L-Aħbarijiet tat-Televiżjoni—Kemm Minnhom Ikunu Aħbarijiet Tassew?
Grupp taʼ nies li josservaw mill-qrib il-mezzi tax-xandir analizzaw 102 programmi lokali li jxandru l-aħbarijiet fuq it-televiżjoni fi 52 belt ewlenija fl-Istati Uniti, sabiex jinvestigaw il-kontenut u l-preżentazzjoni. Minn din l-osservazzjoni skoprew li 41.3 fil-mija biss tal-programmi kienu aħbarijiet. Mela x’jixxandar iktar waqt l-aħbarijiet?
Bejn wieħed u ieħor, 30.4 fil-mija tal-ħin dedikat għall-aħbarijiet lokali fuq it-televiżjoni jikkonsisti f’reklami. Fil-fatt, xi wħud mill-istazzjonijiet li sar stħarriġ fuqhom jiddedikaw iktar ħin għar-reklami milli għall-aħbarijiet. Barra minn hekk, il-ħin dedikat għall-aħbarijiet ikun taʼ spiss mimli bit-tnietef, jistqarr ir-rapport li ġabar fil-qosor l-iskoperti taʼ l-istudju.a Taħt is-sottitlu “Tnietef,” ir-rapport iniżżel “il-ħin kumulattiv li jinkludi l-kliem taʼ dawk li jaqraw l-aħbarijiet huma u jintroduċu rapporti minn xandâra oħra, reklami u ħarsa bil-quddiem lejn l-aħbarijiet li jmiss, l-aħbarijiet ‘sentimentali’ jew taʼ ftit importanza u l-aħbarijiet dwar iċ-ċelebritajiet.” Eżempju taʼ xi ftit minn dawn it-tnietef t’aħbarijiet huma: “Kuntest taʼ l-Agħar Tenuri,” “Riporter Jieħu Dawra taʼ l-Għaġeb u Inkredibbli fuq Roller Coaster,” u “Iktar Nies Jixtru Prodotti mis-Supermarkets biex Idellku l-Ħobż.”
Il-veri aħbarijiet liema ġrajjiet ikun fihom? Ġrajjiet konnessi mal-kriminalità jiddominaw l-aħbarijiet fuq it-televiżjoni, u jinkludu 26.9 fil-mija tal-ħin dedikat għall-aħbarijiet. “L-għajdut ‘Jekk storja tinvolvi t-tixrid tad-demm, tieħu l-ewwel’ għadu jgħodd ħafna fl-aħbarijiet lokali fuq it-televiżjoni . . . Ir-rati tal-kriminalità għandhom mnejn niżlu fl-Istati Uniti matul dawn l-aħħar ftit snin, imma mhux hekk fl-aħbarijiet lokali fuq it-televiżjoni.” Għala? Skond l-awturi taʼ l-istudju, “ġrajjiet konnessi mal-kriminalità jkunu drammatiċi u jiġbdu l-attenzjoni tan-nies.”
Wara l-kriminalità nsibu l-aħbarijiet dwar id-diżastri, bħal nirien, inċidenti bil-karozza, għargħar, u splużjonijiet (12.2 fil-mija taʼ l-aħbarijiet), segwiti mill-aħbarijiet sportivi (11.4 fil-mija). Imbagħad insibu aħbarijiet li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa (10.1 fil-mija), il-gvern (8.7 fil-mija), u l-ekonomija (8.5 fil-mija). Suġġetti bħall-edukazzjoni, l-ambjent, l-arti, u x-xjenza jirċievu ftit li xejn attenzjoni (minn 1.3 sa 3.6 fil-mija). Ir-rapporti tat-temp, mill-banda l-oħra, għandhom medja taʼ 10 fil-mija taʼ l-aħbarijiet kollha. “Kulħadd jieħu pjaċir jitkellem fuq it-temp, u l-aħbarijiet fuq it-televiżjoni l-istess ħaġa jagħmlu,” jikkummentaw ir-riċerkaturi. Huma jżidu: “Kwalunkwe tip taʼ temp, tajjeb jew ħażin, sħun jew kiesaħ, bix-xita jew mhux, joħloq aħbarijiet twal fuq it-televiżjoni.”
Fuq nota pożittiva, ir-rapport isostni li għadd li dejjem jiżdied taʼ ġurnalisti u telespettaturi jħossu li hemm bżonn issir bidla. Madankollu, l-istudju jammetti li bidla bħal din m’hijiex se sseħħ faċilment għax “l-influwenza li għandu s-suq u r-regħba jistgħu dejjem jheddu l-ġurnaliżmu taʼ kwalità.”
[Nota taʼ taħt]
a Ir-rapport Not in the Public Interest—Local TV News in America huwa r-rabaʼ stħarriġ nazzjonali li jsir kull sena biex jiġi eżaminat x’ikun hemm fl-aħbarijiet. Dan jiġi miġbur minn Dr. Paul Klite, Dr. Robert A. Bardwell, u Jason Salzman, tar-Rocky Mountain Media Watch.