Nittawlu Iktar fil-Fond minn ġol-Mikroskopju
IĊ-ĊELLULA ġiet imsejħa l-istruttura fundamentali tal-ħajja. Tabilħaqq, l-affarijiet ħajjin—inkluż il-pjanti, l-insetti, l-annimali, u l-bnedmin—huma magħmulin miċ-ċelluli. Matul is-snin, ix-xjenzati ttawlu iktar fil-fond lejn il-ħidma li sseħħ ġewwa ċ-ċellula u kixfu ħafna mis-sigrieti tal-bijoloġija molekulari u l-ġenetika. Ejja nagħtu ħarsa iktar mill-qrib lejn iċ-ċelluli u nikkunsidraw dak li skopriet ix-xjenza dwar dawn l-istrutturi mikroskopiċi tal-ħajja li huma tant affaxxinanti.
Daqqa t’Għajn lejn id-Dinja Mikroskopika
Iċ-ċelluli m’humiex kollha taʼ l-istess forma. Ftit minnhom għandhom forma tawwalija; oħrajn qishom kaxxa. Hemm ċelluli tondi, ċelluli li għandhom forma taʼ bajda, u xi wħud li donnhom bla forma. Nieħdu l-amiba, organiżmu li hu magħmul minn ċellula waħda u li m’għandu ebda forma partikulari. Minflok, il-forma tiegħu tinbidel hu u jiċċaqlaq. Taʼ interess, ħafna drabi l-forma taċ-ċellula tagħti ħjiel dwar ix-xogħol li din tagħmel. Per eżempju, xi ċelluli muskolari huma tawwalin u rqaq u jinġibdu meta jwettqu xogħolhom. Iċ-ċelluli tan-nervituri—li jibagħtu l-messaġġi mal-ġisem kollu—għandhom friegħi twal.
Iċ-ċelluli jvarjaw ukoll f’dak li hu daqs. Madankollu, ħafna huma żgħar wisq biex tarahom mingħajr l-għajnuna taʼ lenti apposta. Biex tieħu idea taʼ kemm hi kbira ċellula taʼ daqs medju, ħares lejn it-tikka fit-tarf taʼ din is-sentenza. Ġo dik it-tikka ċkejkna jistgħu joqogħdu madwar 500 ċellula taʼ daqs medju! Jekk taħseb li din hija ċkejkna wisq, ftakar li xi ċelluli tal-batterji huma xi 50 darba iżgħar! U xi ngħidu għall-akbar ċellula li teżisti? Din hija l-isfar tal-bajda tan-nagħma—“ġgant” b’ċellula waħda, ftit akbar minn ballun tat-tennis!
Ladarba l-biċċa l-kbira taċ-ċelluli ma nistgħux narawhom mingħajr ma nużaw lenti apposta, ix-xjenzati jużaw xi strumenti, bħall-mikroskopju, biex jistudjawhom.a Xorta waħda, xi dettalji komplikati taċ-ċellula ma jkunux jistgħu jarawhom sew. Aħseb ftit: Mikroskopju taʼ l-elettroni jistaʼ jkabbar iċ-ċellula sa 200,000 darba—jekk tkabbar nemla għal daqstant drabi tkun tidher kbira iktar minn tliet kwarti taʼ kilometru. Madankollu, saħansitra jekk tkabbarha daqshekk, xi dettalji taċ-ċellula xorta ma tarahomx!
Permezz t’hekk ix-xjenzati sabu li l-komplessità taċ-ċellula ġġiblek għajnejk wara widnejk. Fil-ktieb tiegħu The Fifth Miracle, Paul Davies, xjenzat li jispeċjalizza fil-fiżika, jistqarr: “Kull ċellula hija ppakkjata bi strutturi ċkejknin li donnhom magħmulin skond l-istruzzjonijiet taʼ xi manwal taʼ l-inġinerija. Ġo fiha ssib minn kollox—pinzetti, imqassijiet, pompi, muturi, lievi, valvijiet, kanen, katini u saħansitra vetturi, ilkoll taʼ daqs ċkejken ferm. Imma, m’għandniex xi ngħidu, iċ-ċellula hija ferm iżjed minn xi kaxxa taʼ l-għodda. Id-diversi komponenti tagħha jaqblu u jingħaqdu flimkien biex jifformaw xi ħaġa kompleta li taħdem tajjeb, bħal xi linja elaborata taʼ produzzjoni ġewwa fabbrika.”
Id-DNA—Il-Molekula taʼ l-Eredità
Il-bnedmin, kif ukoll dawk il-pjanti u l-annimali li huma magħmulin minn ħafna ċelluli, jibdew bħala ċellula waħda. Wara li din iċ-ċellula tilħaq ċertu daqs, din tinqasam u tifforma żewġ ċelluli. Imbagħad dawn iż-żewġ ċelluli jinqasmu u jifformaw erbaʼ ċelluli. Hekk kif iċ-ċelluli jkomplu jinqasmu, dawn jispeċjalizzaw—jiġifieri jinbidlu biex jagħmlu xogħol partikulari u jsiru ċelluli muskolari, ċelluli tan-nervituri, ċelluli tal-ġilda, u nibqgħu sejrin. Hekk kif il-proċess ikompli, ħafna miċ-ċelluli jingħaqdu flimkien fi gruppi biex jifformaw it-tessuti. Per eżempju, iċ-ċelluli muskolari jingħaqdu flimkien u jifformaw it-tessuti muskolari. Tipi differenti taʼ tessuti jifformaw l-organi, bħalma huma l-qalb, il-pulmuni, u l-għajnejn.
Taħt il-qoxra rqiqa taʼ kull ċellula hemm fluwidu qisu jelly msejjaħ ċitoplażma. Iktar ’il ġewwa minn dan hemm in-nukleu, li huwa separat miċ-ċitoplażma permezz taʼ rita rqiqa. In-nukleu ġie msejjaħ iċ-ċentru tal-kontroll taċ-ċellula għaliex dan jidderieġi tistaʼ tgħid l-attivitajiet kollha taċ-ċellula. Ġewwa n-nukleu hemm il-programm ġenetiku taċ-ċellula, miktub bid-deoxyribonucleic acid—fil-qasir, id-DNA.
Il-molekuli tad-DNA jinsabu mkebbin ċrieki ċrieki marsusin ħafna ġewwa l-kromosomi taċ-ċellula. Il-ġeni tiegħek, li huma sezzjonijiet mill-molekuli tad-DNA, iġorru l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tagħmlek dak li int. “Il-programm ġenetiku li hemm fid-DNA jagħmel lil kull ħaġa ħajja differenti mill-affarijiet ħajjin l-oħrajn kollha,” tispjega The World Book Encyclopedia. “Dan il-programm jagħmel lil kelb differenti minn ħuta, lil żebra differenti minn warda, u lil siġra taż-żafżafa differenti minn żunżan. Jagħmel lilek differenti minn kull persuna oħra fid-dinja.”
L-ammont taʼ informazzjoni li hemm fid-DNA taʼ ċellula waħda biss milli għandek huwa xi ħaġa li tbellhek. Dan jistaʼ jokkupa madwar miljun paġna daqs din! Ladarba huwa permezz tad-DNA li tiġi mgħoddija l-informazzjoni ereditarja minn ġenerazzjoni taʼ ċelluli għal taʼ warajha, dan ġie msejjaħ il-pjan ewlieni taʼ kull forma taʼ ħajja. Imma d-DNA kif ikun meta tarah?
Id-DNA huwa magħmul minn żewġ strixxi donnhom żigarelli mdawrin maʼ xulxin u jieħu l-forma taʼ garigor, jew taʼ sellum mibrum li għandu l-iskaluni. Iż-żewġ strixxi huma mqabbdin maʼ xulxin permezz taʼ erbaʼ sustanzi komposti li jingħaqdu flimkien u li huma msejħin bażijiet. Kull bażi taʼ strixxa waħda hija msieħba maʼ bażi mill-istrixxa l-oħra. Dawn il-pari taʼ bażijiet jifformaw l-iskaluni tas-sellum mibrum tad-DNA. L-informazzjoni ġenetika li dan iġorr hija determinata mill-ordni eżatta tal-bażijiet fil-molekula tad-DNA. Fi kliem sempliċi, din is-sekwenza tiddetermina tistaʼ tgħid kollox dwarek, mill-kulur taʼ xagħrek sal-forma taʼ mnieħrek.
Id-DNA, l-RNA, u l-Proteini
Il-proteini huma l-iktar makromolekuli abbundanti li hemm fiċ-ċelluli. Ġie kalkulat li dawn jammontaw għal iktar minn nofs il-piż tas-sustanza solida tal-biċċa l-kbira mill-organiżmi! Il-proteini huma magħmulin minn komponenti iżgħar imsejħin amino acids. Ftit minn dawn jagħmilhom ġismek stess; oħrajn trid iġġibhom mill-ikel li tiekol.
Il-proteini għandhom ħafna funzjonijiet. Per eżempju, hemm l-emoglobina, proteina li ssibha fiċ-ċelluli ħomor tad-demm, li jġorru l-ossiġnu mal-ġisem kollu. Imbagħad hemm l-antibodies, li jgħinu lil ġismek biex jiġġieled kontra l-mard. Proteini oħrajn, bħall-insulina, jgħinuk timmetabolizza l-ikel kif ukoll jirregolaw diversi funzjonijiet oħrajn taċ-ċelluli. B’kollox, għandu mnejn hemm eluf taʼ tipi differenti taʼ proteini f’ġismek. Ġo ċellula waħda biss jistaʼ jkun hemm bil-mijiet!
Kull proteina għandha funzjoni speċifika li hija determinata mill-ġene tad-DNA tagħha. Imma l-informazzjoni ġenetika fil-ġene tad-DNA kif tiġi interpretata sabiex tkun tistaʼ tiġi magħmula proteina partikulari? Kif inhu muri fl-istampa “Kif Jintgħamlu l-Proteini,” l-informazzjoni ġenetika maħżuna fid-DNA l-ewwel trid tiġi trasferita min-nukleu taċ-ċellula għal ġoċ-ċitoplażma, fejn hemm ir-ribosomi, jew fabbriki li jipproduċu l-proteini. Dan it-trasferiment isir permezz taʼ medjatur imsejjaħ ribonucleic acid (RNA). Ir-ribosomi fiċ-ċitoplażma “jaqraw” l-istruzzjonijiet taʼ l-RNA u jiġbru flimkien is-sekwenza t-tajba t’amino acids biex jifformaw proteina partikulari. B’hekk, id-DNA, l-RNA, u l-formazzjoni tal-proteini kollha jiddependu minn xulxin.
Kif Kien il-Bidu?
L-istudju tal-ġenetika u l-bijoloġija molekulari affaxxina lix-xjenzati għal għexur taʼ snin. Paul Davies, xjenzat li jispeċjalizza fil-fiżika, huwa xettiku rigward jekk hemmx Ħallieq wara dan kollu. Xorta waħda, hu jammetti: “Kull molekula għandha funzjoni speċifikata u rwol disinjat fl-iskema ġenerali sabiex ġewwa ċ-ċellula jkunu jistgħu jiġu manifatturati l-oġġetti t-tajbin. Isir ħafna ġiri minn naħa għall-oħra. Il-molekuli jridu jivvjaġġaw minn tarf sa tarf taʼ l-istess ċellula biex jiltaqgħu m’oħrajn fil-post it-tajjeb u fil-ħin it-tajjeb sabiex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom sew. Dan kollu jiġri mingħajr ma xi mgħallem jgħid lill-molekuli x’għandhom jagħmlu u jidderiġihom fil-post xieraq tagħhom. Ebda supervisor ma joqgħod għassa għal dak li jagħmlu. Il-molekuli sempliċement jagħmlu dak li suppost jagħmlu: jiġru bl-amment ’l hawn u ’l hemm, jaħbtu maʼ xulxin, jerġgħu lura, u jingħaqdu flimkien. . . . B’xi mod, kollettivament, dawn l-atomi bla ħsieb taʼ xejn jiltaqgħu u jingħaqdu, u jiżfnu ż-żifna tal-ħajja bi preċiżjoni eċċellenti.”
Bir-raġun, ħafna li studjaw il-ħidmiet li jkunu għaddejjin ġewwa ċ-ċellula kkonkludew li bilfors irid ikun hemm forza intelliġenti li ħolqot dan kollu. Ejja nikkunsidraw għala.
[Nota taʼ taħt]
a Biex jistudjaw il-kontenut kimiku u l-karatteristiċi taċ-ċelluli, ix-xjenzati jużaw ukoll iċ-ċentrifuga, strument li jissepara l-komponenti taċ-ċelluli.
[Kaxxa/Dijagramma f’paġna 5]
Ħarsa Ġewwa ċ-Ċellula
Ġewwa kull ċellula hemm nukleu—iċ-ċentru minfejn jinħarġu l-ordnijiet kollha. Fin-nukleu hemm il-kromosomi, li jikkonsistu f’molekuli tad-DNA li huma mkebbin ċrieki ċrieki marsusin ħafna, kif ukoll proteini. Il-ġeni tagħna qegħdin f’dawn il-molekuli tad-DNA. Ir-ribosomi, il-fabbriki li jipproduċu l-proteini, qegħdin fiċ-ċitoplażma taċ-ċellula, li qegħda barra n-nukleu.
[Dijagramma ]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Ribosomi
Ċitoplażma
Ċellula
Nukleu
Kromosomi
Id-DNA— is-sellum tal-ħajja
[Dijagramma f’paġna 7]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Kif id-DNA Jirreplika
Sabiex l-istampa tkun iktar faċli biex tifhimha, is-sellum mibrum tad-DNA ġie ċċattjat
mid-DNA li hu magħmul minn żewġ strixxi
1 Qabel ma ċ-ċelluli jinqasmu biex jipproduċu l-ġenerazzjoni li jmiss taʼ ċelluli, iridu jirreplikaw id-DNA (jagħmlu kopja tiegħu). L-ewwel, il-proteini jgħinu biex jinqasmu sezzjonijiet Proteina
2 Imbagħad, bażijiet liberi (disponibbli) fiċ-ċellula, li jimxu maʼ regoli stretti dwar kif il-bażijiet jingħaqdu tnejn tnejn, jingħaqdu mal-bażijiet li jaqblu magħhom fuq iż-żewġ strixxi oriġinali
Bażijiet liberi
3 Finalment, jintgħamlu żewġ kodiċijiet duplikati. Għalhekk, meta ċ-ċellula tinqasam, kull ċellula ġdida jkollha kodiċi tad-DNA identika
Proteina
Proteina
Ir-regola taʼ kif jingħaqdu tnejn tnejn il-bażijiet tad-DNA:
A dejjem maʼ T
A T Thymine
T A Adenine
C dejjem maʼ G
C G Guanine
G C Cytosine
[Dijagramma f’paġna 8, 9]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Kif Jintgħamlu l-Proteini
Sabiex l-istampa tkun iktar sempliċi, il-proteina hawnhekk għamilnieha tidher li hi magħmula minn 10 amino acids. Il-biċċa l-kbira tal-proteini għandhom iktar minn 100
1 Proteina speċjali taqsam sezzjoni mill-istrixxi tad-DNA
Proteina
2 Bażijiet liberi taʼ l-RNA jingħaqdu mal-bażijiet tad-DNA li issa huma esposti fuq strixxa waħda biss, u b’hekk jifformaw strixxa taʼ RNA messaġġier
Bażijiet liberi taʼ l-RNA
3 L-RNA messaġġier li għadu kif inħoloq jinqataʼ kompletament u jersaq lejn ir-ribosomi
4 L-RNA li jintuża fit-trasferiment jiġbor amino acid u jġibu ħdejn ir-ribosoma
L-RNA li jintuża fit-trasferiment
Ribosoma
5 Hekk kif ir-ribosoma tersaq lejn l-RNA messaġġier, tingħaqad katina t’amino acids
Amino acids
6 Hekk kif tkun qed tiġi fformata, il-katina taʼ proteini tibda tintewa sakemm tieħu l-forma li hemm bżonn biex tiffunzjona sewwa. Imbagħad il-katina tinqataʼ minn mar-ribosoma
L-RNA li jintuża fit-trasferiment għandu żewġt itruf importanti:
Wieħed jagħraf il-kodiċi taʼ l-RNA messaġġier
L-ieħor iġorr l-amino acid it-tajjeb
L-RNA li jintuża fit-trasferiment
Il-bażijiet taʼ l-RNA jużaw l-U minflok it-T, u għalhekk l-U tingħaqad maʼ l-A
A U Uracil
U A Adenine