LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 9/8 pp. 11-14
  • X’Hemm Bżonn biex Jibqgħu Jtiru?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Hemm Bżonn biex Jibqgħu Jtiru?
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif l-​Ajruplani Jinżammu f’Qagħda Tajba biex Itiru
  • X’Inhu Involut f’“D Check”
  • Lest biex Itir
  • It-Tfittxija għas-Sigurtà fl-Ajru
    Stenbaħ!—2002
  • Kif Tkun Konxju Dwar is-Sigurtà
    Stenbaħ!—2002
  • L-Ivvjaġġar bl-Ajru Għadu Ħieles mill-Periklu?
    Stenbaħ!—2002
  • Suġġerimenti għall-Ivvjaġġar minn Pilota t’Esperjenza
    Stenbaħ!—2003
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1999
g99 9/8 pp. 11-14

X’Hemm Bżonn biex Jibqgħu Jtiru?

“SINJURI, merħba fl-​Ajruport Internazzjonali John F. Kennedy taʼ New York City.” Maʼ dan l-​avviż lill-​passiġġieri li għadhom kemm waslu, tibda attività kbira ġo l-​ajruplan u madwaru appena jinżlu n-​nies minn fuqu. Qatt staqsejt x’jiġrilu l-​ajruplan f’dan il-​waqt?

Inġenji kummerċjali taʼ l-​ajru jagħmlu l-​qligħ biss waqt li jkunu qed itiru bil-​passiġġieri jew b’xi tagħbija, mhux meta jkunu weqfin fuq l-​art. Għalhekk, il-​linji taʼ l-​ajru jimmiraw li jużaw il-​flotot tagħhom kemm jistaʼ jkun. Waqt li l-​passiġġieri jistennew għall-​bagalji tagħhom, l-​ajruplan ikun qed jitħejja malajr għat-​titjira li jkun imiss. Il-​mekkaniks jibdew il-​ħidma tagħhom billi jirrevedu l-​ktieb taʼ l-​ajruplan fejn titniżżel kwalunkwe problema mekkanika li jkun innota l-​ekwipaġġ tat-​titjira taʼ qabel. Huma jirranġaw l-​affarijiet kollha li jistgħu jeffettwaw ħażin il-​mod kif jaħdem l-​ajruplan, imsejħin ukoll affarijiet “no-go.”

Ir-roti, it-​tajers, il-​brejkijiet, u l-​livelli taż-​żejt fil-​magna taʼ l-​ajruplan jiġu ċċekkjati. Il-​grupp tat-​tindif jiżbarazza l-​kabina tal-​passiġġieri. L-​armarji tal-​kċina, jew galleys, jerġgħu jimtlew bl-​ikel u x-​xorb. Il-​fuel jiġi pompjat fit-​tankijiet tal-​ġwienaħ. Qabel ma l-​ajruplan jerġaʼ jkun lest biex jitlaq, il-​membri taʼ l-​ekwipaġġ iduru dawra miegħu minn barra biex jeżaminawh u jiċċekkjaw jekk hemmx xi kundizzjoni li tistaʼ teffettwa ħażin lis-​sigurtà.

Kuljum, bejn titjira u oħra, eluf t’ajruplani jiġu ċċekkjati b’dan il-​mod u ssirilhom manutenzjoni immedjata. Imma dan huwa biss nitfa minn dak li hemm bżonn ħalli ajruplan tal-​passiġġieri jibqaʼ tajjeb biex itir mingħajr periklu. Bħalma l-​karozzi għandhom bżonn taʼ manutenzjoni minn żmien għal żmien, l-​ajruplani jeħtieġu li jiġu ċċekkjati darba wara l-​oħra u jingħataw manutenzjoni estensiva u għalja regolarment. Min jagħmel din il-​manutenzjoni taʼ l-​ajruplani? Kif isir ix-​xogħol?

Kif l-​Ajruplani Jinżammu f’Qagħda Tajba biex Itiru

Skond l-​Assoċjazzjoni Amerikana tat-​Trasport taʼ l-​Ajru, il-​membri tal-​linji taʼ l-​ajru tagħha jġorru iktar minn 95 fil-​mija tat-​traffiku taʼ l-​ajru fl-​Istati Uniti, li jinkludi kemm passiġġieri kif ukoll merkanzija. Fl-​1997 dawn il-​linji taʼ l-​ajru kellhom xi 65,500 mekkanik taʼ l-​ajruplani jagħmlu dan ix-​xogħol. Flimkien maʼ l-​inġinieri u ħaddiema oħrajn li jieħdu ħsieb il-​manutenzjoni, ix-​xogħol tal-​mekkaniks taʼ l-​ajruplani hu li jżommu l-​ajruplan f’qagħda tajba biex itir u biex jiżguraw il-​kumdità tal-​passiġġieri. Dan ifisser li jridu jeżaminaw, isewwu, u jżarmaw viżibilju taʼ biċċiet speċjalizzati​—il-​magni ġewwa l-​magna—​li permezz tagħhom itir l-​ajruplan.a Manutenzjoni programmata bħal din tinkludi kollox: miż-​żarmar tal-​magni ġett li jiżnu iktar minn erbaʼ tunnellati sat-​tibdil taʼ twapet qodma fil-​kabini.

Il-​biċċa l-​kbira tal-​problemi mekkaniċi jieħdu ħsiebhom immedjatament. Madankollu, manutenzjoni oħra ssir skond il-​programm taʼ manutenzjoni taʼ l-​ajruplan. Din issir fuq il-​bażi taʼ kemm-il xahar ikun ilu jintuża l-​ajruplan jew in-​numru taʼ ċiklib u n-​numru taʼ sigħat li kull ajruplan ikun għamel, u mhux fuq it-​total taʼ kilometri li jkun tar. Il-​programm jibda bil-​manutenzjoni li jkun irrikkmanda l-​manifattur taʼ l-​ajruplan lil dawk li jħaddmu l-​ajruplan, u din trid tkun aċċettabbli għall-​awtoritajiet governattivi taʼ l-​avjazzjoni. Kull inġenju taʼ l-​ajru għandu l-​programm taʼ manutenzjoni addattat għalih, minn spezzjoni ħafifa għal waħda iktar intensiva sa waħda elaborata ħafna. Dawn l-​ispezzjonijiet jingħataw ittri, bħal A, B, C, D, L, jew Q.

Jumbo jet 747-​200 wieħed dam madwar tmien snin biex jakkumula xi 36,000 siegħa taʼ titjir. Meta għamel hekk, kien wasal iż-​żmien li jmur fil-​ħangar għal spezzjoni elaborata ħafna, xi drabi msejħa “D check.” Hi u tikkummenta dwar din l-​ispezzjoni komplikata u li tieħu ħafna ħin, Overhaul & Maintenance, rivista taʼ l-​immaniġġar taʼ l-​avjazzjoni, tgħid: “L-​għan . . . hu li, kemm jistaʼ jkun, l-​istruttura kollha taʼ l-​ajruplan tinġieb lura għall-​qagħda oriġinali tagħha. . . . ‘D check’ tieħu bejn 15,000 u 35,000 siegħa xogħol, u biha ajruplan jistaʼ jdum wieqaf minn 15 sa 30 ġurnata, jew iktar. L-​ispiża hija kalkulata li tammonta bejn $1 miljun u $2 miljuni [bejn Lm385,000 u Lm769,000].” “‘D check’ tipika tikkonsisti f’70% ħaddiema u 30% materjal,” qal Hal Chrisman taʼ The Canaan Group, kumpanija għall-​konsultazzjoni dwar l-​immaniġġar tal-​vetturi taʼ l-​ajru u taʼ l-​ispazju. M’għandniex xi ngħidu, ftit min-​nefqa hija inkluża fil-​biljett tiegħek taʼ l-​ajru.

X’Inhu Involut f’“D Check”

Meta l-​ajruplan jiġi pparkjat ġewwa l-​ħangar​—kumpless enormi b’żoni fejn issir il-​manutenzjoni taʼ l-​ajruplani, bi ħwienet li jipprovdu dak li jkollhom bżonn il-​ħaddiema, u wkoll b’imħażen—​il-grupp li jieħu ħsieb il-​manutenzjoni jibda xogħlu. Imwejjed, pjattaformi, u fallakki, jittieħdu f’posthom biex jintlaħqu żoni li ma jkunux jistgħu jintlaħqu mod ieħor. Is-​seats, l-​artijiet, il-​ħitan, is-​suffetti, il-​galleys, it-​tojlits, u tagħmir ieħor jinfetħu jew jitneħħew mill-​ajruplan biex ikunu jistgħu jiġu eżaminati mill-​qrib. Prattikament l-​ajruplan jiġi żarmat. Billi jsegwu l-​istruzzjonijiet pass pass, il-​ħaddiema jeżaminaw l-​ajruplan biex jaraw jekk hemmx xi sinjal taʼ metall imxaqqaq jew mikul. Sezzjonijiet sħaħ tar-​roti, tas-​sistemi idrawliċi, u tal-​magni taʼ l-​ajruplan jistgħu jinbidlu. Id-​“D check” teħtieġ is-​sengħa taʼ inġinieri, dawk li jiktbu dokumenti u proċeduri tekniċi, spetturi li jiċċekkjaw il-​kwalità, tekniċi taʼ l-​avjonika,c ħaddiema li jaħdmu bil-​folji tal-​metall, u mekkaniks li jaħdmu fuq l-​istruttura u l-​magna taʼ l-​ajruplan,d li l-​biċċa l-​kbira minnhom għandhom il-​liċenzja tal-​gvern. Meta żżid magħhom il-​mekkaniks tat-​tagħmir tal-​kabini, il-​bajjada, u dawk li jnaddfu, in-​numru taʼ nies li jaħdmu fuq il-​manutenzjoni jiżdied sew għal iktar minn 100 kuljum. Bosta oħrajn jipprovdu t-​tagħmir, il-​partijiet, u l-​loġistika essenzjali.

Maż-​żmien, it-​tregħid taʼ matul it-​titjiriet, it-​tibdil kontinwu tal-​pressjoni taʼ l-​arja fil-​parti ċentrali taʼ l-​ajruplan, u t-​theżżiż li jseħħ meta l-​ajruplan ripetutament jinqataʼ mill-​art u jillandja, jikkaġunaw xquq fl-​istruttura tal-​metall taʼ l-​ajruplan. Biex issolvi din il-​problema, l-​avjazzjoni tuża prinċipji dijanjostiċi simili għal dawk użati fil-​qasam tal-​mediċina. It-​tnejn li huma jużaw għodod bħalma huma r-​radjoloġija, l-​ultrasonika, u l-​endeskopija biex jindunaw b’dak li l-​għajn tal-​bniedem ma tistax tara.

Għal X-​ray mediku konvenzjonali, il-​pazjent jitpoġġa bejn folja taʼ film u r-​raġġ taʼ l-​X-ray. Biex jieħdu X-​rays tar-​roti, tal-​ġwienaħ, u tal-​magni, l-​ispetturi tal-​manutenzjoni jużaw metodi simili. Per eżempju, folja taʼ film taʼ l-​X-rays titqiegħed fejn mixtieq, fuq in-​naħa taʼ barra tal-​magna. Imbagħad, pajp twil tal-​metall jitpoġġa ġewwa x-​xaft vojt li jgħaddi tul il-​magna kollha. Fl-​aħħar, pillola taʼ iridju 192 radjoattiv​—isotop qawwi—​mhux akbar minn gomma, tiġi mdeffsa fil-​pajp biex tesponi l-​film taʼ l-​X-ray. Il-​film żviluppat jgħin biex jikxef xi xquq u difetti oħrajn li minħabba fihom jistaʼ jkun hemm il-​bżonn li l-​magna tissewwa jew tinbidel.

Matul id-​“D check,” kampjuni tal-​fuel taʼ l-​ajruplan u tal-​fluwidi tas-​sistema idrawlika tiegħu jintbagħtu għal analisi fil-​laboratorju. Jekk jinstabu organiżmi żgħar ħafna fil-​kampjun tal-​fuel, jiġu preskritti l-​antibijotiċi. Biex jinqatlu dawn l-​organiżmi żgħar fil-​fuel​—fungi u batterji li jistgħu jidħlu fit-​tankijiet tal-​fuel minn ġo l-​arja, l-​ilma, u l-​fuel—​it-tankijiet jiġu trattati b’bijoċida li hu għamla t’antibijotiku. Dan it-​trattament huwa importanti għaliex b’konsegwenza taż-​żjieda fil-​mikrobi jistaʼ jittiekel il-​kisi protettiv li hemm fil-​wiċċ tat-​tankijiet. L-​istrumenti li jiċċekkjaw il-​fuel fit-​tankijiet jistgħu jiġu effettwati wkoll, u b’hekk jagħtu lill-​piloti qari mhux eżatt tal-​kwantità taʼ fuel.

Minħabba l-​użu taʼ kuljum, it-​tregħid u l-​ħsara fil-​partijiet siġillati taʼ ġewwa, it-​tankijiet tal-​fuel jistgħu jibdew inixxu. Wieħed minn dawk li jagħmlu superviżjoni jistaqsi lill-​membri taʼ l-​ekwipaġġ tad-​“D check” miġburin flimkien, “Hemm xi ħadd li jixtieq jagħmilha taʼ ‘bugħaddas’?” Il-​biċċa xogħol tedjanti imma neċessarja tmiss lil John. Hu jixbah ftit lil bugħaddas bla flippers, peress li jilbes ilbies speċjali tal-​ħajt fuq l-​ilbies tiegħu, jilbes ukoll respiratur konnettjat maʼ provvista t’arja friska, u jieħu miegħu xi għodod, prodott li jagħlaq ix-​xquq, u dwal taʼ sigurtà. Minn ġo fetħa żgħira fin-​naħa taʼ taħt tal-​ġewnaħ, jgħaddi mrassas fit-​tank tal-​ġewnaħ li ġie żvojtat mill-​fuel. Hu jsib il-​post minn fejn il-​fuel qed joħroġ mit-​tank, u jissiġillah.

It-tankijiet tal-​fuel tal-​jumbo jet 747, li huma mibnijin fil-​ġwienaħ taʼ l-​ajruplan, huma labirint taʼ kumpartimenti magħluqin li huma konnettjati b’fetħiet żgħar. It-​tankijiet tal-​fuel m’humiex il-​post għal min ibati bil-​klawstrofobja. Jumbo jet 747-400 jesaʼ iktar minn 210,000 litru fuel. B’dan l-​ammont taʼ fuel huma possibbli titjiriet b’rotot twal ferm mingħajr waqfien, bħal minn San Francisco, Kalifornja, fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerka, sa Sydney, fl-​Awstralja​—distanza taʼ 12,000 kilometru.

Tliet sulari ’l fuq mill-​art fil-​kabina tal-​piloti, tekniku taʼ l-​avjonika jispezzjona l-​informazzjoni inkorporata li tidher fuq l-​iskrin tar-​radar, li jixbah lil dak tat-​TV, u li jindika t-​temp. Il-​piloti jużaw dan l-​istrument biex jindunaw b’maltempati u ċaqliq li jistgħu jkunu saħansitra sa 500 kilometru quddiem l-​ajruplan, u b’hekk jevitawhom. Għalhekk, meta l-​pilota jixgħel is-​sinjal li jgħid “Ilbsu ċ-​Ċinturin tas-​Sigurtà,” forsi jkun ra xi ċaqliq fuq l-​iskrin tar-​radar. Madankollu, sabiex ma jweġġaʼ ħadd, ħafna linji taʼ l-​ajru jitolbu lill-​passiġġieri, li meta jkunu bil-​qegħda, iżommu ċ-​ċinturini tas-​sigurtà maqfulin il-​ħin kollu, anki jekk il-​kaptan jitfi dan is-​sinjal. Taʼ spiss tibdil fl-​atmosfera fl-​għamla taʼ ċaqliq fejn l-​ajru jkun ċar, iseħħ qabel ma l-​piloti jkollhom ċans jixegħluh.

Matul id-​“D check,” it-​tagħmir tas-​sigurtà, bħal ġkieket tas-​salvataġġ u dwal t’emerġenza, jiġi ċċekkjat jew jinbidel. Meta tkun se tiġi ċċekkjata s-​sistema t’ossiġnu t’emerġenza għall-​passiġġieri, il-​maskri taʼ l-​ossiġnu jiddendlu qishom larinġ fuq il-​friegħi tas-​siġar. Il-​ġettijiet regolarment itiru f’għoli taʼ sitta sa ħdax-il kilometru ’l fuq mill-​art, fejn il-​kontenut taʼ l-​ossiġnu u l-​pressjoni atmosferika m’humiex biżżejjed biex isostnu l-​ħajja. Kif tissolva din il-​problema? Is-​sistema taʼ pressjoni taʼ l-​ajruplan tiġbed ’il ġewwa l-​arja taʼ barra u mbagħad tikkompressaha. Din l-​arja fl-​aħħar tiġi provduta fil-​kabina f’temperatura aċċettabbli. Jekk il-​pressjoni taʼ l-​arja fil-​kabina taqaʼ taħt il-​livelli xierqa, il-​maskri taʼ l-​ossiġnu jaqgħu awtomatikament mill-​kumpartimenti taʼ fuq l-​irjus. L-​ossiġnu t’emerġenza jiġi provdut lill-​passiġġieri sakemm l-​ajruplan jinżel f’għoli fejn l-​ossiġnu t’emerġenza ma jkunx hemm bżonnu iktar. Fuq xi ajruplani, il-​maskri taʼ l-​ossiġnu jinħażnu fil-​kumpartimenti tad-​dahar tas-​seats, mhux fil-​kumpartimenti taʼ fuq l-​irjus. Għalhekk huwa importanti li tagħti kas taʼ l-​istruzzjonijiet li jingħataw lill-​passiġġieri qabel it-​titjira. Dawn jidentifikaw il-​post tal-​maskri taʼ l-​ossiġnu.

Waqt spezzjoni elaborata taʼ manutenzjoni jkun ukoll il-​waqt li jitwaħħlu l-​ħitan tal-​kabini u s-​suffetti ġodda, kif ukoll li jinbidlu t-​twapet, il-​purtieri, u li s-​seats jinksew mill-​ġdid. L-​apparat tal-​kċina jinqalaʼ biċċa biċċa, jitnaddaf, u jiddiżinfettawh.

Lest biex Itir

Wara 56 jum taʼ spezzjonijiet, testijiet, tiswijiet, u manutenzjoni, l-​ajruplan huwa lest biex jitlaq mill-​ħangar u jerġaʼ jibda jtir bil-​passiġġieri u t-​tagħbija. Hawnhekk issemmiet biss tikka żgħira mix-​xogħol taʼ manutenzjoni. Imma qabel ma l-​ajruplan jerġaʼ jtir, membri t’ekwipaġġ speċjali għandhom mnejn jittestjawh billi jtajruh sabiex ikunu ċerti li s-​sistemi kollha jaħdmu tajjeb. Huwa rassiguranti li tikkunsidra fil-​qosor kemm sengħa kbira u teknoloġija huma involuti biex l-​ajruplan li ttir fih int jinżamm mekkanikament mingħajr difett.

Madankollu, l-​aħjar biċċa għodda għall-​manutenzjoni taʼ l-​ajruplani jintqal li huwa l-​element uman​—l-​għajnejn attenti u l-​imħuħ ilventi. Il-​ħaddiema mħarrġin jieħdu xogħolhom bis-​serjetà. Huma jafu li manutenzjoni fjakka tistaʼ tikkaġuna problemi kbar. Il-​mira tagħhom hi li jipprovdu ajruplani taʼ kwalità tajba li jwassluk malajr fid-​destinazzjoni tiegħek qawwi u sħiħ u fil-​kumdità.​—Kontribwit minn spettur tas-​sigurtà taʼ l-​avjazzjoni taʼ l-​Istati Uniti.

[Noti taʼ taħt]

a Il-jumbo jet 747-​400 għandu sitt miljun biċċa, li nofshom huma affarijiet li jġonġu (imsiemer u boltijiet), u wajers taʼ l-​elettriku li b’kollox huma twal 275 kilometru.

b Meta ajruplan jitlaq minn post u jasal f’ieħor ikun għamel ċiklu.

c “Avjonika” hija kelma mqassra għall-​elettronika taʼ l-​avjazzjoni.

d Iċ-ċertifikat taʼ l-​istruttura u tal-​magna taʼ l-​ajruplan jippermetti lil mekkanik biex japprova xogħol li hu [jew hi] jkun għamel fuq l-​istrutturi, is-​sistemi, u l-​magni taʼ l-​ajruplan.

[Sorsi tal-Istampi f’paġna 12]

B’korteżija tal-​Pan Am Historical Foundation

Arkivji u Kollezzjonijiet Speċjali, University of Miami Library

[Sorsi tal-Istampi f’paġna 13]

◀ B’korteżija tal-​United Airlines

B’korteżija tal-​United Airlines

B’korteżija tal-​United Airlines

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja