Ġojjell Salvaġġ
FID-DEŻERT XOTT taʼ l-Afrika, fejn ix-xita hi skarsa ħafna, jikber ġojjell—il-warda tad-deżert (desert rose). Din il-pjanta tikber f’għamla delikata, bi zkuk mgħawġin, u tieħu ż-żmien biex tikber. Jingħad li tgħix għal mijiet taʼ snin. Iz-zokk oħxon tas-siġra u l-għeruq tagħha jservu bħala riserva għall-ilma u jgħinuha tiffjorixxi f’ambjent niexef u ostili.
Is-sugu, l-għeruq, u ż-żerriegħa taʼ din il-pjanta sukkulenti fihom velenu qattiel. Ftit mill-velenu taż-żerriegħa jinġibed biex jitpoġġa fil-ponot tal-vleġeġ u s-sajjieda jitfgħu z-zkuk tagħha fl-ilma biex lill-ħut jistorduhom u jaqbduhom faċilment. Iktar minn hekk, ir-raħħala jużaw partijiet minn din il-pjanta biex iħalltu velenu li joqtol il-qurdien u l-qamel minn fuq l-iġmla u l-baqar tagħhom. Ħaġa kurjuża hi li, minkejja n-natura qattiela tal-pjanta, annimali salvaġġi jieklu mill-weraq tagħha u ma jiġrilhom xejn.
Imma kif tistaʼ din il-warda tad-deżert velenuża tissejjaħ ġojjell? Imlibbsa b’għenieqed taʼ blanzuni delikati, il-warda tad-deżert hija spettakolari, b’kuluri vibranti li jvarjaw minn roża skur għal aħmar kremżi. Meta l-art tkun niexfa ħafna u bla kulur, dan il-ġojjell sabiħ u salvaġġ jiftaħ abbundanza taʼ fjuri li jibdew jiddu meta x-xemx tleqq fuqhom.
Din is-sbuħija taʼ l-għaġeb fid-deżert ma tistax ma tfakkarniex f’dak iż-żmien meta “ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-ranġis.” (Isaija 35:1) Din il-wegħda meraviljuża żgur li se ssir realtà taħt it-tmexxija tas-Saltna t’Alla li ġejja. F’dak iż-żmien l-art kollha se ‘tifraħ,’ għax mhux biss se ssir ġenna taʼ ġmiel imma wkoll post taʼ paċi għall-umanità kollha.—Salm 37:11, 29; Isaija 35:6, 7.
[Sors tal-istampa f’paġna 31]
© Mary Ann McDonald