Il-Vjaġġ it-Tajjeb!
“L-evakwazzjonijiet minn ajruplani tal-passiġġieri jseħħu madwar darba fil-ġimgħa,” jgħid rapport f’USA Today. Għalkemm il-biċċa l-kbira minnhom ikunu jinvolvu inċidenti żgħar jew allarmi foloz, l-evakwazzjoni tistaʼ ssir b’mod aħjar jekk tagħti kas dawn il-pariri:
● ILBES SEW. Ilbes ħwejjeġ li huma komdi u li jħalluk tiċċaqlaq kif trid. Jekk jistaʼ jkun, il-ħwejjeġ għandhom jgħattulek kważi ġismek kollu. Qalziet u flokk bil-kmiem twal ikunu għażla tajba. Ilbes ħwejjeġ li huma magħmulin minn fibri naturali, bħat-tajjar, suf, ġilda, jew drapp tal-jeans. Drappijiet sintetiċi, bħal rayon, polyester, u nylon (speċjalment tajts u kalzetti), jistgħu jdubu bis-sħana u jikkaġunaw ħruq serju fuq il-ġisem u s-saqajn.
● ĦEJJI LILEK INNIFSEK MENTALMENT. Aħseb dwar x’se tagħmel f’każ t’emerġenza. Malli tpoġġi bil-qegħda, ara fejn jinsabu l-eqreb bibien t’emerġenza, kemm dawk taʼ quddiemek u kemm dawk taʼ wara r-ringiela tiegħek. Agħti widen għall-istruzzjonijiet taʼ salvataġġ li jingħataw qabel kull titjira. Irrevedi l-kartolina li tipprovdi dettalji dwar x’għandek tagħmel f’każ t’evakwazzjoni.
● TIPPANIKKJAX. Jekk tqum emerġenza, ibqaʼ kalm u segwi l-istruzzjonijiet tal-membri taʼ l-ekwipaġġ. Jekk hemm bżonn li ssir evakwazzjoni, imxi lejn l-eqreb bieb t’emerġenza, u tiħux affarijiet persunali miegħek.
● OQGĦOD ATTENT KIF TOĦROĠ MILL-AJRUPLAN. Biex tinżel miż-żurżieqa, aqbeż għal saqajk l-ewwel minflok ma tpoġġi bil-qegħda u tiżżerżaq. Orbot dirgħajk fuq sidrek. Żomm riġlejk u saqajk magħluqin, u inżaʼ ż-żarbun jekk ikollok takkuna ppontata. Malli tmiss maʼ l-art, tbiegħed mill-ajruplan, u oqgħod għassa għall-vetturi t‘emerġenza.
Jagħmel differenza jekk timxi maʼ dawn il-pariri? Iva! “L-inċidenti taʼ l-ajru m’humiex kollha fatali,” jgħid il-bullettin Intercom taʼ l-Amministrazzjoni Federali taʼ l-Avjazzjoni. Il-bullettin ikompli jżid li madwar 50 fil-mija taʼ l-imwiet konnessi maʼ titjiriet kummerċjali jseħħu f’inċidenti fejn in-nies setgħu salvaw.