Bijografija
Premjata Għax Aċċettajt Kull Stedina taʼ Jehovah
KIF RAKKONTATA MINN MARIA DO CÉU ZANARDI
“Jehovah jaf x’qed jagħmel. Ladarba bagħatlek l-istedina, għandek taċċettaha bl-umiltà kollha.” Dan il-kliem li qalli missieri iktar minn 45 sena ilu għenni biex naċċetta l-ewwel stedina li rċivejt mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah, dik li naqdi bħala ministru full-time. Illum, għadni grata ħafna għall-parir li tani missieri għaliex ġejt premjata bil-kbir talli aċċettajt stediniet bħal din.
FL-1928, missieri abbona fir-rivista t-Torri taʼ l-Għassa u beda jinteressa ruħu fil-Bibbja. Peress li kien jgħix fil-qalba tal-Portugall, l-uniku kuntatt li kellu maʼ l-organizzazzjoni t’Alla kien il-pubblikazzjonijiet li kien jirċievi bil-posta u l-Bibbja li kienet tal-ġenituri tiegħu. Fl-1949, meta kelli 13-il sena, il-familja tagħna emigrat lejn il-Brażil, pajjiż ommi, u morna noqogħdu ’l barra minn Rio de Janeiro.
Il-ġirien ġodda tagħna stidnuna biex immorru nżuru l-knisja tagħhom, u morna xi ftit drabi. Missieri kien iħobb jistaqsihom dwar in-nar taʼ l-infern, ir-ruħ, u l-futur taʼ l-art—imma ma kellhomx risposta. “Ikollna nistennew sakemm jiġu l-istudenti veri tal-Bibbja,” kien jgħid missieri.
Darba waħda, raġel agħma ġie d-dar tagħna joffrilna It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Missieri staqsieh dwar l-istess affarijiet, u dan tah tweġibiet preċiżi bbażati fuq il-Bibbja. Il-ġimgħa taʼ wara, ġiet għandna persuna oħra li kienet waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Wara li wieġbet iżjed mill-mistoqsijiet tagħna, skużat ruħha u qalet li kellha titlaq għax riedet tmur “fis-servizz taʼ l-għalqa.” Meta missieri deher sorpriż bi kliemha, hi qratlu Mattew 13:38: “L-għalqa hija d-dinja.” Missieri staqsieha: “Nistaʼ niġi jien ukoll?” It-tweġiba kienet: “Dażgur li tistaʼ.” Tgħidx kemm fraħna li sibna mill-ġdid il-verità tal-Bibbja! Missieri tgħammed fil-konvenzjoni li kien imiss, u jien tgħammidt ftit wara, f’Novembru taʼ l-1955.
Naċċetta l-Ewwel Stedina Tiegħi
Sena u nofs wara, mill-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Rio de Janeiro rċivejt envelop kbir kannella bi stedina sabiex nidħol fix-xogħol taʼ l-ippridkar full-time. Ommi kienet ma tiflaħx sew dak iż-żmien, u għalhekk staqsejt lil missieri biex jagħtini parir x’għandi nagħmel. “Jehovah jaf x’qed jagħmel,” weġibni bla tlaqliq. “Ladarba bagħatlek l-istedina, għandek taċċettaha bl-umiltà kollha.” Imqanqla b’dan il-kliem, imlejt l-applikazzjoni u fl-1 taʼ Lulju, 1957, dħalt fis-servizz full-time. L-ewwel inkarigu tiegħi kien Três Rios, belt fl-Istat taʼ Rio de Janeiro.
Għall-ewwel, l-abitanti taʼ Três Rios ma kinux ikunu jridu jisimgħu l-messaġġ tagħna mill-Bibbja għax ma konniex nużaw verżjoni Kattolika. Malajr ġiet l-għajnuna meta bdejna studju tal-Bibbja maʼ Kattoliku attiv li kien jismu Geraldo Ramalho. Bl-għajnuna tiegħu stajt nikseb Bibbja li kien fiha l-firma tal-qassis lokali. Minn dak in-nhar ’l hemm, kulmeta xi ħadd kien iqajjem xi oġġezzjoni, kont nurihom il-firma tal-qassis, u ma kienu jagħmluli ebda mistoqsija oħra. Ftit wara, Geraldo tgħammed.
Ridt intir bil-ferħ meta fl-1959 inżammet assemblea preċiż fil-qalba taʼ Três Rios. Il-kap tal-pulizija, li dak iż-żmien kien qed jistudja l-Bibbja, saħansitra ħa ħsieb li jitwaħħlu sinjali mal-belt kollha biex jirriklamaw il-programm. Wara li kont ili tliet snin naħdem fi Três Rios, ġejt mistiedna għal inkarigu ieħor f’Itu, madwar 110 kilometri lejn il-punent taʼ São Paulo.
Kotba Ħomor, Blu, u Sofor
Wara li konna ilna nfittxu fejn se noqogħdu, jien u l-pijuniera li kienet miegħi sibna post komdu fil-qalba tal-belt fid-dar taʼ Marija, armla b’qalb tajba. Marija kienet tistmana bħala wliedha. Iżda, ftit wara l-isqof Kattoliku Ruman taʼ Itu ġie jżurha u qalilha biex tkeċċina ’l barra. Hi żammet sod: “Meta miet żewġi, ħadd minnkom ma ġie jikkonslani. Dawn ix-Xhieda taʼ Jehovah għenuni avolja m’iniex membru tar-reliġjon tagħhom.”
Għal dik il-ħabta, waħda mara informatna li l-qassisin Kattoliċi taʼ Itu kienu ordnaw lin-nies tal-parroċċa tagħhom biex ma jaċċettawx kopji tal-“ktieb l-aħmar dwar ix-Xitan.” Kienu qed jirreferu għal “Let God Be True,” pubblikazzjoni Biblika li konna qed noffru lin-nies dik il-ġimgħa. Peress li l-ktieb l-aħmar kien ġie “kundannat” mill-qassisin, aħna ħejjejna preżentazzjoni biex noffru l-ktieb il-blu (“New Heavens and a New Earth”). Iktar tard, meta l-qassisin semgħu b’din il-bidla, aħna bdejna nużaw il-ktieb l-isfar (What Has Religion Done for Mankind?), u bqajna sejrin hekk. Kien utli li kellna f’idejna varjetà taʼ kotba b’qoxra taʼ kulur differenti!
Wara kważi sena f’Itu, irċivejt telegramma u ġejt mistiedna naħdem temporanjament f’Betel, il-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Rio de Janeiro, bi tħejjija għall-assemblea nazzjonali. Jien aċċettajt bil-ferħ.
Iktar Privileġġi u Sfidi
F’Betel kien hemm ħafna xogħol xi jsir, u jien kont kuntenta li ngħin f’kull ħaġa possibbli. Kemm ibbenefikajt mid-diskussjoni taʼ l-iskrittura tal-jum li kont nattendi għaliha kull fil-għodu u mill-Istudju tat-Torri taʼ l-Għassa bħala familja kull nhar taʼ Tnejn fil-għaxija! It-talb mill-qalb taʼ Otto Estelmann u taʼ membri oħra t’esperjenza mill-familja taʼ Betel kellu effett kbir fuqi.
Wara l-assemblea nazzjonali, ippakkjajt il-bagalji biex nerġaʼ mmur Itu, imma b’sorpriża kbira għalija, l-indokratur tal-fergħa, Grant Miller, tani ittra li kien fiha stedina biex insir membru permanenti tal-familja taʼ Betel. Fil-kamra miegħi kelli lil Oħtna Hosa Yazedjian, li għadha taqdi fil-Betel tal-Brażil. Dak iż-żmien il-familja taʼ Betel kienet żgħira—konna 28 biss—u kollha konna ħbieb tal-qalb.
Fl-1964, João Zanardi, ministru full-time żagħżugħ, ġie Betel biex jirċievi t-taħriġ. Imbagħad, ngħata l-inkarigu taʼ qaddej tas-circuit, jew indokratur li jivvjaġġa, viċin tagħna. Kultant żmien konna niltaqgħu meta kien jiġi Betel sabiex jagħti r-rapporti tiegħu. Il-qaddej tal-fergħa ta permess lil João biex jattendi għall-istudju tal-familja kull nhar taʼ Tnejn fil-għaxija, u b’hekk stajna nqattgħu iktar ħin flimkien. Jien u João żżewwiġna f’Awissu taʼ l-1965. Aċċettajt bil-ferħ l-istedina li ningħaqad maʼ żewġi fix-xogħol tas-circuit.
Dak iż-żmien, ix-xogħol taʼ l-ivvjaġġar ġol-qalba tal-Brażil kien qisu xi avventura. Qatt ma se ninsa ż-żjajjar li konna nagħmlu lill-gruppi taʼ pubblikaturi f’Aranha, fl-Istat taʼ Minas Gerais. Ridna nirkbu ferrovija u mbagħad nimxu l-bqija tat-triq—mgħobbijin bil-bagalji, typewriter, projector, basktijiet bil-kotba tas-servizz, u letteratura oħra. Kemm konna nieħdu pjaċir naraw lil Lourival Chantal, ħu mdaħħal fiż-żmien, li dejjem kien ikun jistenniena fl-istazzjon biex jgħinna nġorru l-affarijiet.
Il-laqgħat f’Aranha kienu jinżammu f’dar mikrija. Aħna konna norqdu f’kamra żgħira fuq wara. Fuq naħa minnhom, kien hemm fuklar li konna nużawh biex insajru u biex insaħħnu l-ilma li l-aħwa kienu jġibulna fil-bramel. Bħala tojlit konna nużaw toqba fl-art f’nofs għalqa tal-bambù li kienet qrib. Bil-lejl konna nħallu lampa tal-gass tixgħel biex inżommu ’l bogħod tip taʼ insett (barber beetle) li setaʼ jinfettana bil-marda Chagas. Fil-għodu mnifsejna dejjem kienu jkunu suwed bid-duħħan. Esperjenza tassew interessanti!
Waqt li konna qed naqdu f’circuit fl-Istat taʼ Paraná, erġajna rċivejna envelop kannella kbir mill-fergħa. Reġgħet ġiet stedina oħra mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah—din id-darba biex naqdu fil-Portugall! L-ittra wissietna biex nikkunsidraw il-prinċipju li hemm f’Luqa 14:28 u ngħoddu n-nefqa qabel ma naċċettaw dan l-inkarigu għaliex ix-xogħol Kristjan tagħna hemmhekk kien projbit, u l-gvern Portugiż kien diġà arresta ħafna aħwa.
X’nagħmlu? Se mmorru f’pajjiż fejn se jkollna niffaċċjaw din il-persekuzzjoni? “Jekk ħutna Portugiżi jistgħu jgħixu hemmhekk u jaqdu lil Jehovah lealment, għala ma nistgħux nagħmlu hekk aħna wkoll?” qal João. Dan fakkarni fil-kliem taʼ inkuraġġiment li kien qalli missieri, u qbilt miegħu: “Ladarba Jehovah bagħtilna l-istedina, għandna naċċettawha u nafdaw fih.” Ftit wara, konna fil-Betel taʼ São Paulo, fejn tawna iktar istruzzjonijiet u ħejjejna d-dokumenti tagħna għall-vjaġġ.
João Maria u Maria João
Il-vapur li sifirna fuqu, l-Eugênio C, salpa mill-port taʼ Santos, fl-Istat taʼ São Paulo, fis-6 taʼ Settembru, 1969. Wara disat ijiem baħar, wasalna l-Portugall. Għall-ewwel, qattajna ħafna xhur naħdmu m’aħwa t’esperjenza fit-toroq dojoq taʼ Alfama u Mouraria, fid-distrett il-qadim taʼ Lisbona. Għallmuna kif nosservaw sewwa x’inhu jiġri madwarna sabiex ma ninqabdux malajr mill-pulizija.
Il-laqgħat tal-kongregazzjoni kienu jinżammu fid-djar tax-Xhieda. Meta konna nindunaw li l-ġirien qed jissuspettaw xi ħaġa, malajr konna nibdlu l-post tal-laqgħat biex fid-dar ma ssirx tfittxija jew jiġu arrestati xi aħwa. L-assembleat tagħna konna nsejħulhom xalati, u kienu jinżammu f’Monsanto Park, fit-tarf taʼ Lisbona, u f’Costa da Caparica, post kollu siġar fuq il-kosta. Konna mmorru bi lbies każwali, u grupp t’aħwa b’għajnejhom miftuħa kienu joqogħdu għassa f’postijiet vantaġġużi. Jekk kien jersaq xi ħadd suspettuż, kien ikollna ċ-ċans nivvintaw xi logħba, nifirxu mejda bl-ikel, jew nibdew inkantaw xi għanja folkloristika.
Biex ikun iżjed iebes għall-pulizija tas-sigurtà biex jidentifikawna, ma konniex nużaw l-ismijiet veri tagħna. L-aħwa kienu jafuna bħala João Maria u Maria João. Isimna ma kienx jintuża fil-korrispondenza jew f’xi kitba oħra. Minflok, ngħatajna numru. Kont determinata li ma nżommx f’moħħi l-indirizzi taʼ l-aħwa. B’dan il-mod, kieku ġejt arrestata, kien ikun impossibbli li nittradihom.
Minkejja r-restrizzjonijiet, jien u João konna determinati li nieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex nagħtu xiehda, peress li konna nafu li stajna nitilfu l-libertà tagħna minn mument għal ieħor. Tgħallimna nistrieħu fuq Missierna tas-sema, Jehovah. Bħala l-Protettur tagħna, hu kien juża l-anġli tiegħu b’tali mod li konna nħossuna qed ‘naraw lil Alla li ma jidhirx.’—Lhud 11:27.
Darba minnhom, waqt li konna qed nippridkaw minn dar għal dar f’Porto, iltqajna maʼ raġel li insista li nidħlu għandu. L-oħt li kont qed naħdem magħha aċċettat bla ma qagħdet taħsibha darbtejn, u jien ma kellix triq oħra ħlief li nidħol magħha. Twerwirt x’ħin rajt fl-intrata ritratt taʼ xi ħadd liebes l-uniformi militari. Issa x’kont se nagħmel? Ir-raġel talabna noqogħdu bil-qiegħda, u mbagħad staqsieni: “Tħallih lil ibnek jaqdi fl-armata jekk jibagħtu għalih?” Kienet sitwazzjoni delikata. Bil-kalma, imma wara li għedt talba f’qalbi, weġibtu: “Jien m’għandix tfal, u ċerta li kieku għamiltha lilek mistoqsija bħal din, kont tweġibni bl-istess mod.” Hu baqaʼ sieket. Għalhekk issoktajt: “Issa li kellek tistaqsini kif tħossok kieku titlef lil ħuk jew lil missierek, dan nistaʼ nwieġbu għaliex kemm ħija u kemm missieri huma mejtin.” Hekk kif għedt dan il-kliem, għajnejja mtlew bid-dmugħ, u nnotajt li hu wkoll kien kważi se jibki. Hu spjegalna li martu kienet għadha kif mietet. Qagħad jismaʼ b’attenzjoni kbira waqt li spjegajt it-tama taʼ l-irxoxt. Imbagħad sellimna lil xulxin bl-edukazzjoni kollha u tlaqna b’wiċċ il-ġid, waqt li ħallejna kollox f’idejn Jehovah.
Minkejja l-projbizzjoni, nies sinċieri ġew megħjunin jiksbu għarfien tal-verità. Kien f’Porto li żewġi beda studju maʼ Horácio, negozjant li għamel progress mgħaġġel. Iktar tard ibnu Emílio, tabib eċċellenti, ukoll sar jappoġġa lil Jehovah u tgħammed. Verament, xejn ma jistaʼ jwaqqaf lill-ispirtu qaddis taʼ Jehovah.
“Ma Tafux Jehovah X’Jistaʼ Jippermetti”
Fl-1973, jien u João ġejna mistidnin biex nattendu l-Assemblea Internazzjonali “Rebħa Divina” fi Brussell, ġewwa l-Belġju. Eluf t’aħwa Spanjoli u Belġjani kienu preżenti, kif ukoll delegati mill-Możambik, Angola, Kap Verde, Madejra, u l-Azores. Fil-kummenti tiegħu taʼ l-għeluq, Ħuna Knorr, mill-kwartieri ġenerali fi New York, ħeġġiġna b’dan il-mod: “Ibqgħu aqdu lil Jehovah lealment. Ma tafux Jehovah x’jistaʼ jippermetti. Min jaf, forsi tattendu l-konvenzjoni internazzjonali li jmiss fil-Portugall!”
Is-sena taʼ wara x-xogħol taʼ l-ippridkar ġie rikonoxxut legalment fil-Portugall. U preċiż bħalma kien qal Ħuna Knorr, fl-1978 inżammet l-ewwel konvenzjoni internazzjonali tagħna f’Lisbona. Xi privileġġ kien għalina li ngħaddu mit-toroq taʼ Lisbona, nagħtu xiehda bil-kartelluni, bir-rivisti, u bl-inviti għat-taħdita pubblika! Kienet ħolma li saret realtà!
Verament sirna nħobbuhom lil ħutna Portugiżi! Ħafna minnhom kienu sofrew ħabs u swat biex iżommu n-newtralità Kristjana. Ix-xewqa tagħna kienet li nibqgħu naqdu fil-Portugall. Madankollu, ma kellux ikun hekk. Fl-1982, João beda jkollu problemi serji b’qalbu, u l-fergħa ssuġġeriet li nirritornaw lejn il-Brażil.
Żmien taʼ Prova
L-aħwa fil-fergħa tal-Brażil urewna appoġġ kbir u tawna inkarigu biex naqdu fil-Kongregazzjoni taʼ Quiririm f’Taubaté, fl-Istat taʼ São Paulo. Saħħet João bdiet sejra mill-ħażin għall-agħar b’ħeffa kbira, u ftit wara ma setax joħroġ iktar mid-dar. Nies li kienu juru interess fil-Kelma t’Alla kienu jiġu jistudjaw il-Bibbja d-dar tagħna, u kuljum kien ikollna laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa, kif ukoll il-grupp għall-istudju tal-ktieb kull ġimgħa. Dawn il-provvedimenti għenuna nibqgħu nżommu l-ispiritwalità tagħna.
João baqaʼ jagħmel li setaʼ fis-servizz taʼ Jehovah sakemm miet fl-1 t’Ottubru, 1985. Kont imdejqa u kemxejn dipressa, imma kont determinata li nibqaʼ naħdem fl-inkarigu tiegħi. Ħadt daqqa taʼ ħarta oħra f’April taʼ l-1986 meta daħluli l-ħallelin u serquli kważi kollox. Għall-ewwel darba f’ħajti, ħassejtni waħdi u mbeżżgħa. B’imħabba kbira, koppja miżżewġa offrewli biex immur noqgħod magħhom għal ftit taż-żmien, u taʼ dan jien kont grata ħafna.
Bil-mewt taʼ João u s-serqa tal-ħallelin ġie effettwat ukoll is-servizz tiegħi lejn Jehovah. Ma bqajtx kunfidenti fil-ministeru. Meta ktibt lill-fergħa dwar din id-diffikultà, irċivejt stedina biex inqattaʼ ftit taż-żmien f’Betel sabiex inkun nistaʼ nerġaʼ nikseb il-bilanċ emozzjonali tiegħi. Kemm issaħħaħt spiritwalment matul iż-żmien li qattajt hemmhekk!
Kif ħassejtni ftit aħjar, aċċettajt inkarigu biex naqdi f’Ipuã, belt fl-istat taʼ São Paulo. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar żammni okkupata, imma kien hemm mumenti li ħassejtni skuraġġita. F’waqtiet bħal dawn, kont inċempel lill-aħwa f’Quiririm, u familja kienet tiġi żżurni għal ftit ġranet. Dawn iż-żjajjar kienu tassew inkuraġġanti! Matul l-ewwel sena li qattajt f’Ipuã, 38 aħwa differenti ġew jarawni minkejja l-vjaġġ twil li kellhom jagħmlu.
Fl-1992, sitt snin wara l-mewt taʼ João, irċivejt stedina oħra mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah, din id-darba biex immur noqgħod ġewwa Franca, fl-Istat taʼ São Paulo, fejn għadni naqdi bħala ministru full-time. Hawnhekk it-territorju hu produttiv ħafna. Fl-1994 bdejt studju tal-Bibbja mas-sindku. Dak iż-żmien, hu kien għaddej b’kampanja biex jiġi elett fil-kungress tal-Brażil, imma minkejja li kien imħabbat ħafna, xorta konna nistudjaw kull nhar taʼ Tnejn wara nofsinhar. Biex ma jtellfuniex hu kien jitfi t-telefon. Kemm ħassejtni ferħana meta rajtu bil-mod il-mod jitlaq il-politika u, bl-għajnuna tal-verità, jerġaʼ jsaħħaħ iż-żwieġ tiegħu! Hu u martu tgħammdu fl-1998.
Meta nħares lura, nistaʼ ngħid li ħajti bħala ministru full-time kienet waħda taʼ barkiet u privileġġi kbar immens. Verament li ġejt premjata ħafna talli aċċettajt l-istediniet li Jehovah għamilli permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu. U d-determinazzjoni tiegħi għadha qawwija daqs qatt qabel li naċċetta kwalunkwe stedina li għad forsi tiġi fil-futur.
[Stampi f’paġna 25]
Fl-1957, meta dħalt fis-servizz full-time, u llum
[Stampa f’paġna 26]
Mal-familja taʼ Betel fil-Brażil fl-1963
[Stampa f’paġna 27]
It-tieġ tagħna f’Awissu taʼ l-1965
[Stampa f’paġna 27]
Assemblea fil-Portugall meta x-xogħol kien projbit
[Stampa f’paġna 28]
Għoti taʼ xiehda fit-toroq taʼ Lisbona matul il-Konvenzjoni Internazzjonali “Fidi Rebbieħa” fl-1978