Il-Ħarsa tal-Bibbja
“Sport Estrem”—Għandek Tieħu r-Riskju?
ILLUM IL-ĠURNATA IKTAR U IKTAR NIES M’GĦADHOMX SEMPLIĊEMENT SPETTATURI IMMA QEGĦDIN JIPPARTEĊIPAW HUMA STESS FI SPORT BIL-PARAXUT, JINŻLU MAL-MUNTANJI BIL-ĦBULA, IMORRU BIL-KENURI FIL-KASKATI U JGĦODDSU MAL-KLIEB IL-BAĦAR.—IL-GAZZETTA WILLOW GLEN RESIDENT.
DAN il-kumment jiddeskrivi tendenza li qegħda tikber fl-isport. In-nies saru jħobbu r-riskju u dan nistgħu narawh miż-żjieda fil-popolarità taʼ ċertu sport estrem. Dan l-isport jinkludi attivitajiet bħal li jaqbżu minn ajruplan imma ma jiftħux il-paraxut mill-ewwel, jixxabbtu mal-muntanji bis-silġ, jittajru mill-għoli billi jużaw tip taʼ ‘tajra’ kbira ħafna, u jaqbżu minn bini u strutturi għoljin permezz taʼ paraxut.a Jintuża wkoll apparat bħal snowboards (tip taʼ skateboard għal fuq is-silġ), skateboards normali, skejz b’ringiela waħda taʼ roti, u mountain bikes. L-isportivi dawn jużawhom biex jaraw sa fejn kapaċi jaslu u min għandu l-ħila jaqbeż l-iktar fit-tul jew imur fl-iktar muntanji weqfin u rdumijiet għoljin. Kif tgħid ir-rivista Time, din iż-żjieda fil-popolarità taʼ l-“isport estrem,” jiġifieri sport fejn il-parteċipanti jieħdu riskji persunali kbar, juri kemm hawn miljuni taʼ nies li huma ħerqanin li jieħdu sehem fi sport li jwassalhom sa xifer il-mewt. B’hekk, kemm dilettanti u kemm atleti professjonali jlaqqgħu flimkien il-periklu, il-ħila u l-biżaʼ biex iħossuhom li qed imorru lil hinn mil-limiti persunali tagħhom.
Madankollu, dawn in-nies li qed juru iktar interess f’dan l-isport ikollhom iħallsu bl-ikrah għalih. Ħafna u ħafna iktar nies qed iweġġgħu huma u jipparteċipaw b’mod estrem fi sport li normalment ikun bla periklu. Matul l-1997 fl-Istati Uniti, fl-isptarijiet iddaħħlu ħafna iktar nies fl-emerġenza minħabba inċidenti waqt sport estrem. Kien hemm żjieda taʼ 33 fil-mija fl-inċidenti b’nies li jużaw l-iskateboard, żjieda taʼ 31 fil-mija fl-inċidenti b’nies li jużaw l-isnowboard, u żjieda t’20 fil-mija fl-inċidenti b’nies li jitilgħu l-muntanji. Fil-każ taʼ sport ieħor, ir-riżultati jkunu saħansitra iktar drammatiċi, bħalma turi ż-żjieda fl-imwiet konnessi maʼ sport estrem. Min hu favur dan l-isport jaf x’periklu fih. Waħda mara li tieħu sehem fl-iskijing estrem tgħid: “F’moħħi dejjem ikolli l-ħsieb tal-mewt.” Wieħed professjonist li juża l-isnowboard jiġbor kollox fi ftit kliem billi jgħid li jekk “ma tweġġax, mela m’intix qed tipprova iebes biżżejjed.”
Meta nqisu dawn il-fatti, Kristjan kif għandu jħares lejn il-parteċipazzjoni f’attivitajiet bħal dawn? Il-Bibbja kif tistaʼ tgħinna biex niddeċiedu jekk għandniex nieħdu sehem fi sport estrem jew le? Biex insiru nafu t-tweġibiet, nagħmlu tajjeb jekk nikkunsidraw kif iħossu Alla dwar il-qdusija tal-ħajja.
Il-Ħarsa t’Alla dwar il-Ħajja
Il-Bibbja tgħidilna li Jehovah hu “l-għajn tal-ħajja.” (Salm 36:10 [36:9, NW]) Minbarra li ħalaqna, hu ħa ħsieb ukoll li jagħtina dak li għandna bżonn biex il-ħajja ngawduha. (Salm 139:14; Atti 14:16, 17; 17:24-28) Għalhekk, huwa raġunevoli li nikkonkludu li hu jistenna minna li nieħdu ħsieb dak li tana b’qalb tant tajba. Din il-ħaġa nistgħu napprezzawha iktar meta naraw il-liġijiet u l-prinċipji li ngħataw lill-ġens taʼ Iżrael.
Il-Liġi Mosajka kienet titlob li dak li jkun jieħu ċerti passi biex jipproteġi l-ħajja t’oħrajn. Jekk dan ma kienx isir u xi ħadd kien jitlef ħajtu, il-wieħed li setaʼ evita li ssir it-traġedja kien jitqies ħati tad-demm. Per eżempju, sid taʼ dar kien ordnat jibni ċint jew poġġaman bħala lqugħ madwar il-bejt tad-dar ġdida tiegħu. Jekk ma kienx jagħmel hekk, u xi ħadd kien jaqaʼ minn fuq il-bejt u jmut, il-ħtija tad-demm kienet taqaʼ fuq dik id-dar. (Dewteronomju 22:8) Jekk xi gendus kien ħabta u sabta jagħmel għal xi ħadd u joqtlu, sid il-gendus ma kienx jinżamm responsabbli. Mill-banda l-oħra, il-każ kien differenti jekk il-gendus kien ikun magħruf bħala annimal perikoluż, u s-sid ma kien jagħmel xejn biex jaqflu sew minkejja li kien ġie mwissi. Fil-fatt, jekk imbagħad il-gendus kien jagħmel għal xi ħadd, is-sid kien jitqies ħati tad-demm u setaʼ jingħata l-mewt. (Eżodu 21:28, 29) Peress li l-ħajja hija prezzjuża għal Jehovah, il-Liġi tiegħu rriflettiet stima għolja lejn iż-żamma u l-protezzjoni tal-ħajja.
Il-qaddejja leali t’Alla kienu jafu li dawn il-prinċipji kienu japplikaw ukoll fejn jidħlu riskji persunali. F’rakkont Bibliku minnhom, David wera x-xewqa li jixrob ‘mill-ilma tal-bir li hemm f’Betlehem.’ F’dak iż-żmien Betlehem kienet taħt il-Filistin. Malli semgħu x-xewqa taʼ David, kien hemm tlieta mis-suldati tiegħu li raw kif għamlu u daħlu fil-kamp tal-Filistin, tellgħu l-ilma mill-bir taʼ Betlehem, u marru lura bih għand David. Kif irreaġixxa David? Hu ma riedx jixrob minn dak l-ilma imma, minflok, ferrgħu maʼ l-art. Hu qal: “Iħarisni Alla tiegħi milli nagħmel dan: li nixrob jien id-demm taʼ dawn in-nies li marru jtarrfu ħajjithom. Għax tassew b’sogru taʼ ħajjithom ġibuh!” (1 Kronaki 11:17-19) David lanqas biss kien jgħaddilu minn moħħu li jissogra l-ħajja taʼ xi ħadd biex jissodisfa lilu nnifsu.
Ġesù rreaġixxa bl-istess mod meta ġie ttantat mix-Xitan, x’aktarx permezz taʼ viżjoni. Ix-Xitan ittantah biex jaqbeż mill-quċċata tat-tempju ħalli jara jekk jiġux jilqgħuh l-anġli biex jipproteġuh. Ġesù wieġbu: “Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek.” (Mattew 4:5-7) Iva, kemm David u kemm Ġesù għarfu li kien ħażin f’għajnejn Alla li jidħlu f’riskji bla bżonn, riskji li setgħu jpoġġu l-ħajja fil-periklu.
B’dawn l-eżempji f’moħħna, għandna mnejn nistaqsu, ‘Kif taqbad taqtaʼ linja rigward liema sport huwa estrem jew perikoluż? Peress li anki ċertu sport li normalment m’huwiex perikoluż fih innifsu jistaʼ jsir estrem, kif nistgħu niddeterminaw x’inhu l-limitu safejn għandna naslu?’
Taʼ Min Jiħodhom ir-Riskji li Fih?
Jekk naqbdu kwalunkwe attività li qed naħsbuha jekk niħdux sehem fiha jew le, u nifluha bis-sinċerità kollha, inkunu nistgħu naslu għal tweġiba. Per eżempju, nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘X’inhi r-rata taʼ l-inċidenti f’dan l-isport? Għandi t-taħriġ u l-apparat taʼ protezzjoni meħtieġa biex ma nkorrix? X’inhuma l-konsegwenzi jekk naqaʼ jew nikkalkula ħażin, jew jekk l-apparat taʼ protezzjoni ma jaħdimlix? Se jkunu żgħar l-inċidenti li jistgħu jinqalgħu, jew hemm iċ-ċans taʼ ġrieħi gravi jew mewt?’
Jekk individwu jieħu riskji bla bżonn biex iqattaʼ siegħa gost, dan jistaʼ jeffettwalu r-relazzjoni prezzjuża li suppost ikollu Kristjan veru maʼ Jehovah. Jistaʼ wkoll ma jikkwalifikax għal privileġġi speċjali ġewwa l-kongregazzjoni. (1 Timotju 3:2, 8-10; 4:12; Titu 2:6-8) Huwa ċar mela li anki waqt li jkunu jieħdu sehem f’attivitajiet taʼ rikreazzjoni, il-Kristjani jagħmlu tajjeb jekk jikkunsidraw x’inhi l-ħarsa tal-Ħallieq dwar il-qdusija tal-ħajja.
[Nota taʼ taħt]
a Dan l-isport li jaqbżu b’paraxut minn oġġetti fissi bħal bini, pontijiet u rdumijiet tant huwa meqjus sport perikoluż li fl-Istati Uniti ġie projbit min-National Park Service.