ġie f’tiegħu, beda jibki u qal b’leħen għoli: “Jien niġġildilha l-mewt! Niġġildilha! M’iniex wieħed li nċedi!” In-nies kienu jgħidu li kienet il-fidi li Matt kellu f’Alla li żammitu ħaj għal daqstant żmien.
Matt qataʼ xewqa għażiża meta fit-13 taʼ Jannar, 1996, tgħammed bħala simbolu tad-dedikazzjoni tiegħu lil Alla Jehovah. Il-magħmudija saret f’pixxina privata minħabba r-riskju taʼ xi infezzjoni. Ftit tal-jiem wara, reġaʼ mar lura l-isptar għal iktar operazzjonijiet. F’Awissu taʼ l-1997, Matt beda jirremetti għal ġimgħat sħaħ, imma reġaʼ ġie stabbli wara iktar operazzjonijiet.
Matul dan kollu, Matt żamm is-sens t’umoriżmu li kellu, jiċċajta mat-tobba u l-infermieri. Dawn ma setgħux jifhmu għala kellu dan is-sens t’umoriżmu taʼ l-għaġeb. Wieħed mit-tobba qallu: “Matt, kieku jien kont fil-qagħda tiegħek, kont ngħidilhom biex jagħlquli l-purtiera, ngħatti rasi, u nibgħat lil kulħadd jixxejjer.”
Fi Frar taʼ l-1998, Matt irritorna d-dar mill-isptar għal waħda mill-aħħar drabi. Tant kien ferħan li għadu ħaj u qiegħed id-dar li malli daħal mill-bieb taʼ barra, qal: “Kemm jien ferħan! Ejjew ngħidu talba.” Imbagħad hu esprima l-ferħ tiegħu lil Jehovah fit-talb. Xahrejn wara, fid-19 t’April, hu fl-aħħar miet kaġun tal-kanċer.
Iktar kmieni, f’waħda mil-laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah fis-Sala tas-Saltna tal-lokal, kienet ixxandret intervista rrekordjata maʼ Matt. Kien ġie mistoqsi: “X’għandek x’tgħidilhom lil dawk fostna li għad għandhom is-saħħa rigward il-ministeru u l-laqgħat Kristjani tagħna?”
Matt wieġeb: “Agħmel dak li tistaʼ issa. . . . Ma tafx x’jistaʼ jiġrilek. . . . Imma jiġri x’jiġri, qatt tieqaf milli tippriedka dwar Jehovah.”