LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 9/8 pp. 10-11
  • “L-Isbaħ Ħlejqa li Tgħix fil-Foresta”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “L-Isbaħ Ħlejqa li Tgħix fil-Foresta”
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nistudja l-​Kokka li Tikkaċċja
  • Kif Tagħżel is-​Sieħeb
  • Fejn Tkun il-​Bejta
  • L-​Ikel u t-​Taħriġ
  • Ir-Rix tal-Kokka
    Stenbaħ!—2010
  • Il-ġwienaħ tal-kokka
    Ġie Disinjat?
  • Ġenituri Leali li Jikkooperaw
    Stenbaħ!—2009
Stenbaħ!—2000
g00 9/8 pp. 10-11

“L-​Isbaħ Ħlejqa li Tgħix fil-​Foresta”

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FL-​ISVEZJA

JIEN rajtha għall-​ewwel darba jum wieħed f’Ġunju—“l-​isbaħ ħlejqa li tgħix fil-​foresta,” kif isejħulha xi wħud li joqogħdu hawn. Din il-​ħlejqa hija l-​kokka griża u kbira, jew, kif isibuha kultant, il-​kokka taʼ Lapland.

Din il-​kokka ġganta u mill-​isbaħ tgħix f’xi nħawi tal-​Finlandja u fin-​naħa taʼ fuq taʼ l-​Isvezja, kif ukoll iktar ’il bogħod lejn il-​lvant fis-​Siberja, l-​Alaska, u l-​Kanada. Din tippreferi tibqaʼ moħbija u hija diffiċli biex issibha jekk ma tkunx taf fejn għandha l-​bejta. Ladarba ssib il-​bejta, se ssib ukoll li din il-​kokka m’hijiex xi waħda li tibżaʼ.

Nistudja l-​Kokka li Tikkaċċja

Lill-​kokka raġel taʼ din l-​ispeċi, li għandu marki mill-​isbaħ fir-​rix, irnexxieli nistudjah hu u jfittex l-​ikel. Kien joqgħod fuq fergħa taʼ siġra u f’daqqa waħda jtir biex jipprova jaqbad ġurdien. Kien jirnexxilu jaqbadha l-​priża? Dażgur li iva! Stajt naralu sew ġurdien żgħir maqbud bejn difrejh, hu u jogħla bil-​mod u b’dehra impressjonanti bil-​ġwienaħ enormi li għandu. Il-​ġwienaħ jiftaħhom 140 ċentimetru minn ponta sa ponta.

Il-kokka taʼ Lapland ma tbidx regolarment kull sena bħalma jagħmlu ħafna kokk oħrajn. Din il-​kokka ġganta tiekol biss mammiferi żgħar li jgerrmu, bħall-​ġrieden. Allura jiġri li f’xi snin, meta ma jsibux ħafna minn dawn l-​annimali x’jieklu, il-​kokk jieqfu jbidu għalkollox. Matul snin oħra, meta l-​ikel ikun abbundanti, jistaʼ jkun hemm erbaʼ flieles jew iktar f’kull bejta.

Kif Tagħżel is-​Sieħeb

Ir-​rebbiegħa hija l-​istaġun tat-​tgħammir għall-​kokk, u l-​kokka mara tagħżel is-​sieħeb tagħha bil-​għaqal. Kuntrarju għal dak li jimpurtahom minnu ħafna nisa fl-​ispeċi umana, id-​dehra sabiħa tas-​sieħeb tagħha m’hijiex l-​iktar ħaġa li jimpurtaha lil din il-​kokka. Skond studji li għamlu wħud li josservaw l-​għasafar, ir-​raġel irid juri li huwa kaċċatur tas-​sengħa. Qabel ma jsiru xi pjanijiet biex ikollhom familja, ir-​raġel irid jipprovdi l-​ikel lill-​kokka mara.

Jekk ikun hemm ħafna ġrieden u r-​raġel ikun kapaċi jmantni l-​familja, l-​ikel li jagħti lill-​mara jġagħalha tiżdied fil-​piż. Dan il-​piż miżjud iservi taʼ sinjal għal ġisimha, u jindikalha kemm għandha tipproduċi bajd.

Il-kaċċa issa taqaʼ totalment fuq ir-raġel, u hu jkollu bżonn ħafna enerġija. Il-​kokka mara tkompli tħeġġu bl-​għajta mkarrba tagħha, peress li l-​enerġija kollha tagħha tkun konċentrata fuq li tipproduċi l-​bajd u tieħu ħsieb sew dawn l-​oġġetti prezzjużi.

Fejn Tkun il-​Bejta

Permezz tat-​tromba stajt nara r-​raġel sabiħ jittajjar fl-​għoli, ġej u sejjer iġorr il-​priża. Fl-​aħħar mill-​aħħar, irnexxieli nsib il-​bejta. Il-​kokk taʼ Lapland ma jagħmlux bejtiet għalihom imma taʼ spiss jużaw bejtiet magħmulin minn friegħi żgħar tas-​siġar li jkunu għamlu għasafar oħra tal-​priża li jgħixu fil-​foresta. Meta ma jsibux bejta, il-​kokk ġieli jużaw zokk mejjet taʼ siġra.

Fil-bejta, sibt żewġ flieles żgħar qishom blalen tar-​rix, jiċċassaw b’għajnejhom miftuħin lejn kull ħaġa li kien hemm madwarhom. B’kantaliena t’għajat mimli krib, huma dawru ħarsithom imġewħa lejn ommhom, li kienet qegħda fil-​qrib tara kollox. Jistaʼ jkun perikoluż jekk tersaq qrib wisq taż-​żgħar f’dan il-​perijodu. Jekk il-​kokka mara tħoss li ż-​żgħar tagħha qegħdin fil-​periklu, hi ttir inkiss inkiss u tattakka lil min jiddeffes bi dwiefer iniggżu daqs il-​labar. Għalhekk huwa importanti li toqgħod attent u tistudja l-​kokk minn distanza għaqlija.

L-​Ikel u t-​Taħriġ

Malli wasal fil-​bejta, ir-​raġel reħa difrejh minn fuq il-​ġurdien, qabdu b’munqaru u tah lil wieħed miż-​żgħar. Il-​fellus li wara kien imissu jiekol beda jagħmel ħafna ħsejjes malli ra lill-​fellus taʼ maġenbu jiekol.

Wara li kiel l-​ikla mixtieqa, il-​fellus tant inbidel li tgħidx kemm kien jaqbdek daħq li kieku kellek tarah. Fejn qabel kien fuq tiegħu u attent, f’daqqa waħda l-​fellus inbidel u beda jaġixxi bħal wieħed fis-​sakra! L-​enerġiji kollha tiegħu beda jużahom biex isajjar l-​ikel fl-​istonku, u malajr intelaq u sar kobba żgħira taʼ rix artab. Imma l-​fellus taʼ maġenbu bil-​mod il-​mod beda jerġaʼ jiġi f’tiegħu u ma damx ma beda jistejqer mill-​aħħar ikla li ħa.

L-affarijiet jibqgħu sejrin hekk sa nofs Ġunju. Imbagħad iż-​żgħar ikunu għalqu erbaʼ ġimgħat u jkunu jistgħu jħabbtu ġwinħajhom biex joħorġu mill-​bejta, bi ftit inkuraġġiment mill-​għajta t’ommhom. Għall-​ewwel, huma joqogħdu jimxu fuq is-​siġar b’sengħa kbira. Hemm fuq, għandhom inqas ċans li jaħtafhom xi annimal milli kieku jkunu fl-​art.

Maż-żmien, il-​flieles jibdew itiru minn zokk għal ieħor, u b’hekk jibdew jitħarrġu fit-​titjir. Wara ftit, huma jiżviluppaw il-​ħila li jtiru u jikkaċċjaw. Anki d-​dehra tagħhom tinbidel, u b’hekk huma wkoll ikunu jistgħu jissejħu ‘ħlejjaq mill-​isbaħ tal-​foresta.’

[Sors tal-​istampi f’paġna 10]

© Joe McDonald

© Michael S. Quinton

[Sors tal-​istampi f’paġna 11]

© Michael S. Quinton

© Michael S. Quinton

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja