LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 4/8 pp. 14-17
  • Lamu Gżira fejn iż-Żmien Donnu Waqaf

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Lamu Gżira fejn iż-Żmien Donnu Waqaf
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Qabża lura fil-​Passat
  • Il-Gżira li Dehret u Sparixxiet
    Stenbaħ!—2004
  • Navigar bl-Ilma, bl-Ajru, u bir-Riħ
    Stenbaħ!—2003
  • ‘F’Perikli fil-Baħar’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Iħabbru s-Saltna t’Alla fil-Gżejjer Fiġi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 4/8 pp. 14-17

Lamu Gżira fejn iż-​Żmien Donnu Waqaf

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-​KENJA

IŻ-​ŻIFFA mielħa kienet qed tonfoħ fil-​qalaʼ tal-​luna tal-​bastiment żgħir taʼ l-​injam u tmexxih ’il quddiem. ’Il fuq ħafna mill-​gverta, għassies kien qed iżomm maʼ l-​arblu biex jara jekk jilmaħx xi art fuq ix-​xefaq, waqt li għammex għajnejh bl-​Oċean Indjan ileqq. Kien is-​seklu 15 E.K., u dawn il-​baħrin kienu qed ifittxu l-​gżira taʼ Lamu.

Deheb, avorju, ħwawar, u lsiera—l-​Afrika kienet tipprovdihom kollha. Imħajrin mill-​affarijiet prezzjużi taʼ l-​Afrika u mix-​xewqa li jesploraw, irġiel kuraġġużi kienu jbaħħru lejn il-​kosta taʼ l-​Afrika tal-​Lvant minn pajjiżi ’l bogħod. Il-​baħrin urew qlubija hekk kif ħabbtu wiċċhom maʼ ibħra mqallbin u rwiefen kbar biex ifittxu t-​teżori. Kienu jiffollaw fuq bastimenti taʼ l-​injam li bil-​kemm kienu jesgħuhom, u jsalpaw fuq vjaġġi twal ferm.

F’nofs il-​kosta taʼ l-​Afrika tal-​Lvant, grupp żgħir taʼ gżejjer, l-​arċipelagu taʼ Lamu, kien jipprovdi lil dawn il-​vjaġġaturi bil-​baħar u d-​dgħajjes fraġli tagħhom port fond u kenni li kien protett minn sikek tal-​qroll. Hawnhekk il-​baħrin setgħu jerġgħu jżidu l-​provvista taʼ ilma frisk u ikel għal fuq il-​bastimenti tagħhom.

Sas-seklu 15, il-​gżira taʼ Lamu kienet stabbilita bħala ċentru prosperuż taʼ kummerċ u provvisti. Il-​baħrin Portugiżi li waslu hemm fis-​seklu 16 sabu negozjanti għonja lebsin turbantijiet taʼ l-​għażel u kaftani wesgħin. Nisa kollhom fwieħa, għaddejjin mit-​toroq dojoq, kienu jżejnu dirgħajhom u l-​għekiesi tagħhom bi ċpiepet tad-​deheb. Mal-​moll kollu, id-​dgħajjes tal-​latini bil-​qlugħ romblati kienu mrażżnin sew fl-​ilma, mgħobbijin sa l-​inqas naqra b’affarijiet destinati lejn pajjiżi barranin. Ilsiera marbutin flimkien u miġburin fi gruppi kienu jistennew biex jiġu mmexxijin għal fuq id-​dgħajjes tal-​latini.

L-esploraturi bikrin mill-​Ewropa baqgħu mistagħġbin bil-​livell għoli taʼ sanità u disinn arkitettoniku li sabu f’Lamu. Id-​djar taʼ ħdejn il-​baħar kienu mibnijin b’ċanguni tal-​qroll maqtugħin bl-​idejn minn barrieri tal-​post, u bibien sodi taʼ l-​injam, imnaqqxin b’mod mill-​isbaħ, kienu jipproteġu d-​daħliet tagħhom. Id-​djar kienu rranġati f’ringieli puliti magħmulin apposta biex l-​irjieħ friski mill-​baħar ikunu jistgħu jonfħu mit-​toroq dojoq u jipprovdu serħan mis-​sħana qalila.

Id-djar taʼ l-​abitanti iktar sinjuri kienu kbar u spazjużi. Il-​kmamar tal-​banju kellhom ilma frisk li kien jiġi minn sistemi primittivi taʼ pajpijiet għall-​ilma. Is-​sistema tad-​drenaġġ kienet daqstant impressjonanti u iktar avanzata minn dik taʼ ħafna pajjiżi Ewropej taʼ dak iż-​żmien. Kanali kbar, maqtugħin mill-​blat, kienu mżerżqin għal ġol-​baħar u kienu jġorru d-​drenaġġ lejn ħofor kbar f’qiegħ ir-​ramel li kienu jinsabu ’l bogħod minn sorsi taʼ ilma frisk. Kien hemm ġwiebi tal-​ġebel li kienu jipprovdu ilma frisk lid-​djar. Dawn kien ikun fihom ħut żgħir li jieklu l-​larva tan-​nemus, u b’hekk kienu jnaqqsu n-​numru taʼ dawn l-​insetti li jigdmu.

Sas-seklu 19, id-​dgħajjes tal-​latini li kienu jbaħħru fl-​oċeani kienu qed jakkwistaw minn Lamu avorju, żejt, żrieragħ, ġlud taʼ l-​annimali, qxur tal-​fkieren, snien taʼ l-​ippopotami, u kwantitajiet kbar taʼ lsiera. Maż-​żmien, madankollu, is-​suċċess taʼ Lamu beda jonqos. Pestilenzi, attakki minn tribujiet għedewwa, u restrizzjonijiet li tpoġġew fuq il-​kummerċ taʼ l-​ilsiera naqqsu l-​importanza ekonomika taʼ Lamu.

Qabża lura fil-​Passat

Meta tidħol fil-​port taʼ Lamu llum il-​ġurnata, tkun qisek qed taqbeż qabża lura fl-​istorja. Ir-​riħ jonfoħ mill-​Oċean Indjan, firxa kbira taʼ baħar blu. Mewġ żgħir kaħlani jċafċaf mal-​bajjiet ramlin u bojod. Dgħajjes tal-​latini b’dak id-​disinn antik jidhru għaddejjin mal-​kosta, bil-​qlugħ bojod u trijangulari tagħhom donnhom friefet itiru. Mgħobbijin b’ħut, frott, ġewż taʼ l-​Indji, baqar, tiġieġ, u passiġġieri, dawn jerħulha għall-​port taʼ Lamu.

Mal-moll, is-​siġar tal-​palm li jħaxwxu biż-​żiffa sħuna jipprovdu ftit tad-​dell għall-​irġiel li jkunu qed iħottu dawn il-​bastimenti taʼ l-​injam. Fis-​suq hemm it-​tgeġwiġ tan-​nies li qed jgħajtu u jpartu ħaġa m’oħra. Dawn in-​negozjanti m’humiex qed ifittxu deheb, avorju, jew ilsiera, imma banana, ġewż taʼ l-​Indji, ħut, u qfief.

Fid-dell taʼ siġra kbira tal-​mangu, l-​irġiel jimmaljaw ħbula twal mill-​ħjut tas-​sisal u jsewwu l-​qlugħ tad-​drapp li jimbottaw id-​dgħajjes tagħhom taʼ l-​injam. It-​toroq huma dojoq u mimlijin b’nies ġejjin u sejrin. In-​negozjanti, lebsin ilbiesi bojod twal u wesgħin, jgħajtu mill-​ħwienet imborġati tagħhom biex jistiednu lill-​konsumaturi ħalli jidħlu u jeżaminaw il-​prodotti tagħhom. Ħmar, li qed jitħabat biex jiġbed karettun taʼ l-​injam mgħobbi bi xkejjer tqal tal-​qamħ, jgħaddi minn qalb il-​geġwiġija tan-​nies. L-​abitanti taʼ Lamu jmorru minn post għal ieħor bil-​mixi, għax fuq din il-​gżira m’hemmx karozzi għat-​trasport. Il-​gżira tistaʼ tintlaħaq biss bid-​dgħajsa.

Meta x-​xemx tkun fl-​aqwa tagħha f’nofsinhar, il-​ħin qisu jieqaf. F’dik is-​sħana qalila, ftit li xejn tara nies għaddejjin, u anki l-​ħmir jieqfu bla ma jiċċaqalqu b’għajnejhom magħluqin sew, bit-​tama li jittieħdu xi mkien biex jistkennu mis-​sħana.

Hekk kif tibda nieżla x-​xemx u t-​temperatura tibda nieżla, il-​gżira bla ħajja terġaʼ tqum fuq tagħha. In-​negozjanti jiftħu beraħ il-​bibien kbar u mnaqqxin tagħhom biex jerġgħu jibdew ibigħu, u jkomplu sejrin hekk bid-​dawl tal-​fanali sa tard bil-​lejl. In-​nisa jaħslu lil uliedhom ċkejknin u jogħrkuhom biż-​żejt tal-​ġewż taʼ l-​Indji sakemm il-​ġilda tagħhom tibda tleqq. In-​nisa jintefgħu bil-​qegħda fuq twapet minsuġin mill-​weraq tal-​ġewż taʼ l-​Indji u jibdew jippreparaw ukoll l-​ikel. Hawnhekk dawn għadhom isajru fuq ħuġġieġa tan-​nar, u jippreparaw ikliet delizzjużi taʼ ħut imħawwar bi ħwawar aromatiċi u ross imsajjar fil-​ħalib tal-​ġewż taʼ l-​Indji. In-​nies huma dħulin, ospitabbli, u jieħdu l-​ħajja bil-​mod.

Għalkemm Lamu tilfet l-​isplendur li kellha, il-​kultura Afrikana tradizzjonali taʼ qabel is-​seklu 20 għadha tiffjorixxi hawnhekk. Taħt ix-​xemx sħuna tropikali, il-​ħajja tkompli għaddejja eżatt kif ilha għaddejja għal sekli sħaħ. F’dan il-​post wieħed jirnexxilu jara l-​passat u l-​preżent f’daqqa. Verament, Lamu hija unika għax baqgħet l-​istess bħal fi żmien l-​imgħoddi, gżira fejn iż-​żmien donnu waqaf.

[Kaxxa/Stampi f’paġni 16, 17]

Iż-​Żjara Tagħna F’lamu

M’ilux ħafna, grupp minna żorna Lamu, imma m’għamilniex dan bl-​iskop li nixtru jew inbigħu l-​prodotti. Morna biex naraw lil ħutna Kristjani, Xhieda taʼ Jehovah sħabna. L-​ajruplan żgħir tagħna tar lejn it-​tramuntana fuq il-​kosta mħarbta tal-​Kenja. ’L isfel ħafna, kien hemm mewġ żgħir tul il-​plajja mimlija foresti tropikali ħodor u fertili, b’żigarella taʼ ramel abjad max-​xatt. Imbagħad, qisu f’daqqa waħda, rajna l-​gżejjer taʼ l-​arċipelagu taʼ Lamu jleqqu qishom ġojjelli f’dak il-​baħar kaħlani. Bħal xi ajkla Afrikana kbira, dorna dawramejt mal-​gżejjer u mbagħad inżilna ’l isfel mis-​sema, għal fuq airstrip żgħir fuq il-​kontinent. Inżilna mill-​ajruplan, imxejna sa xatt il-​baħar, u rkibna dgħajsa tal-​latini biex immorru lejn Lamu.

Kienet ġurnata sabiħa bix-​xemx, u r-​riħ fuq il-​baħar kien sħun u frisk. Hekk kif qrobna lejn il-​gżira, innotajna li l-​pont kien mimli bin-​nies. Irġiel b’saħħithom kienu qed iġorru tagħbijiet tqal mid-​dgħajjes, u n-​nisa kienu qed iġorru l-​affarijiet tagħhom bilanċjati sew fuq rashom. Bil-​bagalji tagħna, għaddejna mir-​rassa tal-​folla u waqafna taħt id-​dell taʼ siġra tal-​palm. Fi ftit minuti, ħutna l-​Kristjani lemħuna, u tawna merħba mill-​qalb ġewwa gżirithom.

Fil-​għodu qomna ħafna qabel ma telgħet ix-​xemx biex niltaqgħu maʼ ħutna ħdejn xatt il-​baħar. Il-​vjaġġ biex nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni kien twil u kien se jieħu ħafna sigħat. Morna armati b’ilma x’nixorbu, kpiepel kbar, u żraben tajbin għall-​mixi. Tajna darna lix-​xemx tielgħa, u bdejna l-​vjaġġ tagħna lejn il-​kontinent, fejn kienu jsiru l-​laqgħat.

L-​aħwa wżaw l-​opportunità biex jagħtu xiehda lil dawk abbord, u sakemm sar il-​ħin li ninżlu, kellna xi diskussjonijiet Bibliċi mill-​isbaħ u qassamna diversi rivisti. Quddiemna kellna triq tikwi u kollha trab bħal deżert. Billi kellna ngħaddu minn post fejn ma kien joqgħod ħadd, tawna l-​parir li noqogħdu b’sebaʼ għajnejn għal xi annimali salvaġġi, inkluż xi iljunfant li kultant kien jaqsam it-​triq. L-​aħwa kienu ferħanin u pożittivi waqt li mxejna bil-​mod lejn id-​destinazzjoni tagħna.

Malajr wasalna f’villaġġ żgħir fejn iltqajna m’oħrajn fil-​kongregazzjoni li kienu ġew bil-​mixi minn postijiet ’il bogħod. Minħabba d-​distanzi twal involuti, kienu se jsiru erbaʼ laqgħat tal-​kongregazzjoni f’din il-​ġurnata.

Il-​laqgħat kienu jsiru fi skola żgħira mibnija b’ġebel mhux mirqum, u ma kien fiha l-​ebda bibien jew twieqi lesti. Ġewwa waħda mill-​klassijiet, konna 15 bil-​qegħda fuq bankijiet dojoq taʼ l-​injam u gawdejna programm mill-​aħjar ibbażat fuq il-​Bibbja, li kien inkuraġġanti u istruttiv. Donnu li ħadd ma kienet qed iddejqu s-​sħana qawwija ħierġa mis-​saqaf tal-​landa li kellna fuq rasna. Kulħadd kien sempliċement ferħan li konna flimkien. Wara erbaʼ sigħat taʼ laqgħat, sellimna lil xulxin u kulħadd telaq għal triqtu. Sakemm ilħaqna wasalna Lamu, ix-​xemx dehbija kienet nieżla fuq ix-​xefaq.

Dik il-​lejla, fis-​sirda tal-​lejl, kilna ikla sempliċi mal-​familji tax-​Xhieda li jgħixu f’Lamu. Fil-​ġranet taʼ wara aħna mxejna magħhom mit-​toroq dojoq u mserrpin, infittxu lin-​nies bil-​ġuħ għall-​verità Biblika. Iż-​żelu u l-​qlubija taʼ dawn il-​ftit aħwa inkuraġġewna ħafna.

Fl-​aħħar waslet il-​ġurnata meta kellna nitilqu. L-​aħwa wassluna sal-​moll, u sellimna lil kulħadd b’qalb maqsuma. Huma qalulna li ż-​żjara tagħna kienet inkuraġġiethom. Aħna ddubitajna jekk kinux irrealizzaw kemm huma kienu taʼ inkuraġġiment għalina! Meta wasalna, ma domniex ma rkibna l-​ajruplan żgħir tagħna. Hekk kif bdejna telgħin ’il fuq iktar u iktar fl-​għoli, aħna ħarisna ’l isfel lejn il-​gżira sabiħa taʼ Lamu. Qgħadna naħsbu dwar il-​fidi qawwija taʼ l-​aħwa li jgħixu hemm, id-​distanzi twal li jivvjaġġaw biex imorru l-​laqgħat, u ż-​żelu u l-​imħabba li għandhom għall-​verità. Żmien twil ilu tniżżlet il-​profezija f’Salm 97:1: “Il-​Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-​art bil-​ferħ, u jifirħu l-​ħafna gżejjer!” (Korsiv tagħna.) Tassew, saħansitra fuq il-​gżira mwarrba taʼ Lamu, in-​nies qed jingħataw l-​opportunità li jifirħu bit-​tama taʼ l-​għaġeb taʼ ġenna fil-​futur taħt is-​Saltna t’Alla.—Kontribwit.

[Mappa/Stampa f’paġna 15]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

L-​AFRIKA

IL-​KENJA

LAMU

[Sor tal-​istampa f’paġna 15]

© Alice Garrard

[Sor tal-​istampa f’paġna 16]

© Alice Garrard

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja