LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 7/1 pp. 23-27
  • Minn Faqar Estrem għall-Akbar Rikkezzi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Minn Faqar Estrem għall-Akbar Rikkezzi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tfittxija għal xi Ħaġa Aħjar
  • Kommoss mit-​Tama tal-​Bibbja
  • Ibbenefikajt Billi Wrejt l-​Ospitalità
  • Nissaportu l-​Persekuzzjoni
  • Ingawdi l-​Akbar Rikkezzi
  • Esperjenzajna l-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla b’ħafna modi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Premjata Għax Aċċettajt Kull Stedina taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ħajja Mimlija Sorpriżi fis-Servizz taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 7/1 pp. 23-27

Minn Faqar Estrem għall-​Akbar Rikkezzi

KIF RAKKONTAT MINN MANUEL DE JESUS ALMEIDA

Jien twelidt f’Ottubru taʼ l-​1916, l-​iżgħar wieħed fost 17-il tifel u tifla. Disgħa minn ħuti l-​kbar kienu mietu minħabba mard u malnutrizzjoni, u għalhekk jien qatt ma kont nafhom. It-​tmienja li bqajna, għexna mal-​ġenituri tagħna f’raħal żgħir viċin Porto, fil-​Portugall.

ID-​DAR umli tagħna kienet tikkonsisti minn salott u kamra tas-​sodda waħda. L-​ilma għax-​xorb konna niħduh minn bir kważi nofs kilometru ’l bogħod minna, u l-​faċilitajiet għat-​tisjir kienu primittivi.

Malli ħuti s-​subien il-​kbar kienu fiżikament kapaċi, bdew jaħdmu fl-​għelieqi tal-​qamħ. Il-​qligħ tagħhom kien t’għajnuna sabiex jipprovdi ftit ikel għall-​familja. Bl-​għajnuna tagħhom jien kont l-​uniku tifel li rċivejt ftit skola. Għalkemm ħajjitna kienet diffiċli, konna leali għall-​aħħar lejn il-​Knisja Kattolika, billi konna nittamaw li b’xi mod jew ieħor dan se jkun t’għajnuna għal ħajjitna.

Matul ix-​xahar taʼ Mejju, il-​knisja kellha dik li jsejħulha n-​novena. Għal disat ijiem konsekuttivi, konna mmorru kull fil-​għodu kmieni lejn il-​knisja waqt li jkun għadu d-​dlam. Hemmhekk konna nitolbu, għaliex konna nemmnu li dan se jġibilna barka mingħand Alla. Konna naħsbu wkoll li l-​qassis kien raġel qaddis, ir-​rappreżentant t’Alla. Imma, maż-​żmien, il-​ħarsa tagħna nbidlet.

Tfittxija għal xi Ħaġa Aħjar

Meta nqasna li nħallsu t-​taxxa tal-​knisja, il-​qassis ma ta l-​ebda konsiderazzjoni għad-​diffikultajiet finanzjarji estremi tagħna. Dan skuraġġiena. L-​impressjoni tiegħi dwar il-​knisja nbidlet radikalment, u għalhekk meta kelli 18-il sena ddeċidejt li nħalli lill-​familja tiegħi sabiex infittex jekk hemmx xi ħaġa aħjar fil-​ħajja mix-​xogħol fl-​għelieqi u t-​tilwim mal-​knisja. Fl-​1936 wasalt f’Lisbona, il-​belt kapitali tal-​Portugall.

Hemmhekk iltqajt maʼ Edminia. Għalkemm kont inħossni mqarraq mir-​reliġjon, aħna mxejna skond id-​drawwa u żżewwiġna fil-​Knisja Kattolika. Imbagħad, fl-​1939 bdiet it-​Tieni Gwerra Dinjija, u l-​Portugall iġġieled man-​naħa taʼ l-​Alleati. Matul il-​gwerra, jien kont nieħu ħsieb 18-il maħżen, u f’ġurnata waħda biss konna nibagħtu sa 125 trakk mimlijin b’materjal tal-​gwerra.

L-orruri tal-​gwerra flimkien maʼ l-​involviment kbir tal-​Knisja Kattolika effettwawni bil-​kbir. Kont naħseb, ‘Imma Alla tassew li jimpurtah mill-​umanità? Kif għandna nqimuh?’ Snin wara, fl-​1954, wieħed raġel anzjan li kien membru tax-​Xhieda taʼ Jehovah, kellimni rigward xi mistoqsijiet li kelli. Din il-​konversazzjoni biddlitli ħajti kollha.

Kommoss mit-​Tama tal-​Bibbja

Dan ir-​raġel twajjeb, Joshua, spjegali li s-​Saltna t’Alla hija l-​unika soluzzjoni għall-​problemi tad-​dinja u li l-​paċi u s-​sigurtà se jiġu realizzati biss permezz tal-​ħakma tas-​Saltna. (Mattew 6:9, 10; 24:14) Jien ħadt gost ħafna b’dak li qalli, imma ma tantx kont ħerqan biex naċċetta l-​ispjegazzjonijiet tiegħu minħabba l-​esperjenza li kelli qabel tar-​reliġjon. Meta offrieli biex jistudja l-​Bibbja miegħi, jien aċċettajt bil-​kundizzjoni li ma jitlobnix flus u li ma jkellimnix fuq politika. Hu aċċetta, waqt li assigurani li dak li kien qed joffrili kien b’xejn.—Apokalissi 22:17.

Il-fiduċja tiegħi f’Joshua malajr kibret. Għalhekk, jien staqsejtu għal xi ħaġa li kont ilni nixtieqha minn mindu kont żagħżugħ. “Huwa possibbli li jkolli l-​kopja persunali tiegħi tal-​Bibbja?” Wara li ksibtha, kemm fraħt meta qrajt għall-​ewwel darba mill-​Kelma tal-​Ħallieq tagħna stess wegħdi bħal: “Alla nnifsu jkun magħhom [maʼ l-​umanità], Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel”!—Apokalissi 21:3, 4.

Il-wegħdi tal-​Bibbja dwar it-​tneħħija tal-​faqar u l-​mard kienu taʼ faraġ għalija b’mod partikulari. Ir-​raġel leali Eliħu qal dwar Alla: “Jagħtihom ikel bil-​kotra.” (Ġob 36:31) U taħt il-​ħakma twajba tas-​Saltna t’Alla, il-​Bibbja tgħid, “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) X’interess kollu mħabba għandu Alla Jehovah fl-​umanità! Kemm kiber l-​interess tiegħi fil-​wegħdi tiegħu!

L-​ewwel darba li attendejt laqgħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah kienet fis-​17 t’April, 1954. Kienet laqgħa speċjali​—iċ-​ċelebrazzjoni tal-​Mafkar tal-​mewt taʼ Kristu. Minn dakinhar ’l hawn, kont dejjem regulari fl-​attendenza għal-​laqgħat. Malajr bdejt naqsam l-​affarijiet tajbin li kont qed nitgħallem m’oħrajn. Dak iż-​żmien fil-​Portugall, kien ikollna piknik kull xahar ħdejn xatt il-​baħar, u mbagħad kien ikollna magħmudija. Sebaʼ xhur wara li Joshua kellimni għall-​ewwel darba, jien iddedikajt lili nnifsi lil Alla Jehovah u ssimbolizzajt dan bil-​magħmudija taʼ l-​ilma fl-​oċean.

Kmieni fl-​1954, kien hemm biss madwar mitt Xhud fil-​Portugall kollu. B’hekk, kien hemm bżonn kbir għal irġiel biex jieħdu t-​tmexxija tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar f’idejhom. Jien għamilt progress spiritwali mgħaġġel, u malajr tawni xi responsabbiltajiet ġewwa l-​kongregazzjoni. Fl-​1956, ġejt maħtur bħala qaddej tal-​kongregazzjoni, kif kien jissejjaħ l-​indokratur li jippresiedi dak iż-​żmien, fit-​tieni kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Lisbona. Illum, hemm iktar minn mitt kongregazzjoni f’din il-​belt u fis-​subborgi tagħha.

Ibbenefikajt Billi Wrejt l-​Ospitalità

Avolja jien u Edminia konna limitati finanzjarjament, il-​bieb tagħna kien dejjem miftuħ għal ħutna l-​Kristjani. Fl-​1955 wieħed pijunier, kif jissejħu l-​evanġelizzaturi full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah, waqaf fil-​Portugall hu u sejjer minn daru fil-​Brażil lejn l-​Assemblea internazzjonali “Saltna Trijonfanti” fil-​Ġermanja. Minħabba problemi taʼ trasport, hu qagħad id-​dar tagħna għal xahar, u kemm ibbenefikajna spiritwalment miż-​żjara tiegħu!

Dak iż-​żmien viżitaturi oħrajn li qagħdu d-​dar tagħna kienu jinkludu membri tal-​familja tal-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, New York, bħal Hugo Riemer u sieħbu Charles Eicher. Huma kienu jieklu magħna u jagħtu taħditiet lill-​aħwa Portugiżi. Bħal flieles li għadhom kemm faqqsu b’munqarhom miftuħ, hekk konna ħerqanin għal dawk il-​loqom spiritwali kollhom sugu li pprovdewlna aħwa bħal dawn.

Indokraturi li jivvjaġġaw tax-​Xhieda taʼ Jehovah wkoll kienu joqogħdu fid-​dar tagħna matul iż-​żjajjar tagħhom. Viżitatur memorabbli fl-​1957 kien Álvaro Berecochea, l-​indokratur tal-​fergħa tal-​Marokk, li kien ġie inkarigat biex iżur il-​Portugall bl-​iskop li jinkuraġġixxi lill-​aħwa. Hu attenda għall-​istudju tal-​ktieb fid-​dar tagħna, u aħna insistejna li jibqaʼ magħna sakemm idum fil-​Portugall. Ġejna mberkin ħafna u mtlejna spiritwalment matul iż-​żjara tiegħu li damet xahar, waqt li Álvaro mtela fiżikament bit-​tisjir tajjeb taʼ l-​għażiża tiegħi Edminia.

Faqar estrem, bħal dak li esperjenzajt fit-​tfulija tiegħi, jistaʼ jħalli impressjoni qawwija f’dak li jkun. Madankollu, bdejt napprezza li iktar ma nagħtu lil Jehovah u lill-​qaddejja leali tiegħu, iktar iberikna. Dan il-​fatt baqaʼ jimpressjonani ripetutament hekk kif konna nuru l-​ospitalità maʼ dawk kollha li stajna.

Fil-konvenzjoni tagħna f’Porto fl-​1955, kien sar avviż dwar il-​konvenzjoni internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Jehovah li kellha tinżamm fil-​Yankee Stadium fil-​belt taʼ New York fl-​1958. Tpoġġiet kaxxa għall-​kontribuzzjonijiet f’kull Sala tas-​Saltna tal-​pajjiż​—li dak iż-​żmien kienu tassew ftit—​biex tingħata iktar għajnuna finanzjarja biex jintbagħtu delegati Portugiżi għall-​konvenzjoni. Tistaʼ timmaġina l-​ferħ tagħna meta jien u marti ntgħażilna biex inkunu fost dawn id-​delegati? X’ferħ kbir ħassejna meta żorna l-​kwartieri ġenerali dinjin tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn waqt li konna fl-​Istati Uniti għall-​konvenzjoni!

Nissaportu l-​Persekuzzjoni

Fl-​1962, ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tax-​Xhieda taʼ Jehovah ġie projbit fil-​Portugall, u l-​missjunarji​—inkluż Eric Britten, Domenick Piccone, Eric Beveridge, u n-​nisa tagħhom—​tkeċċew. Wara dan, ma ħallewniex inżommu l-​laqgħat tagħna fis-​Swali tas-​Saltna, u għalhekk konna nagħmluhom bil-​moħbi fi djar privati; u lanqas kien possibbli iktar li jkollna konvenzjonijiet kbar fil-​Portugall. Għalhekk, kienet ir-​responsabbiltà tiegħi li nagħmel arranġamenti biex ħutna l-​Kristjani jkollhom trasport sabiex jattendu konvenzjonijiet bħal dawn f’pajjiżi oħrajn.

Ma kinitx xi ħaġa faċli li nirranġa għal numru kbir taʼ Xhieda biex jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħrajn. Madankollu, l-​isforz kien vallapena, meta nikkunsidra l-​benefiċċji spiritwali meraviljużi li l-​aħwa Portugiżi kienu rċivew. X’esperjenza li tibni kienet għalihom li jattendu konvenzjonijiet fl-​Isvizzera, fl-​Ingilterra, fl-​Italja, u fi Franza! Konvenzjonijiet bħal dawn ipprovdewlhom ukoll opportunità biex iġibu lura xi letteratura fil-​pajjiż. Matul dawk is-​snin, tlabna kemm-il darba biex niġu reġistrati bħala organizzazzjoni reliġjuża fil-​Portugall, imma dawn it-​talbiet kollha ġew rifjutati.

Wara li l-​missjunarji tkeċċew fil-​bidu taʼ l-​1962, il-​pulizija sigrieta bdiet tħarrax il-​kampanja tagħha biex twaqqaf ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna. Għexieren t’aħwa rġiel u nisa ġew arrestati u meħuda l-​qorti. Rapporti dokumentati dwar xi wħud minn dawn il-​ġrajjiet ġew pubblikati f’din ir-​rivista u fir-​rivista li tmur id f’id magħha Awake!a

Fost dawk li ntbagħtu l-​ħabs minħabba l-​ippridkar kien hemm pijunier li kont jien li introduċejtlu l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Peress li l-​pulizija sabu l-​indirizz tiegħi maʼ l-​affarijiet tiegħu, bagħtu għalija u interrogawni.

Iktar tard, żewġ aġenti tal-​pulizija żaru d-​dar tiegħi. Huma kkonfiskaw l-​għajnuniet għall-​istudju tiegħi tal-​Bibbja kif ukoll 13-il kopja tal-​Bibbja. Huma baqgħu jissikkawni, billi rritornaw madwar sebaʼ darbiet wara xulxin biex ifittxu fid-​dar tagħna. Kull darba, kienu jibbombardjawna bil-​mistoqsijiet.

Diversi drabi kienu jsejħuli biex nixhed f’isem ix-​Xhieda sħabi f’każi fil-​qorti. Għalkemm ma kellix ħafna edukazzjoni sekulari, Jehovah tani “għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jistaʼ jiqaflu jew imerih.” (Luqa 21:15) F’okkażjoni minnhom, l-​imħallef tant stagħġeb bix-​xiehda tiegħi li staqsieni x’edukazzjoni kont irċivejt. Dawk kollha li kienu fl-​awla tal-​qorti bdew jidħqu meta jien għedt li kont għamilt erbaʼ snin biss skola.

Hekk kif żdiedet il-​persekuzzjoni, in-​numru taʼ dawk li wieġbu għall-​messaġġ tas-​Saltna żdied ukoll. B’hekk, minn inqas minn 1,300 Xhud fil-​Portugall fl-​1962 żdiedu għal iktar minn 13,000 sa l-​1974! Sadanittant, f’Mejju taʼ l-​1967, ġejt mistieden biex naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa. F’dan ix-​xogħol jien żort xi kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah biex insaħħaħhom spiritwalment.

Ingawdi l-​Akbar Rikkezzi

F’Diċembru taʼ l-​1974, kelli l-​privileġġ li nkun involut fir-​reġistrazzjoni li llegalizzat ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Portugall. Is-​sena taʼ wara, jien u marti sirna membri tal-​familja taʼ Betel tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Estoril. Ġejt ukoll maħtur biex naqdi bħala membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa tal-​Portugall.

X’ferħ kien li nara x-​xogħol taʼ l-​ippridkar jikber fil-​Portugall u fit-​territorji li kienu taħt is-​superviżjoni tal-​fergħa tagħna! Dawn jinkludu l-​Angola, l-​Azores, Kap Verde, Madejra, u San Tomè u Prinċipe. Kemm kien kommoventi li matul is-​snin nara lil missjunarji mill-​Portugall jintbagħtu biex jaqdu f’dawn il-​pajjiżi, fejn intwera interess tremend fil-​messaġġ tas-​Saltna. Immaġina l-​ferħ tagħna issa li għandna iktar minn 88,000 proklamatur tas-​Saltna f’dawn il-​pajjiżi, inkluż iktar minn 47,000 fil-​Portugall! L-​attendenza għall-​Mafkar f’dawn il-​pajjiżi fl-​1998 qabżet il-​245,000, meta tqabbilha maʼ inqas minn 200 fl-​1954, meta sirt Xhud.

Jien u Edminia naqblu b’qalbna kollha mas-​salmista tal-​Bibbja li qal li “jum wieħed fit-​tempju tiegħek [taʼ Jehovah] aħjar minn elf jum f’post ieħor.” (Salm 84:11 [Salm 84:10, NW]) Meta mmur lura fil-​ħsieb lejn il-​bidu umli tiegħi u nqabblu mar-​rikkezzi spiritwali li ilni ngawdi minn dakinhar ’l hawn, jien inħossni bħall-​profeta Isaija: “Mulej, Alla tiegħi int; nfaħħrek u nsebbaħ lil ismek, għaliex għamilt ħwejjeġ taʼ l-​għaġeb . . . Għax inti kenn għall-​imsejken, kenn għall-​fqir.”—Isaija 25:1, 4.

[Nota taʼ taħt]

a  Ara l-​Awake! tat-​22 taʼ Mejju, 1964, paġni 8-16, u The Watchtower taʼ l-​1 t’Ottubru, 1966, paġni 581-92.

[Stampi f’paġna 24]

Fuq: Ħuna Almeida f’Lisbona waqt li kien qed ixandar l-​arranġament biex jintbagħtu delegati għall-​konvenzjoni taʼ New York fl-​1958

In-​nofs: Jikkonduċi replika taʼ laqgħa tal-​qaddejja fl-​Assemblea Internazzjonali “Paċi fl-​Art” f’Pariġi

Taħt: Karozzi tal-​linja mikrijin qed ilestu għal konvenzjoni distrettwali fi Franza

[Stampa f’paġna 25]

Jikkonduċi l-​qima taʼ kull fil-​għodu fil-​fergħa tal-​Portugall

[Stampa f’paġna 25]

Il-​fergħa tal-​Portugall, dedikata fl-​1988

[Stampa f’paġna 26]

It-​taħditiet taʼ ħuna Hugo Riemer inkuraġġewna meta ġie jżurna mill-​Betel taʼ Brooklyn

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ marti

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja