Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Fil-Brażil Qed “Jisimgħu” l-Messaġġ tas-Saltna
SABIEX l-aħbar tajba tas-Saltna tiġi mxandra fil-komunità taʼ Dawk Neqsin mis-Smigħ, ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Brażil laqgħu l-isfida li jitgħallmu l-Lingwa tas-Sinjali Brażiljana. L-isforzi tagħhom qed jipproduċu riżultati eċċellenti, bħalma juru l-esperjenzi li ġejjin.
Eva,a mara truxa minn São Paulo, bdiet titgħallem il-lingwa tas-sinjali wara li hi u t-tlett itfal tagħha marru joqogħdu maʼ raġel trux. Ġo ċentru tal-ħwienet, Eva u l-għarus tagħha ltaqgħu maʼ grupp taʼ Xhieda taʼ Jehovah neqsin mis-smigħ u ġew mistidnin biex jattendu laqgħa fis-Sala tas-Saltna. Huma aċċettaw għax ħasbu li se tkun xi okkażjoni soċjali.
Minħabba li ma tantx kienet taf il-lingwa tas-sinjali sew, Eva fehmet ftit biss minn dak li ntqal fil-laqgħa. Wara, xi aħwa stidnuha biex tmur id-dar tagħhom biex tiekol xi ħaġa magħhom. Billi użaw l-istampi fil-browxer Gawdi l-Ħajja fuq l-Art Għal Dejjem!, huma spjegawlha l-wegħda t’Alla għal ġenna fil-futur hawn fuq l-art. Eva ħadet pjaċir b’dak li tgħallmet u bdiet tattendi l-laqgħat regolarment.
Ftit wara dan, Eva telqet lill-għarus tagħha ħalli b’hekk tgħix skond il-livelli tal-Bibbja. Minkejja oppożizzjoni ħarxa minn tal-familja tagħha, hi kompliet tagħmel progress spiritwali u tgħammdet fl-1995. Sitt xhur wara, Eva saret pijuniera, jew proklamatriċi tas-Saltna full-time. Minn dak iż-żmien ’l hawn għenet erbaʼ persuni neqsin mis-smigħ sakemm waslu għad-dedikazzjoni u l-magħmudija.
Carlos twieled trux. Sa minn tfulitu involva ruħu fid-drogi, l-immoralità, u s-serq. Peress li kien mhedded minn membri taʼ klikka taʼ kontrih, hu ħarab lejn São Paulo fejn qagħad maʼ João għal xi żmien. João, bħal Carlos, kien trux u kien jgħix ħajja mħarbta.
Xi snin wara, Carlos ħa għarfien dwar il-messaġġ tas-Saltna u dan qanqlu biex jirranġa ħajtu u jillegalizza ż-żwieġ tiegħu. Wara li laħaq il-ħtiġijiet skritturali, Carlos tgħammed b’simbolu tad-dedikazzjoni tiegħu lil Jehovah. Sadanittant, mingħajr ma Carlos kien jaf, João wkoll sar jaf bl-aħbar tajba tas-Saltna, u hu wkoll għamel bidliet kbar f’ħajtu. Meta tgħallem li Jehovah ma jaċċettax l-użu tax-xbihat, João rema l-kollezzjoni taʼ “qaddisin” li kellu. Wara li ħalla warajh l-istil taʼ ħajja li kellu, João tgħammed ukoll.
Kemm ferħu Carlos u João meta ltaqgħu ġo Sala tas-Saltna u raw il-bidliet taʼ xulxin! It-tnejn li huma issa saru kapijiet responsabbli tal-familja u jaqdu bħala proklamaturi żelużi tas-Saltna.
Fil-Brażil, bħalissa hemm 30 kongregazzjoni u 154 grupp bil-lingwa tas-sinjali, b’iktar minn 2,500 pubblikatur, li madwar 1,500 minnhom huma neqsin mis-smigħ. Fil-Konvenzjonijiet Distrettwali “Għalliema tal-Kelma t’Alla” li nżammu fil-Brażil matul is-sena 2001 għal dawk neqsin mis-smigħ attendew iktar minn 3,000 ruħ u tgħammdu 36 ruħ. Bil-barka taʼ Jehovah, nittamaw li ħafna iktar neqsin mis-smigħ jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna.
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.