X’Hemm wara l-Misteru tal-Ħajja?
IL-MOLEKULA tad-DNA tagħmel affarijiet taʼ l-għaġeb. Id-DNA jwettaq iż-żewġ irwoli li ċ-ċelluli tiegħek għandhom bżonn mill-materjal ġenetiku. L-ewwel, id-DNA jiġi duplikat b’mod eżatt sabiex l-informazzjoni tkun tistaʼ tiġi mgħoddija minn ċellula għall-oħra. It-tieni, is-sekwenza tad-DNA tgħid liċ-ċellula liema proteini għandha tipproduċi, u b’hekk tiddetermina x’se ssir iċ-ċellula u liema xogħol se tagħmel. Madankollu, id-DNA ma jagħmilx dawn il-proċessi waħdu. Hemm ħafna proteini speċjalizzati involuti.
Id-DNA waħdu ma jistax joħloq il-ħajja. Fih l-istruzzjonijiet kollha meħtieġa biex jintgħamlu l-proteini kollha li għandha bżonn ċellula ħajja, u dawn jinkludu l-istess proteini li jagħmlu kopja tad-DNA għall-ġenerazzjoni li jmiss taʼ ċelluli, u dawk li jgħinu d-DNA biex jagħmel proteini ġodda. Xorta waħda, l-ammont inkredibbli taʼ informazzjoni maħżuna fil-ġeni tad-DNA ma jiswa għal xejn jekk ma jkunx hemm l-RNA u l-proteini speċjalizzati, inkluż ir-ribosomi, li huma meħtieġa biex “jaqraw” u jużaw din l-informazzjoni.
Lanqas m’hu possibbli għall-proteini waħedhom biex jipproduċu l-ħajja. Proteina iżolata ma tistax tiġġenera l-ġene li għandu l-kodiċi biex jintgħamlu iktar minn dan l-istess tip taʼ proteina.
Għalhekk, x’wera l-fatt li ġie solvut il-misteru tal-ħajja? Il-ġenetika moderna u l-bijoloġija molekulari pprovdew biżżejjed evidenza dwar kemm id-DNA, l-RNA, u l-proteini jiddependu minn xulxin u kemm ir-relazzjoni taʼ bejniethom hija komplikata ferm. Dawn is-sejbiet jimplikaw li l-ħajja tiddependi fuq li dawn l-elementi kollha jkunu preżenti fl-istess ħin. B’hekk, ma jistaʼ jkun qatt li l-ħajja bdiet spontanjament b’kumbinazzjoni.
L-unika spjegazzjoni raġunevoli hi li Ħallieq supremament intelliġenti vvinta kodiċi taʼ istruzzjonijiet fid-DNA u fl-istess ħin għamel il-proteini fformati għalkollox. Il-mod kif dawn jirreaġixxu għal xulxin tant kien disinjat b’mod tajjeb li, ladarba kien inbeda, dan il-proċess kien se jassigura li l-proteini jkomplu jikkopjaw id-DNA biex jagħmlu iktar ġeni, waqt li proteini oħrajn jinterpretaw il-kodiċi tal-ġeni biex jipproduċu iktar proteini.
B’mod ċar, iċ-ċiklu meraviljuż tal-ħajja ngħata l-bidu tiegħu mid-Disinjatur il-Kbir, Alla Jehovah.
Magħmulin b’Mod taʼ l-Għaġeb
Għalkemm m’hijiex xi ktieb xjentifiku, il-Bibbja titfaʼ dawl fuq l-irwol li għandu l-Ħallieq, il-Wieħed li ddisinja l-kodiċi tal-ħajja. Xi tlett elef sena ilu, is-Sultan David taʼ Iżrael, li ma kien jaf xejn dwar l-avvanzi tal-lum fir-riċerka ġenetika, qal b’lingwa poetika lill-Ħallieq tiegħu: “Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi, u f’ġuf ommi inti nsiġtni. Nroddlok ħajr [“għal dawn il-misteri kollha,” Jerusalem Bible], għax b’mod taʼ l-għaġeb għamiltni: taʼ l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. U ’l ruħi inti tafha tajjeb. Ma kienx moħbi għadmi minnek, meta kont qiegħed insir fis-satra u nintiseġ fil-qigħan taʼ l-art.”—Salm 139:13-15.
Għalhekk, erġaʼ ħares ħarsa sewwa lejn ix-xbieha tiegħek fil-mera. Innota l-kulur t’għajnejk, it-tip taʼ xagħar li għandek, il-lewn tal-karnaġġjon tiegħek, u l-forma bażika taʼ ġismek. Aħseb dwar kif dawn il-karatteristiċi writthom mill-ġenerazzjonijiet tal-passat u kif dawn jiġu trasferiti lin-nisel tiegħek. Issa, oqgħod aħseb ftit dwar dak il-Wieħed li bena dan il-mekkaniżmu meraviljuż. Għandu mnejn tiġi mqanqal biex tirrepeti l-kliem miktub mill-appostlu Ġwanni: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-rieda tiegħek.”—Apokalissi 4:11.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 10]
Kumbinazzjoni?
Skoperti reċenti minn żewġ xjenzati Britanniċi jikkonfermaw li l-kodiċi ġenetika m’hijiex sempliċement il-prodott taʼ kumbinazzjoni li ġrat bl-addoċċ. “L-analisi tagħhom uriet li [l-kodiċi ġenetika] hija fost l-aħjar minn iktar minn triljun kodiċi possibbli,” tosserva r-rivista New Scientist. Minn xi 1020 (1 segwit minn 20 żero) kodiċi ġenetika li huma possibbli, waħda biss intgħażlet kmieni fl-istorja tal-ħajja. Għala din il-waħda speċifika? Għaliex din timminimizza l-iżbalji li jkunu saru waqt il-proċess biex jintgħamlu l-proteini jew żbalji kaġunati minn mutazzjonijiet ġenetiċi. Fi kliem ieħor, din il-kodiċi speċifika tiggarantixxi li l-liġijiet taʼ l-eredità jiġu obduti strettament. Għalkemm xi wħud jattribwixxu l-għażla taʼ din il-kodiċi ġenetika lil “pressjonijiet selettivi qawwijin,” iż-żewġ riċerkaturi kkonkludew li “huwa estremament improbabbli li kodiċi effiċjenti bħal din tfaċċat b’kumbinazzjoni.”