LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 1/8 pp. 24-27
  • Il-​MediterranBaħar Magħluq Bi Ġrieħi Miftuħin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-​MediterranBaħar Magħluq Bi Ġrieħi Miftuħin
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Invażjoni mit-​Turisti
  • Traffiku Eċċessiv tat-​Tankers
  • Ekosistemi Mdgħajfin
  • Mewt fl-​Ilma
  • Pjan t’Azzjoni
  • Speċi Mhedda bl-Estinzjoni
    Stenbaħ!—2005
  • Diżastru fil-Baħar—Traġedja fuq l-Art
    Stenbaħ!—2003
  • Santwarju Uniku taʼ l-Annimali u t-Tjur Salvaġġi tal-Mediterran
    Stenbaħ!—2002
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2004
Stenbaħ!—1999
g99 1/8 pp. 24-27

Il-​Mediterran

Baħar Magħluq Bi Ġrieħi Miftuħin

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-​GREĊJA

Iktar minn elf denfil mejjet fuq ix-​xtut mill-​Greċja sal-​Marokk, mewġ aħmar velenuż fl-​Eġew, miljuni taʼ tunnellati taʼ ragħwa żejtnija u maħmuġa fl-​Adrijatiku, fkieren tal-​baħar u foki f’xifer l-​estinzjoni, irqajjaʼ taʼ ilma neqsin għalkollox mill-​ħajja. X’inhu jiġri fil-​Mediterran? Huwa d-​destin tiegħu futur taʼ tniġġis u ħerba?

“L-​EQDEM pajsaġġ umanizzat fid-​dinja.” Hekk ġie deskritt il-​Mediterran u x-​xtut tiegħu mill-​istudjuż taż-​żooloġija David Attenborough. Peress li jipprovdi aċċess għal tliet kontinenti oħrajn, dan il-​baħar kellu rwol importanti fil-​qawma u fil-​waqgħa taʼ l-​Eġittu, tal-​Greċja, u taʼ Ruma. Huwa l-​bejta minfejn żviluppat il-​biċċa l-​kbira tal-​kultura u ċ-​ċivilizzazzjoni tal-​lum. Madankollu, l-​iżvilupp esaġerat f’dawn l-​aħħar għexur taʼ snin, iż-​żjieda qawwija fit-​turiżmu, il-​qbid esaġerat taʼ ħut, u t-​tniġġis ġabu l-​Mediterran fi kriżi. Xi xjenzati inkwetati u diversi pajjiżi milquta jaraw kif jagħmlu biex joħorġu b’xi soluzzjoni taʼ malajr, imma ftit li xejn irnexxielhom s’issa.

Il-Mediterran huwa l-​akbar baħar imdawwar bl-​art fid-​dinja. Il-​kosta taʼ 46,000 kilometru taʼ dan il-​baħar, fruntiera naturali li għandhom sehem minnha 20 pajjiż, hija abitata minn iktar minn 160 miljun ruħ, figura li jaħsbu li se tirdoppja sas-​sena 2025. Filwaqt li huwa iktar sħun u mielaħ mill-​Atlantiku, is-​sors ewlieni taʼ l-​ilmijiet tiegħu, wieħed jistaʼ jgħid li l-​Mediterran rari jitbaxxa jew jogħla. Peress li l-​ilmijiet tiegħu jinbidlu biss madwar kull 80 jew 90 sena, huwa suġġett ukoll għat-​tniġġis. “Kull ħaġa li tintrema fil-​Mediterran tibqaʼ hemm għal żmien twil,” jgħid in-​National Geographic.

Invażjoni mit-​Turisti

B’xemx tisreġ fuq bajjiet ramlija, b’xenarju mill-​isbaħ, bl-​ospitalità tradizzjonali Mediterranja, u bl-​istorja kbira li għandhom, l-​inħawi kollha tal-​Mediterran saru popolari ħafna mat-​turisti. Kull sena, 100 miljun turist barrani u nies tal-​post iżuru dawn il-​bajjiet, u din il-​figura mistennija li tittripla sa 25 sena oħra. Taħti b’xi mod din il-​mewġa taʼ nies għat-​tħassir taʼ din id-​destinazzjoni sajfija? Eżamina l-​fatti.

Dawn il-​qtajjaʼ taʼ invażuri umani jġibu magħhom skart li l-​pajjiżi Mediterranji m’humiex kapaċi jlaħħqu miegħu. Madwar 80 fil-​mija tad-​drenaġġ li jipproduċu​—iktar minn 500 miljun tunnellata kull sena—​jispiċċa fil-​baħar mingħajr lanqas biss jinħadem! Il-​biċċa l-​kbira taʼ dawn it-​turisti jiġu fl-​istaġun sħun taʼ mingħajr xita, u b’hekk ikomplu jħammġu r-​riżorsi taʼ l-​ilma li jkunu diġà limitati. Mill-​banda l-​oħra, l-​ilma kkontaminat huwa perikoluż għas-​saħħa. F’ċerti partijiet tal-​Mediterran, l-​għawm jistaʼ jirriżulta f’infezzjonijiet fil-​widnejn, fl-​imnieħer, u fil-​ħalq, biex ma nsemmux ukoll mard bħall-​epatite u d-​disenterija u xi kultant każijiet taʼ kolera.

Madankollu, l-​ekonomija taʼ ħafna mill-​pajjiżi Mediterranji tiddependi mit-​turiżmu. Michel Batisse, li darba kien l-​assistent direttur ġenerali tal-​United Nations Educational, Scientific, and Cultural Organization, jgħid hekk dwar dawn il-​pajjiżi: “L-​unika riżorsa tagħhom hija t-​turiżmu, imma kollox jiddependi milli ma jħassrux il-​kosta bil-​bini bla kontroll sforz il-​kilba taʼ ħafna għall-​flus.”

Traffiku Eċċessiv tat-​Tankers

Il-​Mediterran huwa wieħed mir-​rotot ewlenin tat-​trasport bejn il-​Lvant Nofsani u l-​Ewropa, u minħabba f’hekk jgħaddu kwantità kbira taʼ tankers taż-​żejt. Iktar minn 20 fil-​mija taż-​żejt fid-​dinja jgħaddi minn hemm. L-​ammont taʼ skart taż-​żejt li jinxtered fil-​Mediterran kull sena ġie stmat li huwa 17-il darba iktar mill-​ammont li nxtered mill-​Exxon Valdez fl-​Alaska fl-​1989. Bejn l-​1980 u l-​1995, kien hemm 14-il tanker li ħariġlu ż-​żejt fil-​Mediterran, u kull sena, mal-​miljun tunnellata taʼ żejt mhux maħdum jintrema mill-​vapuri, taʼ spiss għar-​raġuni li xi portijiet m’għandhomx il-​faċilitajiet biex jiġbru l-​iskart taż-​żejt jew inaddfu t-​tankijiet.

Biex tgħaxxaqha, l-​ilma li jiskula ’l barra mill-​Mediterran għal ġo l-​Atlantiku mill-​Istrett taʼ Ġibiltà huwa fond. Peress li ż-​żejt jibqaʼ fil-​wiċċ, il-​baħar jitlef l-​ilma n-​nadif li qiegħed fil-​fond imma għandu t-​tendenza li jakkumula ż-​żejt maqbud fil-​wiċċ. “Il-​katina taʼ l-​ikel tal-​Mediterran issa tinsab imtappna bit-​tniġġis taż-​żejt,” tgħid Colette Serruya, ex-direttriċi taʼ l-​Istitut taʼ l-​Oċeanografija f’Iżrael. “Dan iż-​żejt sar parti miċ-​ċelloli tal-​ħut u l-​molluski li għandna.” Fl-​1990 il-​United Nations Environment Program (UNEP) irrapporta li 93 fil-​mija tal-​frott tal-​baħar meħud mill-​Mediterran kien fih iktar batterji mid-​drenaġġ mil-​limitu aċċettat mill-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa.

Ekosistemi Mdgħajfin

Flimkien maʼ dan it-​tniġġis qerriedi, qegħda ssir ħsara kbira mal-​kosta tal-​Mediterran, li sas-​seklu 15 ħafna minnha kienet għadha mimlija msaġar. Il-​qtugħ tas-​siġar, li sar biex tinħoloq art tajba għall-​biedja, biex ikabbru l-​ibliet, jew biex jipprovdu l-​materjal għall-​bini tax-​xwieni Venezjani, ġab miegħu telf taʼ ħamrija li ntilfet għalkollox. Flimkien maʼ l-​affarijiet solidi li ġġorr magħha x-​xita, ix-​xmajjar iġorru lejn il-​baħar ħmieġ bħalma huma d-​deterġenti, il-​pestiċidi, u metalli tqal. Ir-​Rhône fi Franza, in-​Nil fl-​Eġittu, il-​Po fl-​Italja, l-​Ebro fi Spanja, u xmajjar oħrajn qegħdin iktar ma jmorru jġorru kwantità taʼ skart agrikolu u industrijali.

Wieħed mir-​riżultati diretti taʼ dan it-​tniġġis huwa l-​mewġ aħmar (red tides) li laqat diversi nħawi fil-​baħar Adrijatiku u l-​baħar Eġew, u kesa x-​xtut b’ħama qisha kolla u tinten pesta. Dan il-​fenomenu huwa kkaġunat mill-​“eutrophication,” proċess li jseħħ meta l-​iskart li jkun qed jitmermer jiġbed l-​ossiġnu li jkun hemm imxerred ġo l-​ilma, u b’hekk joħnoq il-​biċċa l-​kbira tal-​flora u l-​fawna lokali. Inħawi oħrajn li jinsabu mhedda minn dan il-​fenomenu jinkludu l-​Golf taʼ l-​Iljuni (Franza), il-​Lag taʼ Tunes (Tuniżija), il-​Golf taʼ Iżmir (Turkija), u l-​Laguna taʼ Venezja (Italja).

L-ekosistema tal-​kosta tant iddgħajfet li ċerti speċi li ma kontx issibhom fil-​Mediterran qegħdin jegħlbu l-​ispeċi tal-​post. Eżempju tipiku huwa ċerta alka “qattiela”, il-​Caulerpa taxifolia, li teqred speċi oħrajn tal-​baħar. Introdotta bi żball lil hinn minn Monako, issa bdiet tinfirex maʼ qiegħ il-​baħar. Din hija velenuża, ma jidher li għandha l-​ebda għadu, u diġà nfirxet qatigħ. “Dan kollu jistaʼ jkun il-​bidu taʼ katastrofi ekoloġika,” jgħid Alexandre Meinesz, professur tal-​bijoloġija marittima fl-​Università taʼ Nice, fi Franza.

Għandna iktar aħbarijiet ħżiena. Skond il-​bijologu marittimu Charles-François Boudouresque, iktar minn 300 organiżmu marittimu barrani ġew introdotti fil-​Mediterran. Il-​biċċa l-​kbira minnhom ġew mill-​Baħar l-​Aħmar minn ġol-​Kanal taʼ Swejs. Xi riċerkaturi jemmnu li dan it-​tniġġis bijoloġiku huwa irriversibbli u għandu mnejn ikun waħda mill-​problemi ekoloġiċi ewlenin tas-​seklu li jmiss.

Mewt fl-​Ilma

Il-​flora Mediterranja tiffaċċja ħafna perikli. Fosthom hemm il-​qerda tal-​Posidonja, medda taʼ ħxejjex f’qiegħ il-​baħar li sservi bħala l-​pulmuni u l-​maħżen tal-​baħar u l-​post tat-​tkabbir taʼ bosta ħlejjaq tal-​baħar. Din isservi wkoll bħala kenn fejn mijiet taʼ speċi marittimi jirriproduċu. Il-​mollijiet u l-​pontijiet għad-​dgħajjes li qed jinbnew fuq din il-​medda taʼ ħxejjex jistgħu jeqirduha, u l-​istess ukoll il-​jottijiet u l-​laneċ, li jqaċċtu l-​pjanti mill-​qiegħ bl-​ankri tagħhom.

Il-fawna tal-​baħar tinsab daqstant mhedda. Il-​bumerin tal-​Mediterran (Mediterranean monk seal), wieħed mit-​12-il speċi l-​iktar mhedda fid-​dinja, kważi għeb għalkollox. Kien hemm kważi 1,000 bumerin fil-​Mediterran fl-​1980, imma l-​għadd tagħhom inqered mill-​kaċċaturi u s-​sajjieda, u llum baqaʼ xi 70 jew 80 biss minnhom. Il-​fkieren komuni tal-​baħar issa qed ibidu l-​bajd tagħhom fix-​xtut tal-​Greċja u t-​Turkija biss, u xi kultant jispiċċaw jirfsuhom it-​turisti. Dawn il-​fkieren spiss jitħabblu fix-​xbieki tas-​sajjieda u jsibu ruħhom fuq il-​menù fir-​restoranti lokali. Iċ-​ċkala bajda, in-​nakkra tal-​ħarira, u t-​tamla tal-​baħar ġew magħdudin mal-​lista taʼ l-​ispeċi fil-​periklu.

Pjan t’Azzjoni

Sabiex jieħu ħsieb din is-​sitwazzjoni allarmanti, fl-​1975 ġie adottat il-​Mediterranean Action Plan (MAP) taħt l-​awspiċju tal-​UNEP. L-​għan taʼ dan il-​pjan huwa li jobbliga lill-​pajjiżi Mediterranji, kif ukoll lil membri oħrajn taʼ l-​Unjoni Ewropea, mhux biss li jipproteġu l-​baħar mit-​tniġġis, imma wkoll jiżguraw li l-​iżvilupp mal-​kosta ma jħassarx l-​ambjent. Fl-​1990 inbeda l-​Mediterranean Environmental Technical Assistance Program (METAP), u dan ġie segwit fl-​1993 minn METAP II. Sforzi oħrajn li saru biex jinħolqu riservi naturali, santwarji, u parks nazzjonali marittimi swew xi ftit taʼ ġid f’li jipproteġu d-​dniefel, il-​baleni, il-​bumerini, il-​fkieren tal-​baħar, u speċi oħrajn fil-​periklu.

Kliem intqal ħafna, imma ftit li xejn twettaq. Sal-​bidu tas-​snin disgħin, il-​MAP kienet kważi falliet, peress li l-​ġnus li kellhom jikkontribwixxu l-​iktar naqsu li jħallsu l-​miżati tagħhom. Skond awtoritajiet taʼ dan il-​pjan, lanqas objettiv wieħed milli kellhom ma rnexxielhom iwettqu. Ljubomir Jeftic, deputat koordinatur tal-​MAP, qal hekk meta rrapporta dwar kemm il-​pajjiżi Mediterranji huma lesti biex jieħdu miżuri għal titjib: “Tkunux ottimisti żżejjed.” Saħansitra jekk dawn il-​pajjiżi jaqblu li jieħdu azzjoni, il-​ħsara li diġà saret tistaʼ tieħu għexur taʼ snin biex tissewwa. Ir-​rivista New Scientist tosserva: “Bħalissa, l-​istess bħall-​biċċa l-​kbira taʼ l-​annimali u l-​pjanti fil-​Mediterran, il-​MAP qisha xi ħaġa mejta f’wiċċ l-​ilma.”

X’inhu, mela, il-​futur tal-​Mediterran? Tgħid se jispiċċa baħar mejjet mimli alki jintnu u kollhom ħama? Jistaʼ jkun, jekk il-​futur tiegħu jiddependi biss mill-​bniedem. Madankollu, il-​Ħallieq taʼ din il-​pjaneta, Alla Jehovah, jimpurtah mill-​“baħar, għax hu għamlu.” (Salm 95:5) Hu wiegħed li dalwaqt se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu d-​dinja.’ (Apokalissi 11:18) Wara din it-​tindifa bżonnjuża taʼ bnedmin irresponsabbli li jniġġsu, fost affarijiet oħrajn, l-​ibħra, Alla se jirrestawra l-​bilanċ ekoloġiku u l-​bijodiversità xierqa fil-​globu tagħna. Imbagħad “l-​ibħra u kull ma jitħarrek fihom” se “[j]faħħruh” permezz tal-​kundizzjoni mhux mittiefsa bħalma kienu fil-​bidu.​—Salm 69:35 (69:​34, NW).

[Mappa/Stampi f’paġna 25]

ATLANTIC

PORTUGALL

SPANJA

MAROKK

FRANZA

MONAKO

ALĠERIJA

TUNIŻIJA

SLOVENJA

ITALJA

KROAZJA

JUGOSLAVJA

ALBANIJA

MALTA

GREĊJA

TURKIJA

LIBJA

EĠITTU

ĊIPRU

SIRJA

LIBANU

IŻRAEL

[Stampi f’paġna 26]

Lukandi f’Benidorm, fi Spanja

Lloret de Mar, Costa Brava, fi Spanja

L-​iżvilupp żejjed wassal għat-​tniġġis

[Stampi f’paġna 26]

Ibħra Spanjoli mniġġsin u (taħt) roqgħa żejt f’Genova, l-​Italja

[Sors]

V. Sichov/Sipa Press

[Stampi f’paġna 27]

Il-​fkieren komuni tal-​baħar jinsabu mhedda

Il-​bumerini tal-​Mediterran jinsabu f’xifer l-​estinzjoni

[Sorsi]

Fekruna komuni tal-​baħar: Tony Arruza/Corbis; Foka: Panos Dendrinos/HSSPMS

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja