LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g98 10/8 pp. 4-7
  • Ġesù X’Bixra Kellu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġesù X’Bixra Kellu?
  • Stenbaħ!—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Dak li Tgħid l-​Istorja Sekulari
  • Il-​Bibbja u d-​Dehra taʼ Ġesù
  • Ġesù ma Kienx Xîpli
  • Hija d-​Dehra Tiegħu Importanti?
  • Kif kienet verament l-apparenza taʼ Ġesù?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
  • Kif Kien Jidher Ġesù?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Min Kien Ġesù Kristu?
    Stenbaħ!—1998
  • “Ħares! Ir-Raġel!”
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1998
g98 10/8 pp. 4-7

Ġesù X’Bixra Kellu?

IT-​TESTIMONJANZA li tagħti l-​istorja sekulari rigward il-​bixra li kellu Ġesù hija influwenzata b’mod qawwi minn diversi fatturi. Dawn jistgħu jispjegaw id-​differenzi ewlenin fil-​mod kif intwera fl-​arti.

Żewġ fatturi huma l-​kultura tal-​pajjiż u l-​perijodu li fih sar ix-​xogħol artistiku. Iktar minn hekk, it-​twemmin reliġjuż taʼ l-​artisti u taʼ min ikun qabbadhom jagħmlu x-​xogħol effettwa l-​mod kif Ġesù ġie rrappreżentat grafikament.

Matul is-​sekli, pitturi famużi bħal Michelangelo, Rembrandt, u Rubens, tawha attenzjoni mhux ħażin lid-​dehra fiżika taʼ Kristu. Ix-​xogħlijiet tagħhom, taʼ spiss mirqumin bis-​simboliżmu u l-​mistiċiżmu, influwenzaw bil-​kbir il-​konċett ġenerali tal-​bixra li kellu Ġesù. Imma fuqiex kienu bbażati l-​interpretazzjonijiet tagħhom?

Dak li Tgħid l-​Istorja Sekulari

Ix-​xogħlijiet artistiċi li saru qabel żmien l-​Imperatur Ruman Kostantinu, li għex minn madwar is-​sena 280 E.K. sas-​sena 337 E.K., taʼ spiss kienu juru lil Ġesù bħala r-​“Ragħaj it-​Tajjeb” żagħżugħ, b’xagħru qasir jew inkella b’xagħru twil innokklat. Imma dwar dan, il-​ktieb Art Through the Ages jgħid: “Bħala tema, ir-​Ragħaj it-​Tajjeb nistgħu nibdew insibu traċċi tiegħu fl-​arti Griega Arkajka [pagana] lura sa l-​arti Eġizzjana, imma hawnhekk dan isir is-​simbolu tal-​protettur leali tal-​merħla Kristjana.”

Maż-żmien, din l-​influwenza pagana saret tispikka jerġaʼ iktar. “Ġesù,” iżid il-​ktieb, “jistaʼ faċilment jiġi identifikat maʼ l-​allat familjari tad-​dinja Mediterranja, speċjalment Eljos (Apollo), l-​alla tax-​xemx [li r-​raġġiera tiegħu iktar tard ngħatat lil Ġesù u mbagħad lill-​“qaddisin”], jew Sol Invictus (ix-Xemx mhix Mirbuħa), li hu l-​aspett rumanizzat tiegħu fil-​Lvant.” F’musulew li nstab taħt il-​Bażilika taʼ San Pietru f’Ruma, hemm rappreżentazzjoni grafika li fiha Ġesù attwalment jintwera bħala Apollo “li qed isuq iż-​żwiemel tal-​karru tax-​xemx minn naħa għal oħra tas-​smewwiet.”

Madankollu, din is-​sura iktar żagħżugħa ma damitx wisq. Adolphe Didron, fil-​ktieb tiegħu Christian Iconography, jgħid x’ġara: “Ix-​xbiha taʼ Kristu, li għall-​ewwel kienet żagħżugħa, tikber fl-​età minn seklu għal ieħor . . . hekk kif il-​Kristjanità nfisha tavanza fl-​età.”

Silta li nkitbet fis-​seklu 13 u li taparsi kienet ittra mingħand ċertu Publius Lentulus lis-​Senat Ruman, tagħti deskrizzjoni tad-​dehra fiżika taʼ Ġesù, li tgħid li kellu “xagħru lewn il-​ġellewża mhix misjura [kannella ċar] u lixx kważi sa widnejh, imma minn widnejh ’l isfel bin-​nokkli kemxejn iktar skuri u jleqqu iżjed, li jinżlu għal fuq spallejh; u bil-​ferq fin-​nofs . . . , daqna kbira l-​istess kulur taʼ xagħru, mhux twila, imma ftit mifruqa fuq geddumu; . . . , għajnejh griżi . . . u jleqqu.” Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, din id-​deskrizzjoni mhix awtentika influwenzat lil ħafna artisti. “Kull perijodu,” tgħid in-​New Catholic Encyclopedia, “ħoloq it-​tip taʼ Kristu li kien mixtieq.”

Dak li ġara f’kull perijodu ġara wkoll fir-​razez u fir-​reliġjonijiet. L-​arti reliġjuża fl-​oqsma missjunarji taʼ l-​Afrika, taʼ l-​Amerka taʼ Fuq u t’Isfel, u taʼ l-​Asja, turi lil Kristu b’xagħru twil bħal tal-​Punent; imma xi drabi ġew miżjudin “fattizzi tar-​razza” mad-​dehra tiegħu, tinnota l-​enċiklopedija.

Il-Protestanti wkoll kellhom l-​artisti tagħhom, u dawn interpretaw id-​dehra taʼ Ġesù kif kien jogħġob lilhom. Fil-​ktieb tiegħu Christ and the Apostles​—The Changing Forms of Religious Imagery, F. M. Godfrey jistqarr: “Il-​Kristu traġiku taʼ Rembrandt joriġina mill-​opinjoni li kellhom dwaru l-​Protestanti, imnikket, donnu skeletru, imqit, . . . xbiha tal-​bniedem Protestant, li hu interessat biss f’dak li jikkonċerna lilu, li jiċħad lilu nnifsu.” Dan hu rifless, jgħid hu, fil-​“ġisem Tiegħu niexef għuda, fiċ-​ċaħda tal-​ġisem [tiegħu nnifsu], fl-​‘umiltà, fl-​element li jqanqal il-​qalb u fis-​solennità’ li bihom [Rembrandt] ifforma l-​idea tiegħu taʼ l-​epika Kristjana.”

Madankollu, kif se naraw issa, il-​Kristu fraġli, b’xi raġġiera, effemminat, melankoniku, b’xagħru twil, li taʼ spiss jidher fl-​arti tal-​Kristjaneżmu, m’huwiex dak li fil-​fatt kien. Fir-​realtà, m’għandu x’jaqsam xejn maʼ Ġesù tal-​Bibbja.

Il-​Bibbja u d-​Dehra taʼ Ġesù

Bħala l-​“Ħaruf t’Alla,” Ġesù kien bla difett, allura bla dubju kien raġel verament sabiħ. (Ġwann 1:29; Lhud 7:26) U ċertament li ma kellux dik l-​espressjoni melankonika permanenti li tawh fl-​arti popolari. Veru, hu għadda minn ħafna ġrajjiet taʼ niket f’ħajtu, imma fl-​attitudni ġenerali tiegħu, irrifletta perfettament lil Missieru, “dak Alla hieni.”​—1 Timotju 1:​11, New World Translation; Luqa 10:21; Lhud 1:3.

Ġesù kellu xagħru twil? In-​Nażariti biss kienu kkmandati biex ma jaqtgħux xagħarhom jew jixorbu l-​inbid, u Ġesù ma kienx Nażarit. Għalhekk, bla dubju taʼ xejn, kellu xagħru maqtugħ pulit bħall-​bqija taʼ l-​irġiel Lhud. (Numri 6:​2-7) Kien ukoll jieħu gost jixrob l-​inbid bil-​moderazzjoni meta kien ikun fil-​kumpanija t’oħrajn, u dan isaħħaħ il-​ħsieb li hu ma kienx xi bniedem dejjem qalbu sewda. (Luqa 7:34) Tabilħaqq, hu għamel l-​inbid billi wettaq miraklu waqt festa taʼ tieġ f’Kana tal-​Galilija. (Ġwann 2:​1-11) U hu evidentement kellu d-​daqna, bħalma tixhed profezija li titkellem dwar is-​sofferenzi tiegħu.​—Isaija 50:6.

Xi ngħidu għall-​karnaġġjon u l-​fattizzi taʼ Ġesù? X’aktarx li dawn kienu Semitiċi. Dawn il-​fattizzi probabbilment wirithom mingħand ommu, Marija, li kienet Lhudija. L-​antenati tagħha kienu Lhud, mil-​linja taʼ l-​Ebrej. Għalhekk, Ġesù probabbilment kellu karnaġġjon u fattizzi komuni għal-​Lhud.

Anki fost l-​appostli tiegħu, milli jidher Ġesù ma kienx jispikka bħala xi wieħed differenti ħafna fiżikament, għaliex Ġuda kellu jittradih permezz taʼ bewsa li biha kellhom jidentifikawh l-​għedewwa tiegħu. B’hekk, Ġesù setaʼ faċilment jitħallat mal-​folla. U hekk għamel, għaliex mill-​inqas f’okkażjoni waħda, hu vvjaġġa mill-​Galilija sa Ġerusalemm mingħajr ħadd m’għarfu.​—Mark 14:44; Ġwann 7:​10, 11.

Iżda xi wħud jikkonkludu li Ġesù bilfors li kien xîpli. Għala jgħidu hekk? Biss biss, kellu bżonn l-​għajnuna biex iġorr iz-​zokk tat-​tortura tiegħu. Ukoll, kien l-​ewwel wieħed li miet mit-​tlieta li ġew imsammrin maʼ zokk.​—Luqa 23:26; Ġwann 19:​17, 32, 33.

Ġesù ma Kienx Xîpli

Kuntrarju għal dak li tgħid it-​tradizzjoni, il-​Bibbja ma tiddeskrivix lil Ġesù bħala wieħed xîpli jew effemminat. Minflok, din tgħid li anki meta kien żagħżugħ, “baqaʼ jagħmel progress fl-​għerf u fit-​tkabbir fiżiku u fil-​favur m’Alla u mal-​bnedmin.” (Luqa 2:​52, NW) Għal kważi 30 sena, hu kien mastrudaxxa. Dan ma jidhirx li hu xogħol li jagħmlu xi ħadd magħlub jew taʼ statura dgħajfa, speċjalment dak iż-​żmien, meta ma kellhomx magni moderni li jagħmlulhom nofs ix-​xogħol. (Mark 6:3) Barra minn hekk, Ġesù keċċa l-​barrin, in-​nagħaġ, u lis-​sarrafa tal-​flus ’il barra mit-​tempju, u qaleb l-​imwejjed tas-​sarrafa tal-​flus. (Ġwann 2:​14, 15) Dan ukoll jissuġġerixxi bniedem ippersunat, xi ħadd vigoruż fiżikament.

Matul l-​aħħar tliet snin u nofs taʼ ħajtu fuq l-​art, Ġesù mexa mijiet taʼ mili waqt il-​vjaġġi tiegħu minn post għall-​ieħor biex jippriedka. Minkejja dan, id-​dixxipli tiegħu qatt ma ssuġġerewlu biex ‘jistrieħ ftit.’ Minflok, kien Ġesù li qal lilhom, għalkemm uħud minnhom kienu sajjieda jbigħu s-​saħħa: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.”​—Mark 6:31.

Tabilħaqq, “ir-​rakkonti Vanġeliċi kollha kemm huma,” tgħid is-​Cyclopædia taʼ M’Clintock u Strong, “jindikaw li [Ġesù kien] b’saħħtu u vigoruż fiżikament.” Allura għala kellu bżonn l-​għajnuna biex iġorr iz-​zokk tat-​tortura tiegħu, u għala miet qabel l-​oħrajn li ġew imsammrin maʼ zokk flimkien miegħu?

Wieħed mill-​fatturi fundamentali hu diqa kbira ferm. Hekk kif qorob il-​ħin biex Ġesù jingħata l-​mewt, hu qal: “Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!” (Luqa 12:50) Din id-​diqa żdiedet sa ma saret “dwejjaq tal-​mewt” fl-​aħħar lejl tiegħu: “Ħass dwejjaq tal-​mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-​għaraq sarlu bħal qtar tad-​demm iċarċar sa l-​art.” (Luqa 22:44) Ġesù kien jaf li l-​prospetti li kellha l-​umanità għall-​ħajja eterna kienu jiddependu milli hu jibqaʼ jżomm l-​integrità tiegħu sal-​mewt. Ara x’piż kien dan biex iġorru! (Mattew 20:​18, 19, 28) Kien jaf ukoll li kien se jingħata l-​mewt mill-​poplu t’Alla stess bħala kriminal “misħut.” B’hekk, hu kien ikkonċernat dwar kemm dan setaʼ jġib tmaqdir fuq Missieru.​—Galatin 3:13; Salm 40:​6, 7; Atti 8:32.

Wara t-​tradiment tiegħu, għadda minn krudeltà wara l-​oħra. F’ġuri finta li sar ħafna wara nofs il-​lejl, l-​uffiċjali l-​iktar għoljin tal-​pajjiż irridikolawh, beżqulu u bdew jagħtuh bil-​ponn. Biex tingħata dehra falza taʼ leġittimità lill-​ġuri tal-​lejl taʼ qabel, kmieni l-​għada fil-​għodu għamlu ġuri ieħor. F’dan, Ġesù ġie interrogat minn Pilatu; imbagħad minn Erodi, li, flimkien mas-​suldati tiegħu, qagħad iwaqqgħu għaż-​żuffjett; u mbagħad għal darb’oħra minn Pilatu. Finalment, Pilatu ordna li jifflaġellawh. U dan ma kienx swat ordinarju. The Journal of the American Medical Association qal hekk dwar id-​drawwa Rumana taʼ l-​ifflaġellar:

“L-​istrument normali kien frosta qasira . . . b’diversi strixxi tal-​ġild minsuġin jew waħda waħda taʼ tulijiet differenti, li fihom blalen żgħar tal-​ħadid jew biċċiet li jaqtgħu taʼ għadam tan-​nagħaġ kienu marbutin bi spazju bejniethom. . . . Hekk kif is-​suldati Rumani kienu jolqtu ripetutament id-​dahar tal-​vittma bil-​forza kollha, il-​blalen tal-​ħadid kienu jikkaġunaw tbenġil profond, u l-​istrixxi tal-​ġild u l-​għadam tan-​nagħaġ kienu jidħlu fil-​ġilda u fit-​tessuti taʼ taħt il-​ġilda. Imbagħad, hekk kif is-​swat kien ikompli, it-​tiċrit kien jippenetra fil-​muskoli skeletali taʼ taħt u jipproduċi strixxi mxenglin taʼ laħam kollu dmija.”

B’mod ċar, il-​vitalità taʼ Ġesù kienet diġà bdiet tbatti ħafna qabel ma ċeda taħt it-​toqol taz-​zokk li kien qed iġorr. Fil-​fatt, The Journal of the American Medical Association stqarr: “L-​abbuż fiżiku u mentali li l-​Lhud u r-​Rumani kienu jikkastigaw lill-​vittmi tagħhom bihom, kif ukoll in-​nuqqas taʼ ikel, ilma, u rqad, ikkontribwew ukoll għall-​istat ġenerali mdgħajjef tiegħu. Għalhekk, saħansitra qabel m’attwalment sallbuh, il-​kundizzjoni fiżika taʼ Ġesù kienet minn taʼ l-​inqas serja, forsi anki kritika.”

Hija d-​Dehra Tiegħu Importanti?

Mid-​deskrizzjoni grafika qarrieqa taʼ Lentulus sax-​xogħlijiet t’artisti primi famużi sat-​twieqi moderni bil-​ħġieġ ikkulurit, il-​Kristjaneżmu jidher li jħobb ħafna l-​affarijiet li jolqtu l-​għajn. “Il-​qawwa evokattiva eċċezzjonali tax-​xbiha taʼ Ġesù Kristu għandha tiġi ppreservata,” qal l-​arċisqof taʼ Turin, il-​kustodju tal-​Liżar kontroversjali taʼ Turin.

Madankollu, il-​Kelma t’Alla apposta tħallihom barra dettalji ‘evokattivi’ bħal dawn dwar id-​dehra taʼ Ġesù. Għala? Għax dawn x’aktarx li kienu jaljenawna minn dak li jfisser ħajja taʼ dejjem​—l-​għarfien tal-​Bibbja. (Ġwann 17:3) Ġesù nnifsu​—l-​istess mudell tagħna—​‘ma jħarisx lejn,’ jew iqis bħala importanti, “wiċċ” il-​bnedmin. (Mattew 22:​16; qabbel Galatin 2:6.) Jekk nenfasizzaw id-​dehra fiżika taʼ Ġesù meta din ma tissemma qatt fil-​Vanġeli ispirati nkunu qed nopponu l-​iskop veru tagħhom. Fil-​fatt, Ġesù, kif se naraw fl-​artiklu li jmiss, lanqas biss għad għandu dehra li tixbah lil dik tal-​bnedmin.a

[Nota taʼtaħt]

a M’għandniex xi ngħidu, m’hemm xejn ħażin f’li nużaw stampi li jinkludu lil Ġesù fl-​istudju tagħna tal-​Bibbja. Dawn taʼ spiss jidhru fil-​pubblikazzjonijiet tal-​Watch Tower Society. Madankollu, b’ebda mod ma nipprovaw noħolqu element mistiku, inqanqlu riverenza f’min jarahom, jew nippromwovu konċetti, simboli, jew venerazzjoni li m’humiex skritturali.

[Stampi f’paġna 7]

Il-​Kristu xîpli u pallidu kif impinġi mill-​artisti tal-​Kristjaneżmu f’kuntrast maʼ rappreżentazzjoni grafika taʼ Ġesù bbażata fuq rakkonti Bibliċi

[Sors]

Ġesù Jippriedka ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija minn Gustave Doré

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja