Idejk Aħsilhom u Ixxottahom!
AĦNA kif inlaqqtuhom l-irjiħat u infezzjonijiet oħrajn? Skond il-U.S. Association for Professionals in Infection Control and Epidemiology (Assoċjazzjoni fl-Amerka għall-Professjonisti fil-Kontroll taʼ l-Infezzjonijiet u l-Epidemjoloġija), minn taʼ l-inqas 80 fil-mija taʼ mard simili jiġi trasmess b’idejna, u mhux mill-arja. Fil-fatt, il-ħasil taʼ l-idejn huwa ġeneralment meqjus bħala l-iktar mod effettiv li jżomm il-mard milli jinfirex. Madankollu, ħafna nies mhux dejjem jaħslu jdejhom wara li jużaw it-tojlit jew inaddfu mneħirhom jew qabel ma jmissu xi ikel. M’għandniex xi ngħidu, ħafna nies dejjem jaħslu jdejhom f’każi bħal dawn. Imma r-riskju taʼ infezzjoni ma jgħibx wara li taħsel idejk fuq fuq u taʼ malajr.
Li tixxotta jdejk sew jistaʼ jkun daqstant importanti. Riċerkaturi fl-Università taʼ Westminster fl-Ingilterra sabu li ħafna nies ma jixxottawx idejhom sew wara li jaħsluhom, speċjalment meta jużaw l-apparat li jitfaʼ r-riħ sħun. Ħafna jkomplu jixxottaw idejhom billi jimsħuhom maʼ ħwejjiġhom. Dan jistaʼ jxerred kwalunkwe mikroorganiżmi perikolużi li jkun għad baqaʼ fuq l-idejn. Skond ir-riċerkaturi, l-aħjar ħaġa hija li tixxotta jdejk għalkollox, preferibbilment billi tuża s-srievet tal-karti li jintużaw darba u tarmihom, jew xi xugaman li ma jkunx intuża u jkun għadu nadif.
Il-U.S. Centers for Disease Control and Prevention (Ċentru fl-Amerka għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard) joffri dawn il-pariri li ġejjin rigward il-ħasil taʼ l-idejn:
• Uża dejjem ilma fietel nieżel mill-vit, u sapuna normali. Jekk ikollok tuża friskatur minflok l-ilma nieżel mil-vit, aħslu u iddiżinfettah kull darba li tużah. Is-srievet nedjin tal-pakkett ma jnaddfux l-idejn b’mod effettiv.
• Ogħrok idejk flimkien sewwa sakemm tagħmel ir-ragħwa, u kompli ogħrokhom minn taʼ l-inqas għal 15-il sekonda. Ogħrok sewwa s-swabaʼ u l-pala taʼ jdejk u kif ukoll bejn is-swabaʼ, u taħt id-dwiefer.
• Laħlaħ idejk fl-ilma fietel nieżel mill-vit.
• Ixxottahom b’xugaman li jintuża darba u jintrema, jew li ma jkun għadu wżah ħadd, u evita li tmiss b’idejk nodfa l-vit jew fejn jiddendel ix-xugaman.
• Agħlaq l-ilma billi tuża x-xugaman ħalli ma tmissx il-vit b’idejk.
• It-tfal għandhom jaħslu jdejhom b’tali mod li jlaħħqu sew maʼ l-ilma nieżel mill-vit. Għin lit-tifel jew lit-tifla biex jagħmlu dan kollu li għedna, u mbagħad aħsel idejk int ukoll.