LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 9/8 pp. 18-23
  • Naqdi lil Alla bil-​Mewt maʼ Wiċċi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Naqdi lil Alla bil-​Mewt maʼ Wiċċi
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Imbierek b’Edukazzjoni Tajba
  • Moviment Reliġjuż Ġdid
  • L-​Ewwel Priġuneriji Tiegħi
  • Laqgħa tant Mistennija
  • Ġrajjiet li Wasslu għall-​Magħmudija
  • Persekuzzjoni mill-​Ġdid
  • Disaʼ Snin taʼ Tbatija
  • Ħelsien, imma Ħabsi mill-​Ġdid
  • Meħlus, imma Xorta Persegwitat
  • Sa fl-​Aħħar, Liberi li Nippridkaw!
  • Minn Faqar Estrem għall-Akbar Rikkezzi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Premjata Għax Aċċettajt Kull Stedina taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Stenbaħ!—1999
g99 9/8 pp. 18-23

Naqdi lil Alla bil-​Mewt maʼ Wiċċi

KIF RAKKONTAT MINN JOÃO MANCOCA

Nhar il-​25 taʼ Ġunju, 1961, xi suldati sfrattaw il-​laqgħa Kristjana tagħna f’Luanda, l-​Angola. Tletin minna ttieħdu l-​ħabs u tant ġejna msawtin bl-​aħrax li kull nofs siegħa s-​suldati bdew jiġu jaraw jekk kienx miet xi ħadd. Xi wħud minnhom instemgħu jgħidu li Alla tagħna bilfors li kien wieħed reali, peress li lkoll kemm aħna bqajna ħajjin.

WARA dik ix-​xebgħa jien bqajt fil-​ħabs taʼ São Paulo għal ħames xhur. Imbagħad, fid-​disaʼ snin taʼ wara, ġejt trasferit minn ħabs għal ieħor u batejt ħafna iktar swat, ċħid, u interrogazzjonijiet. Ftit wara li nħlist mill-​ħabs fl-​1970, erġajt ġejt arrestat, u din id-​darba ntbgħatt fil-​kamp infami tal-​mewt taʼ São Nicolau, issa Bentiaba. Żammewni hemmhekk għal sentejn u nofs.

Int għandek mnejn taħseb għala bħala ċittadin li jħares il-​liġi, kelli nintefaʼ l-​ħabs talli tkellimt maʼ nies oħra dwar it-​twemmin li nħaddan minn fuq il-​Bibbja u fejn kont tgħallimt l-​ewwel darba dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.

Imbierek b’Edukazzjoni Tajba

Jien twelidt f’Ottubru taʼ l-​1925 qrib il-​belt żgħira taʼ Maquela do Zombo, fit-​tramuntana taʼ l-​Angola. Meta miet missieri fl-​1932, ommi bagħtitni ngħix maʼ ħuha fil-​Kongo Belġjan (issa r-​Repubblika Demokratika tal-​Kongo). Hi ma xtaqitx hekk kieku, imma ma kellha ebda mezz biex tmantnini.

Iz-ziju tiegħi kien mal-​Battisti, u inkuraġġieni biex naqra l-​Bibbja. Għalkemm sirt membru tal-​knisja tiegħu, il-​ġuħ spiritwali li kelli ma ġiex issodisfat b’dak li tgħallimt, lanqas ma ġejt motivat biex naqdi lil Alla. Iz-​ziju, madankollu, bagħatni l-​iskola u għeni biex nikseb edukazzjoni tajba. Fost affarijiet oħra, tgħallimt nitkellem bil-​Franċiż. Maż-​żmien, tgħallimt nitkellem ukoll bil-​Portugiż. Wara li spiċċajt mill-​iskola, sibt xogħol bħala telegrafist tar-​radju fl-​istazzjon ċentrali tar-​radju f’Léopoldville (issa Kinshasa). Imbagħad, meta kelli 20 sena, iżżewwiġt lil Maria Pova.

Moviment Reliġjuż Ġdid

F’dik l-​istess sena, l-​1946, ġejt influwenzat minn konduttur tal-​korijiet Angolan li kien jaf ħafna skola u li kien membru tal-​Knisja Battista. Hu kien ħerqan li jeduka u jtejjeb il-​qagħda tan-​nies li jitkellmu bil-​Kikongo u li jgħixu fit-​tramuntana taʼ l-​Angola. Dan kien akkwista traduzzjoni Portugiża tal-​ktejjeb bl-​Ingliż The Kingdom, the Hope of the World, li kien pubblikat mill-​Watch Tower Bible and Tract Society u mqassam mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Il-konduttur tal-​korijiet qaleb dan il-​ktejjeb għall-​Kikongo u kien jużah kull ġimgħa biex jikkonduċi diskussjoni tal-​Bibbja maʼ wħud minna l-​Angolani li konna qed naħdmu fil-​Kongo Belġjan. Maż-​żmien, il-​konduttur tal-​korijiet kiteb lill-​kwartieri ġenerali tal-​Watch Tower Society fl-​Istati Uniti u kiseb iktar letteratura. Madankollu, it-​tagħrif li kien jgħaddilna kien ikun imħallat mat-​tagħlim tal-​knejjes. Għaldaqstant, ma stajtx niddistingwi sewwa bejn il-​Kristjanità vera u t-​tagħlim mhux skritturali tal-​Kristjaneżmu.

Madankollu, kont intbaħt li l-​messaġġ tal-​Bibbja li kien hemm fil-​letteratura tal-​Watch Tower Society kien differenti minn kwalunkwe ħaġa li qatt kont smajt fil-​Knisja Battista. Per eżempju, tgħallimt li l-​Bibbja tagħti importanza kbira lill-​isem persunali t’Alla, Jehovah, u li bix-​xieraq il-​Kristjani veri jsejħu lilhom infushom ix-​Xhieda taʼ Jehovah. (Salm 83:​18, NW; Isaija 43:​10-​12) Iżjed minn hekk, qawwejt qalbi bil-​wegħda tal-​Bibbja dwar ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna għal dawk li kienu se jaqdu lil Jehovah lealment.​—Salm 37:29; Apokalissi 21:​3-5.

Għalkemm l-​għarfien li kelli tal-​verità Biblika kien limitat, ħassejtni bħall-​profeta Ġeremija, li ma setax iżomm ġewwa fih ix-​xewqa tbaqbaq li jitkellem dwar Alla tiegħu, Jehovah. (Ġeremija 20:9) Xi membri mill-​grupp tagħna taʼ l-​istudju tal-​Bibbja ngħaqdu miegħi fl-​ippridkar minn dar għal dar. Kont saħansitra nikkonduċi laqgħat pubbliċi fil-​bitħa taz-​ziju tiegħi, billi nuża inviti ttajpjati biex nistieden lin-​nies. Kienu jattendu mat-​78 ruħ kull darba. B’hekk ġie fformat moviment reliġjuż ġdid taħt it-​tmexxija tal-​konduttur tal-​korijiet Angolan.

L-​Ewwel Priġuneriji Tiegħi

Mingħajr ma kont naf, kwalunkwe moviment li kellu xi konnessjoni mal-​Watch Tower Society kien projbit fil-​Kongo Belġjan. Għaldaqstant, fit-​22 t’Ottubru, 1949, xi wħud minna ġew arrestati. Qabel il-​ġuri tagħna, l-​imħallef tkellem fil-​privat miegħi u pprova jirranġali biex ninħeles, peress li kien jaf li jien kont impjegat mal-​gvern. Imma biex ninħeles, kien se jkolli niċħad il-​moviment li kien twaqqaf bħala riżultat taʼ l-​ippridkar tagħna, u jien ma kontx lest li nagħmlu dan.

Wara xahrejn u nofs fil-​ħabs, l-​awtoritajiet iddeċidew li jibagħtu lil dawk minna li kienu Angolani lura lejn pajjiżna. Meta rritornajna l-​Angola, madankollu, l-​awtoritajiet kolonjali Portugiżi wkoll kienu suspettużi dwar l-​attivitajiet tagħna u ħadulna ħafna mil-​libertà. Iktar membri mill-​moviment tagħna waslu mill-​Kongo Belġjan, u eventwalment konna ngħoddu ’l fuq minn 1,000 ruħ imxerrdin maʼ l-​Angola kollha.

Maż-żmien, xi segwaċi tal-​mexxej reliġjuż prominenti Simon Kimbangu daħlu mal-​moviment tagħna. Dawn in-​nies ma kinux interessati f’li jistudjaw il-​letteratura tal-​Watch Tower Society, peress li dawn kienu jemmnu li l-​Bibbja setgħet tiġi spjegata biss permezz taʼ medjum taʼ l-​ispirti. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies fil-​moviment tagħna appoġġawha opinjoni bħal din, inkluż il-​konduttur tal-​korijiet, li kien għadu meqjus bħala l-​mexxej tagħna. Tlabt bil-​ħrara biex Jehovah jlaqqagħna maʼ rappreżentant ġenwin tal-​Watch Tower Society. Kont nittama li din il-​ħaġa tikkonvinċi lill-​moviment kollu tagħna biex jaċċetta l-​verità Biblika u jiċħad prattiċi mhux skritturali.

Lil ċerti membri tal-​moviment ma kinitx togħġobhom l-​idea li xi wħud minna kienu qegħdin joħorġu jippridkaw. Għalhekk dawn ittradewna maʼ l-​awtoritajiet u akkużawna li konna l-​mexxejja taʼ moviment politiku. Bħala riżultat, fi Frar taʼ l-​1952 xi wħud minna sfaw arrestati, inkluż Carlos Agostinho Cadi u Sala Ramos Filemon. Qafluna f’ċella mingħajr twieqi. Madankollu, wieħed mill-​gwardjani kien dħuli magħna u ġabilna xi ikel mingħand in-​nisa tagħna flimkien maʼ typewriter ħalli nkunu nistgħu nagħmlu iktar kopji tal-​fuljetti tal-​Watch Tower Society.

Wara tliet ġimgħat iddeportawna lejn il-​Baia dos Tigres, reġjun deżert fin-​nofsinhar taʼ l-​Angola. In-​nisa tagħna ġew magħna f’dak il-​post. Ġejna sentenzjati għal erbaʼ snin xogħol iebes, impjegati maʼ kumpanija tas-​sajd. Fil-​Baia dos Tigres ma kienx hemm port għad-​dgħajjes tas-​sajd, u għalhekk in-​nisa tagħna kien ikollhom joqogħdu jgħaddu minn ġo l-​ilma minn fil-​għodu sa fil-​għaxija, ġejjin u sejrin mid-​dgħajjes sax-​xatt bit-​tagħbijiet tqal taʼ ħut.

F’dan il-​kamp tal-​ħabs sibna membri oħra tal-​moviment tagħna u pprovajna nipperswaduhom biex ikomplu jistudjaw il-​Bibbja. Imma dawn ippreferew jimxu wara Toco, il-​konduttur tal-​korijiet. Maż-​żmien, bdew jissejħu Tocoisti.

Laqgħa tant Mistennija

Waqt li konna fil-​Baia dos Tigres, skoprejna l-​indirizz tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society fir-​Rodeżja taʼ Fuq (issa Zambja) u ktibnielhom biex jgħinuna. L-​ittra tagħna ġiet mgħoddija lill-​fergħa fl-​Afrika t’Isfel, u fl-​ittra li bagħtulna, staqsewna kif konna interessajna ruħna fil-​verità Biblika. Il-​kwartieri ġenerali tal-​Watch Tower Society, fl-​Istati Uniti, ġew informati dwarna, u saru arranġamenti biex jintbagħat rappreżentant speċjali ħalli jagħmel kuntatt magħna. Dan kien John Cooke, missjunarju b’ħafna snin t’esperjenza f’diversi pajjiżi.

Wara li wasal fl-​Angola, Ħuna Cooke dam diversi ġimgħat sakemm l-​awtoritajiet Portugiżi ħallewh iżurna. Hu wasal fil-​Baia dos Tigres fil-​21 taʼ Marzu, 1955, u tħalla joqgħod magħna għal ħamest ijiem. L-​ispjegazzjonijiet li tana fuq il-​Bibbja kienu sodisfaċenti ħafna, u kont konvint li dan kien jirrappreżenta l-​unika vera organizzazzjoni t’Alla Jehovah. Fl-​aħħar jum taż-​żjara tiegħu, Ħuna Cooke ta taħdita pubblika bis-​suġġett “Din l-​Aħbar Tajba tas-​Saltna.” Kien hemm total taʼ 82 ruħ li attendew, inkluż l-​amministratur prinċipali tal-​Baia dos Tigres. Kull persuna li attendiet irċiviet kopja stampata tat-​taħdita.

Matul il-​ħames xhur li qattaʼ fl-​Angola, Ħuna Cooke għamel kuntatt maʼ diversi Tocoisti, inkluż il-​mexxej tagħhom. Madankollu, il-​maġġuranza tagħhom ma kinux interessati li jsiru Xhieda taʼ Jehovah. B’hekk, jien u sħabi ħassejna l-​obbligu li nuru ċar lill-​awtoritajiet il-​waqfa tagħna. Dan għamilnieh permezz taʼ ittra formali, datata s-​6 taʼ Ġunju, 1956, u indirizzata lill-​“Eċċellenza Tiegħu l-​Gvernatur tad-​Distrett taʼ Moçâmedes.” Fl-​ittra stqarrejna li ma kienx baqgħalna iktar kuntatt mas-​segwaċi taʼ Toco u li kellna nitqiesu bħala “membri tas-​Soċjetà tax-​Xhieda taʼ Jehovah.” Tlabna wkoll li ningħataw il-​libertà tal-​qima. Madankollu, minflok ma tnaqqsitilna s-​sentenza, din żdiedet b’sentejn oħra.

Ġrajjiet li Wasslu għall-​Magħmudija

Fl-​aħħar inħlisna f’Awissu taʼ l-​1958, u meta morna lura Luanda, sibna grupp żgħir taʼ Xhieda taʼ Jehovah. Dan kien ġie organizzat is-​sena taʼ qabel minn Mervyn Passlow, missjunarju li ntbagħat l-​Angola minflok John Cooke imma li kien diġà tkeċċa mill-​pajjiż sakemm wasalna aħna. Imbagħad, fl-​1959, żarna Harry Arnott, missjunarju ieħor tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Madankollu, dan il-​ħu ġie arrestat malli niżel fl-​ajruport, bħalma ġralna aħna t-​tlieta li konna qed nistennewh biex niltaqgħu miegħu.

It-tnejn l-​oħra, Manuel Gonçalves u Berta Teixeira, żewġ Xhieda Portugiżi li kienu għadhom kemm tgħammdu, inħelsu wara li ġew imwissijin biex ma jagħmlux iktar laqgħat. Ħuna Arnott ġie mkeċċi mill-​pajjiż, u jien ġejt imwissi li jekk ma kontx se niffirma karta li tiddikjara li m’għadnix iktar Xhud, kont se nintbagħat lura lejn il-​Baia dos Tigres. Wara sebaʼ sigħat taʼ interrogazzjoni nħlist mingħajr ma ffirmajt xejn. Ġimgħa wara, irnexxieli fl-​aħħar nitgħammed, flimkien maʼ ħbiebi Carlos Cadi u Sala Filemon. Krejna kamra f’Muceque Sambizanga, subborg taʼ Luanda, u kien hemmhekk li bdiet tiltaqaʼ l-​ewwel kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Angola.

Persekuzzjoni mill-​Ġdid

Numru li dejjem jikber taʼ nies interessati bdew jattendu l-​laqgħat. Xi wħud ġew biex jitkixxfu fuqna, imma l-​laqgħat spiċċaw biex għoġbuhom u iktar tard dawn saru Xhieda taʼ Jehovah! Ix-​xena politika kienet qed tinbidel, u s-​sitwazzjoni saret iktar diffiċli għalina wara li qamet rewwixta nazzjonalista fl-​4 taʼ Frar, 1961. Minkejja l-​gideb li nxtered fuqna, fit-​30 taʼ Marzu rnexxielna niċċelebraw il-​Mafkar tal-​mewt taʼ Kristu, b’attendenza taʼ 130 ruħ.

F’Ġunju, waqt li kont qed nikkonduċi l-​Istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa, il-​pulizija militari sfrattaw il-​laqgħa tagħna. In-​nisa u t-​tfal inħelsu, imma lit-​30 raġel li kien hemm ħaduhom magħhom, bħalma ntqal fl-​introduzzjoni. Ġejna msawtin bla waqfien għal sagħtejn sħaħ bil-​bsaten taʼ l-​injam. Tliet xhur wara kont għadni nirremetti d-​demm. Kont ċert li se mmut; fil-​fatt, dak li kien tani x-​xebgħa hekk kien wegħedni. Il-​biċċa l-​kbira taʼ dawk li ġew imsawtin kienu ġodda, studenti tal-​Bibbja mhux mgħammdin, u għalhekk tlabt għalihom bi ħrara kbira: “Jehovah, ħu ħsieb in-​nagħaġ tiegħek.”

Grazzi għal Jehovah, ħadd minnhom ma miet, għall-​istagħġib tan-​nies militari. Xi wħud minn dawn is-​suldati ġew motivati biex ifaħħru lil Alla tagħna, għax qalu li kien hu li salvana! Eventwalment il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​istudenti tal-​Bibbja tgħammdu, u xi wħud minnhom issa qed jaqdu bħala anzjani Kristjani. Wieħed minnhom, Silvestre Simão, huwa membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa taʼ l-​Angola.

Disaʼ Snin taʼ Tbatija

Bħalma semmejt fil-​bidu, batejt f’ħafna modi matul id-​disaʼ snin taʼ wara u ġejt trasferit minn ħabs jew kamp tax-​xogħol għal ieħor. F’dawn il-​postijiet kollha, irnexxieli nagħti xiehda lil priġunieri politiċi, u ħafna minnhom illum huma Xhieda mgħammdin. Il-​mara tiegħi, Maria, u wliedna tħallew jiġu miegħi.

Waqt li konna fil-​kamp tax-​xogħol taʼ Serpa Pinto, erbaʼ priġunieri politiċi nqabdu jipprovaw jaħarbu. Dawn ġew torturati bl-​aħrax sal-​mewt quddiem il-​priġunieri kollha bl-​iskop li jbeżżgħuhom ħalli lanqas biss jiġihom f’moħħhom li jaħarbu. Iktar tard il-​kmandant tal-​kamp heddidni quddiem Maria u t-​tfal: “Jekk nerġaʼ naqbdek tippriedka, noqtluk bl-​istess mod li bih qtilna lil dawk li pprovaw jaħarbu.”

Fl-aħħar, f’Novembru taʼ l-​1966, spiċċajna f’dak li kien sar il-​kamp terribbli tal-​mewt taʼ São Nicolau. Meta wasalna hemmhekk, tkexkixt meta sirt naf li l-​amministratur tal-​kamp kien is-​Sur Cid, dak li kien għoddu qatilni bis-​swat fil-​ħabs taʼ São Paulo! Kull xahar, in-​nies kienu jinqatlu sistematikament bit-​tużżani, u l-​familja tiegħi kienet imġagħla tara l-​qtil waħxi. Bħala riżultat, Maria qabadha breakdown li qatt ma rkuprat minnu għalkollox. Eventwalment, irnexxieli nikseb permess biex hi u t-​tfal jiġu evakwati lejn Luanda, fejn ħadu ħsiebhom iż-​żewġ uliedna bniet il-​kbar, Teresa u Joana.

Ħelsien, imma Ħabsi mill-​Ġdid

Inħlist is-​sena taʼ wara, f’Settembru taʼ l-​1970, u ngħaqadt mill-​ġdid mal-​familja tiegħi u l-​aħwa kollha f’Luanda. Telgħetli għoqla fi griżmejja meta rajt kemm kien mexa ’l quddiem ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar matul id-​disaʼ snin li kont ilni nieqes. Meta tteħidt il-​ħabs fl-​1961, il-​kongregazzjoni f’Luanda kienet tikkonsisti f’erbaʼ gruppi żgħar. Issa kien hemm erbaʼ kongregazzjonijiet kbar, organizzati kif jixraq u megħjunin kull sitt xhur minn rappreżentant li jivvjaġġa taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Kont ferħan se ntir li kont ninsab ħieles, imma l-​ħelsien tiegħi kien għomru qasir.

Jum wieħed sejjaħli d-​direttur ġenerali tal-​Police for Investigation and Defense of the State (PIDE) u li issa m’għadhomx jeżistu. Wara li qagħad jimlieni bix-​xemgħa fil-​preżenza taʼ binti Joana, dan newwilli dokument biex niffirmah. Dan kien jitlob is-​servizzi tiegħi bħala spjun għall-​PIDE u fih kien hemm imwiegħed ħafna kumpens materjali għas-​servizzi tiegħi. Meta rrifjutajt li niffirma, ġejt mhedded li nintbagħat mill-​ġdid lejn São Nicolau, u qalli li minn hemm ma kellix ċans li nerġaʼ ninħeles.

F’Jannar taʼ l-​1971, wara biss erbaʼ xhur taʼ ħelsien, dak it-​theddid seħħ. B’kollox kien hemm total taʼ 37 anzjan Kristjan minn Luanda li ġew arrestati u mibgħuta f’São Nicolau. Żammewna hemmhekk s’Awissu taʼ l-​1973.

Meħlus, imma Xorta Persegwitat

Fl-​1974 tħabbret il-​libertà reliġjuża fil-​Portugall, u wara dan, il-​ħelsien ġie estiż għall-​provinċji Portugiżi taʼ barra l-​pajjiż. Fil-​11 taʼ Novembru, 1975, l-​Angola kisbet l-​indipendenza mill-​Portugall. X’eċċitament ħassejna meta f’Marzu taʼ dik l-​istess sena esperjenzajna l-​ewwel assembleat tas-​circuit tagħna fil-​libertà! Jien kelli l-​privileġġ li nagħti t-​taħdita pubblika għal dawn il-​laqgħat taʼ ferħ fl-​iSports Citadel f’Luanda.

Il-gvern il-​ġdid, madankollu, oppona l-​waqfa newtrali tagħna, u l-​gwerra ċivili fl-​Angola kienet fl-​aqwa tagħha. Is-​sitwazzjoni tant saret kritika li x-​Xhieda l-​bojod ġew imġagħlin jaħarbu mill-​pajjiż. Tlieta minna aħwa rġiel lokali ġejna inkarigati biex nieħdu ħsieb ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar fl-​Angola, taħt id-​direzzjoni tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Portugall.

Ismi ma damx ma beda jidher fil-​gazzetti u jixxandar minn fuq ir-​radju. Ġejt akkużat li kont aġent taʼ l-​imperjaliżmu internazzjonali u li kont jien responsabbli talli x-​Xhieda Angolani rrifjutaw li jużaw l-​armi. Bħala riżultat, ġejt imħarrek biex nidher quddiem l-​ewwel gvernatur tal-​provinċja taʼ Luanda. Bir-​rispett kollu, spjegajtlu l-​waqfa newtrali tax-​Xhieda taʼ Jehovah mad-​dinja kollha, u li hija l-​waqfa li kienu ħadu s-​segwaċi bikrin taʼ Ġesù Kristu. (Isaija 2:4; Mattew 26:52) Meta semmejtlu li kont qattajt ’il fuq minn 17-il sena f’ħabsijiet u kampijiet tax-​xogħol matul il-​ħakma kolonjali, hu ddeċieda li ma jarrestanix.

Matul dak iż-​żmien, kien jeħtieġ kuraġġ biex wieħed jaqdi bħala Xhud taʼ Jehovah fl-​Angola. Peress li d-​dar tiegħi kienet qed tiġi mgħassa, kellna nieqfu nużawha għal-​laqgħat. Imma bħalma qal l-​appostlu Pawlu, ‘minn kullimkien konna ninsabu magħfusin, iżda ma konniex mgħattnin.’ (2 Korintin 4:8) Qatt ma sirna inattivi fil-​ministeru tagħna. Komplejt fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, naqdi bħala ministru li jivvjaġġa u nsaħħaħ il-​kongregazzjonijiet fil-​provinċji taʼ Benguela, Huíla, u Huambo. Dakinhar kont qed nuża isem ieħor, Ħuna Filemon.

F’Marzu taʼ l-​1978 ix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar reġaʼ safaʼ projbit, u ġejt informat minn sorsi taʼ min joqgħod fuqhom li xi fanatiċi rivoluzzjonarji kellhom il-​ħsieb li joqtluni. Għalhekk sibt refuġju fid-​dar taʼ wieħed Xhud min-​Niġerja li kien impjegat maʼ l-​ambaxxata Niġerjana fl-​Angola. Xahar wara, meta s-​sitwazzjoni kkalmat, komplejt naqdi lil ħuti bħala indokratur tas-​circuit.

Minkejja l-​projbizzjoni u l-​gwerra ċivili, eluf taʼ Angolani wieġbu għall-​ippridkar tagħna. Minħabba ż-​żjieda ġmielha fl-​għadd taʼ wħud li bdew isiru Xhieda, inħatar kumitat tal-​pajjiż sabiex jieħu ħsieb ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar fl-​Angola, taħt id-​direzzjoni tal-​fergħa tal-​Portugall. Matul dan iż-​żmien, ivvjaġġajt diversi drabi lejn il-​Portugall, fejn irċivejt taħriġ siewi mingħand ministri kwalifikati, u kif ukoll kura medika li kont neħtieġ.

Sa fl-​Aħħar, Liberi li Nippridkaw!

Meta kont ninsab fil-​kampijiet tax-​xogħol, xi priġunieri politiċi taʼ spiss kienu jgħadduni biż-​żmien u jgħiduli li qatt ma kont se ninħeles jekk nibqaʼ nippriedka. Imma kont inweġibhom: “Għadu m’huwiex il-​waqt għal Jehovah li jiftaħ il-​bieb, imma meta jiftħu, l-​ebda bniedem ma se jkun jistaʼ jagħlqu.” (1 Korintin 16:9; Apokalissi 3:8) Dak il-​bieb t’opportunità biex nippridkaw bla restrizzjonijiet infetaħ iktar wara l-​waqgħa taʼ l-​Unjoni Sovjetika fl-​1991. Dakinhar bdejna nesperjenzaw iktar libertà reliġjuża fl-​Angola. Fl-​1992 ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah ġie legalizzat uffiċjalment. Finalment, fl-​1996 ġiet stabbilita fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Angola, u jien inħtart bħala membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa.

Matul il-​ħafna snin li qattajt bħala priġunier, il-​familja tiegħi dejjem vinċiet b’xi mod jew ieħor. Kellna sitt itfal, u ħamsa minnhom għadhom ħajjin. L-​għażiża Joana tagħna mietet is-​sena li għaddiet bil-​kanċer. Erbgħa mit-​tfal li baqgħalna huma Xhieda mgħammdin, imma t-​tifel l-​ieħor għadu ma ħax il-​pass tal-​magħmudija.

Meta Ħuna Cooke żarna fl-​1955, kellna total taʼ erbaʼ Angolani jiddikjaraw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Illum hemm ’il fuq minn 38,000 proklamatur tas-​Saltna fil-​pajjiż, u dawn qed jikkonduċu ’l fuq minn 67,000 studju tal-​Bibbja fix-​xahar. Fost dawk li qed jippridkaw l-​aħbar tajba hemm ħafna li qabel kienu jippersegwitawna. Kemm hija xi ħaġa premjanti din, u kemm jien grat lejn Jehovah talli żammni ħaj u ħallieni nwettaq ix-​xewqa li kelli tbaqbaq ġewwa fija li niddikjara l-​kelma tiegħu!​—Isaija 43:12; Mattew  24:14.

[Mappa f’paġna 20, 21]

Repubblika Demokratika tal-​Kongo

Kinshasa

Angola

Maquela do Zombo

Luanda

São Nicolau (issa Bentiaba)

Moçâmedes (issa Namibe)

Baia dos Tigres

Serpa Pinto (issa Menongue)

[Sors]

Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Stampi f’paġna 22, 23]

Taħt: Maʼ John Cooke fl-​1955. Sala Filemon jinsab fuq ix-​xellug

Lemin: Mill-​ġdid maʼ John Cooke wara 42 sena

[Stampa f’paġna 23]

Flimkien maʼ marti, Maria

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja