L-istazzjon Spazjali Internazzjonali Laboratorju F’orbita
MINN hawn u ftit tas-snin oħra, meta tkun qed tħares fiss lejn sema ċar bil-lejl, jistaʼ jkun li mhux biss tara l-istilel u l-qamar imma wkoll “stilla” artifiċjali, oġġett li jiddi qawwi daqs il-pjaneti. Din l-istruttura kolossali, li fiha daqs żewġ grawnds tal-futbol, u li diġà bdiet tinbena, ġiet imsejħa ‘l-akbar proġett taʼ inġinerija mill-piramidi ’l hawn.’ X’inhu dan l-oġġett?
Meta jitlesta, dan se jkun l-Istazzjon Spazjali Internazzjonali (International Space Station [ISS])—laboratorju permanenti għar-riċerka fl-ispazju li nħoloq minn iktar minn 100,000 ħaddiem. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn qed jaħdmu fl-Istati Uniti, fil-Kanada, u fir-Russja, imma ħafna oħrajn qegħdin fil-Belġju, fil-Brażil, fid-Danimarka, fi Franza, fil-Ġappun, fil-Ġermanja, fl-Isvezja, fl-Isvizzera, fl-Italja, fin-Norveġja, fl-Olanda, fir-Renju Unit, u fi Spanja. L-ISS komplut se jkun twil 88 metru u wiesaʼ 109 metri. L-ispazju li fih se jsir ix-xogħol u fejn se jgħixu se jkun daqs il-kabini taʼ żewġ ġettijiet Boeing 747. Eventwalment, l-istazzjon spazjali se jkun jiżen 520 tunnellata, u l-bini tiegħu se jiswa mill-inqas $50 elf miljun [xi Lm19-il elf miljun]!
Xi kritiċi li jinkwetaw dwar dawn l-ispejjeż enormi li qed isiru f’isem ir-riċerki, jgħidu li l-ISS hu ‘oġġett prezzjuż imma bla użu qalb l-istilel.’ Mill-banda l-oħra, dawk li pproponewh jistennew li l-istazzjon spazjali jipprovdi post biex isiru testijiet dwar materjali industrijali ġodda u avanzati, it-teknoloġija tal-komunikazzjoni, u r-riċerka medika. Madankollu, qabel l-astronawti jkunu jistgħu jwaħħlu l-apparat tal-laboratorju mal-ħitan taʼ l-ISS, dan irid jitwaħħal flimkien biċċa biċċa, u kollox irid isir fl-ispazju!
Jinbena fl-Ispazju
Minħabba d-daqs enormi tiegħu, l-ISS ma setax jitwaħħal fl-art, għax kieku dan kien jaqaʼ f’daqqa bil-piż tiegħu stess. Biex jegħlbu dan l-ostaklu, ix-xjenzati qed jibnu moduli fuq l-art u li se jingħaqdu fl-ispazju biex jifformaw l-istazzjon spazjali. Se jkun hemm bżonn 45 vjaġġ mir-rokits Russi u l-ispace shuttles taʼ l-Istati Uniti biex iwasslu dawn il-biċċiet fl-ispazju.
It-twaħħil flimkien taʼ l-istazzjon jinvolvi biċċa xogħol li qatt ma saret qabel. Dan se jibdel l-ispazju f’post taʼ bini li dejjem jinbidel. Iktar minn 100 modulu se jitwaħħlu flimkien waqt li l-ħaddiema u l-materjali se jkunu f’orbita. L-ekwipaġġ internazzjonali t’astronawti jrid jagħmel il-biċċa l-kbira tax-xogħol b’idejh. Dawn l-astronawti jridu jagħmlu mijiet taʼ sigħat taʼ mixi fl-ispazju.
L-ewwel modulu taʼ l-ISS—Zarya (jiġifieri “Tlugħ ix-Xemx”) li nbena mir-Russi u li jiżen 20 tunnellata—telaq fl-20 taʼ Novembru, 1998, mill-Kosmodrom taʼ Baykonur, f’Kazakstan. Dan il-modulu kellu bżonn biżżejjed fuel biex iżomm kemm lilu u kemm lill-moduli l-oħrajn li se jiżdiedu magħha f’orbita. Ġimagħtejn wara li telaq Zarya, l-ispace shuttle Endeavour ġarr ’il fuq il-modulu mibni mill-Amerikani jismu Unity biex jiġi mqabbad miegħu.
Matul dik l-ewwel sessjoni taʼ bini fl-ispazju f’Diċembru 1998, l-ekwipaġġ taʼ Endeavour beda jduq l-isfidi li kellu quddiemu. Hekk kif iltaqgħu maʼ Zarya 400 kilometru ’l fuq mill-art, l-astronawta Nancy Currie wżat id robotika, twila 15-il metru, biex taqbad il-modulu t’20 tunnellata u tqabbdu mal-Unity. Imbagħad, l-astronawti Jerry Ross u James Newman waħħlu wajers taʼ l-elettriku u tal-kompjuter, u pajpijiet tal-fluwidi fuq in-naħa taʼ barra taż-żewġ moduli. Dawn il-konnessjonijiet jintużaw biex jittrasmettu l-elettriku bejn il-moduli u biex iħallu l-ilma jiċċirkola sabiex jiffriska l-arja u għax-xorb. Dawn il-biċċiet taʼ xogħol ħadu tliet mixjiet fl-ispazju, taʼ iktar minn 21 siegħa b’kollox, biex jitlestew.
Hekk kif ir-rokits u l-ispace shuttles jieħdu moduli ġodda kull ftit ġimgħat, l-ISS se jikber minn modulu Russu wieħed, Zarya, għal stazzjon spazjali taʼ 520 tunnellata. Se tkun taʼ sfida biex dan l-istazzjon li dejjem jikber jinżamm f’orbita, peress li jrid jiflaħ għall-ġibda tal-gravità taʼ l-art. Għalhekk, dan jinsab dejjem fil-periklu li jaqaʼ lura lejn l-art. Biex l-istazzjon jinżamm ’il fuq, se jżuruh xi space shuttles u jagħtu spinta lill-istazzjon spazjali biex jibqaʼ fl-għoli kemm suppost.
Il-gravità li hi kważi żero se jkollha rwol importanti fir-riċerka li se ssir fuq l-ISS, fejn il-forza tal-gravità hija xi miljun darba inqas b’saħħitha minn dik il-forza eżerċitata fuq l-art. Fl-art, jekk twaqqaʼ lapes dan jaqaʼ żewġ metri f’nofs sekonda. Fl-istazzjon spazjali, kieku jieħu għaxar minuti! L-ISS kif se jservi taʼ laboratorju, u dan kif jistaʼ jeffettwa l-ħajja tiegħek taʼ kuljum?
Laboratorju f’Orbita
L-ISS huwa mistenni li jitlesta sas-sena 2004. Wara, sa sebaʼ astronawti kull darba se jżuru din id-dar kumplessa u ġganteska. Xi wħud se jgħixu hemm għal diversi xhur. Abbord l-ISS, il-mezz li bih nistgħu niksbu tagħrif dwar l-univers, l-ekwipaġġ se jagħmel varjetà kbira t’esperimenti disinjati minn xjenzati minn madwar id-dinja.
Per eżempju, meta l-forza tal-gravità tkun dgħajfa ħafna, l-għeruq tal-pjanti ma jinżlux ’l isfel u l-weraq ma jitilgħux ’il fuq. Għalhekk ix-xjenzati qed jippjanaw esperimenti biex jitgħallmu kif il-pjanti jġibu ruħhom fin-nuqqas taʼ gravità. Iktar minn hekk, il-kristalli tal-proteini jikbru iktar u jsiru iktar simetriċi fl-ispazju. B’hekk, taħt kundizzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu prodotti kristalli iktar puri. Tagħrif dwar dan jistaʼ jgħin lir-riċerkaturi jiżviluppaw mediċini mmirati għal proteini partikulari li jikkaġunaw xi mard. F’ambjent fejn il-gravità hija dgħajfa ħafna, għandu mnejn ikun possibbli li jipproduċu materjali li kważi hu impossibbli li jagħmluhom fuq l-art.
Fi gravità kważi żero, l-għadam u l-muskoli tan-nies jitmermru. Michael Clifford, li kien astronawta, osserva: “Parti mir-riċerka xjentifika hija mmirata lejn li jiġu mifhumin l-effetti fiżjoloġiċi fuq xi ħadd li jdum żmien twil fl-ispazju.” Minn taʼ l-inqas esperiment wieħed se jsir biex jiddetermina kif tistaʼ tiġi eliminata l-ħsara fl-għadam.
Jekk nitgħallmu x’effetti għandu għajxien fit-tul fl-ispazju, forsi xi darba tkun possibbli titjira twila sa Marte. “Dak vjaġġ twil mhux ħażin,” ammetta Clifford. “Irridu nkunu kapaċi nġibu [lill-esploraturi taʼ l-ispazju] lura fi stat tajjeb.”
Iktar minn hekk, dawk li huma favur l-ISS ibassru li r-riċerka fuq l-istazzjon spazjali se twassal għal fehma aħjar taʼ l-elementi fundamentali li jifformaw il-ħajja. Fehma bħal din forsi tistaʼ tirriżulta f’metodi ġodda għat-trattament tal-kanċer, id-dijabete, l-enfisema, u l-problemi fis-sistema taʼ immunità. Il-laboratorji abbord l-ISS se jkun fihom bijoreattur li jkabbar iċ-ċelluli kultivati li jkunu jixbhu lit-tessuti naturali. Ix-xjenzati se jipprovaw jitgħallmu iktar dwar il-mardiet tal-bnedmin u kif jikkurawhom b’suċċess. Fuqu se jkun hemm ukoll tieqa wiesgħa 50 ċentimetru li wieħed ikun jistaʼ jara minnha u jistudja l-gassijiet fl-atmosfera, is-sikek tal-qroll li tilfu l-kulur, l-uragani, u xi fenomeni naturali oħrajn fuq l-art.
“Laboratorju għall-Paċi”?
Minkejja dan, għal xi wħud minn dawk li jippromwovuh b’mod ferventi, l-ISS huwa iktar minn sempliċi laboratorju mdendel fuq ix-xejn. Huma jarawh bħala li jwettaq wegħda mill-Programm t’Apollo, li l-astronawti tiegħu ħallew plakka fuq il-qamar li kienet tgħid: “Ġejna fil-paċi għall-umanità kollha.” Wara li ddeskriva l-ISS bħala “laboratorju għall-paċi,” John Glenn, l-astronawta li għandu fuq is-sebgħin, żied: “[Dan] se jħalli lil 16-il ġens jaħdmu kollha flimkien fl-ispazju minflok ma jipprovaw isibu mezzi kif jagħmlu affarijiet taʼ ħsara għal xulxin fuq l-Art.” Hu u oħrajn iqisu l-ISS bħala post fejn il-ġnus jistgħu jitgħallmu jikkooperaw fuq il-proġetti xjentifiċi u teknoloġiċi li ħadd minnhom ma jistaʼ jaffordja individwalment imma li kollha se jibbenefikaw minnhom.
Madankollu, ħafna ma jistgħux ma jaħsbux dwar jekk il-ġnus tassew humiex se jikkooperaw fil-paċi fl-ispazju, peress li dawn m’humiex kapaċi jagħmlu hekk fuq l-art. Jiġri x’jiġri, l-ISS huwa r-riżultat tax-xewqa qawwija tal-bniedem li jitkixxef dak li mhux magħruf u li jitgħallem x’jiġri fil-kundizzjonijiet li jeżistu hemmhekk. Verament dan il-proġett enormi huwa l-prodott tas-sens t’avventura tal-bniedem u tal-ġibda kbira li għandu biex jiskopri affarijiet ġodda.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 15-17]
DATI KONNESSI MAʼ STAZZJONIJIET SPAZJALI
1869: L-Amerikan Edward Everett Hale jippubblika storja qasira, The Brick Moon (Il-Qamar tal-Briks), dwar satellita spazjali tal-briks bin-nies ’il fuq mill-art.
1923: Hermann Oberth, imwieled fir-Rumanija, jivvinta t-terminu “stazzjon spazjali.” Għandu f’moħħu żmien meta jibdew it-titjiriet lejn il-Qamar u lejn Marte.
1929: Fil-ktieb tiegħu The Problem of Space Travel (Il-Problema taʼ l-Ivvjaġġar fl-Ispazju), Hermann Potocnik jiddeskrivi fuq fuq pjan għal stazzjon spazjali.
Is-snin 50: L-inġinier tar-rokits Wernher von Braun jiddeskrivi stazzjon forma taʼ rota li qiegħed f’orbita taʼ 1,730 kilometru ’l fuq mill-art.
1971: L-Unjoni Sovjetika titfaʼ lil Salyut 1, l-ewwel stazzjon spazjali fl-istorja. Tliet kosmonawti jibqgħu fl-istazzjon għal 23 jum.
1973: Skylab, l-ewwel stazzjon spazjali taʼ l-Istati Uniti, jidħol f’orbita u jakkomoda tliet timijiet t’astronawti. Dan l-istazzjon m’għadux fl-ispazju.
1986: Is-Sovjetiċi jitfgħu lil Mir, l-ewwel stazzjon spazjali disinjat li jżomm lil bniedem fl-ispazju b’mod permanenti.
1993: L-Istati Uniti tistieden lir-Russja, lill-Ġappun, u lil ġnus oħra biex jingħaqdu magħha f’li jiżviluppaw l-Istazzjon Spazjali Internazzjonali (ISS).
1998/99: L-ewwel moduli taʼ l-ISS jintefgħu f’orbita—sena wara li suppost.
[Stampi]
Fuq: Il-konċett taʼ l-artist taʼ l-istazzjon komplut fl-2004
Jitwaħħlu l-ewwel żewġ moduli, Zarya u Unity
Ross u Newman fit-tielet mixja tagħhom fl-ispazju
Tluq taʼ space shuttle, wieħed fost il-bosta ppjanati
Skylab
Mir
[Sors]
Paġni 15-17: NASA photos