Min Qed Jitkellem?
IS-SIPARJU jinfetaħ u jidher l-artist flimkien mal-pupu tiegħu. It-tnejn li huma jibdew jiċċajtaw flimkien, u l-pupu donnu jidher taʼ veru, bħallikieku għandu leħen u karattru għalih persunali. M’għandniex xi ngħidu, il-“leħen” tal-pupu qed jagħmlu l-artist, jew ventrilokwist, u dan joqgħod dejjem attent li ma jċaqlaqx xofftejh x’ħin jitkellem.
Tixtieq issir taf iktar dwar din l-arti mhux tas-soltu? Stenbaħ! intervista lil Nacho Estrada, ventrilokwist professjonist li ilu jaħdem hekk għal madwar 18-il sena.
Liema huma t-tipi differenti taʼ ventrilokwji?
Il-ventrilokwju mill-qrib, kif isejħulu, huwa meta l-leħen taʼ l-artist ikun jinstemaʼ li ġej minn xi mkien fil-qrib, bħal ngħidu aħna minn xi pupu li jkollu bil-qegħda f’ħoġru. Il-ventrilokwju mill-bogħod huwa meta l-leħen taʼ l-artist ikun jinstemaʼ li ġej mill-bogħod. Ventrilokwist jistaʼ wkoll imewwet leħnu biex ikun jinstemaʼ li donnu ġej minn xi mkien magħluq—forsi minn ġo xi kaxxa magħluqa. Xi ventrilokwisti jistgħu jimitaw il-ħsejjes, bħall-għajta taʼ xi annimal jew il-bikja taʼ tarbija. U waqt li jagħmlu dan, ma jċaqilqux xofftejhom.
Ventrilokwist tas-sengħa bilkemm ikun jintgħaraf minn leħen taʼ veru. Jintqal li darba kien hemm wieħed li għajjat għall-għajnuna b’leħen immewwet hekk kif kien għaddej karettun mgħobbi bit-tiben. In-nies fil-fatt waqqfu l-karettun, ħattew it-tiben, u ħasbu li kienu se jsibu xi msejken midfun taħtu! M’għandniex xi ngħidu, ma sabu lil ħadd.
Il-ventrilokwju kif żviluppa matul is-snin?
Huwa maħsub li snin twal ilu l-ventrilokwju kien jintuża biex iqarraq b’nies superstizzjużi u jġagħalhom jemmnu li qed jitkellmu mal-mejtin. Maż-żmien, sar magħruf li l-ventrilokwju ma kien xejn għajr abbiltà tal-bniedem. Wara dan, din l-arti sabet post rispettabbli fil-qasam tad-divertiment, u llum xi drabi saħansitra tintuża għal skopijiet edukattivi.
Matul is-sekli ntużaw diversi xeni u apparat sabiex jagħtu gost lin-nies u biex il-ventrilokwisti jkunu jistgħu juru l-abbiltà mhux tas-soltu tagħhom. Sas-seklu 20 saret xi ħaġa popolari li l-ventrilokwisti jitkellmu maʼ pupu taʼ l-injam.
X’ġagħlek tieħu interess fil-ventrilokwju?
Li laqatni kien kemm din l-arti setgħet tferraħ u ddaħħaq lin-nies. Meta kont daqsxejn taʼ tifel, kien hemm bejjiegħ lokali li qajjimli l-interess f’din l-arti billi spjegali li l-kelma “ventrilokwist” ġejja mill-kelmiet bil-Latin venter u loqui, li jfissru li “titkellem miż-żaqq.” Dan għaliex qabel kienu jaħsbu li l-ventrilokwist kien juża l-istonku tiegħu b’xi mod stramb biex jitkellem hekk. Imbagħad hu kien urieni xi ftit mill-affarijiet bażiċi.
L-għada pprovajthom l-iskola. Billi wżajt il-metodu tal-leħen mill-bogħod, ġagħalt lil leħni jinstemaʼ bħallikieku kien ġej minn fuq il-mikrofonu taʼ l-iskola, u sejjaħt lili nnifsi ’l barra mill-klassi. Kien ħadem! Iktar tard tgħallimt iżjed dwar il-ventrilokwju permezz taʼ kors bl-ittri, u mbagħad bdejt naħdem bħala professjonist.
X’jinvolvi xogħlok bħala ventrilokwist?
Għalkemm xi drabi tajt wirjiet f’ikliet u f’konvenzjonijiet għall-ventrilokwisti u anki dhert xi drabi fuq it-televixin, il-biċċa l-kbira tal-ħin tiegħi nqattgħu ngħallem lit-tfal fl-assembleat taʼ l-iskola. L-umoriżmu jilgħab parti kbira fl-esibizzjoni. Per eżempju, matul programm dwar l-indafa persunali, jien niġbed l-attenzjoni taʼ Maclovio, il-pupu tiegħi taʼ l-injam, u ngħidlu li peress li ma jkunx ħasel snienu, stajt nara li kien kiel il-bajd dakinhar fil-għodu. Maclovio jwieġeb, “Għandek żball—dak kien il-bieraħ!”
Kif isir il-ventrilokwju?
Aħna nużaw pożizzjoni speċjali taʼ l-ilsien biex nipproduċu ħsejjes alternattivi għal ittri li normalment trid iċċaqlaq xofftejk biex tgħidhom, u nużaw il-metodu li nieħdu n-nifs mid-dijaframma biex nipproduċu impressjoni żbaljata li l-leħen ġej mill-bogħod.
Il-ventrilokwju jirnexxi għar-raġuni li ħafna nies ma darrewx lil widnejhom biex jagħrfu d-distanza tal-ħoss u minfejn ikun ġej. Dawn ikollhom jużaw għajnejhom. Biex nagħti eżempju: Malli tismaʼ sirena, widintek tgħidlek li qed toqrob karozza taʼ l-emerġenza u li din ġejja mill-bogħod. Imma kemm tinsab ’il bogħod il-karozza? Minn liema direzzjoni ġejja? Biex twieġeb dawn il-mistoqsijiet, int x’aktarx li jkollok tara fejn qiegħed id-dawl jixgħel tal-karozza.
Ventrilokwist jieħu vantaġġ minn dan billi jipproduċi ħoss bil-volum xieraq u jġiegħel lill-udjenza tħares lejn is-sors minfejn iridhom jaħsbu li ġej il-ħoss.
X’pariri tagħti lil persuna li hija interessata li titgħallem l-arti tal-ventrilokwju?
L-ewwel ħaġa, ara xi skop għandek, u kun lest li tevita kwalunkwe ħaġa li ma taqbilx maʼ dan l-iskop. Qed ngħid dan għax bħal ħafna forom oħra taʼ divertiment, il-ventrilokwju xi kultant jintuża għal skopijiet li ma jkunux nodfa. Ngħid għalija, il-ventrilokwju lili jogħġobni għax fih il-qawwa li jnissel imħabba u divertiment. Ix-xogħol tiegħi nillimitah għal kliem u ġrajjiet li jilħqu dan l-iskop.
Biex issir tajjeb fil-ventrilokwju teħtieġ tliet affarijiet—teknika, immaġinazzjoni, u prattika. It-teknika tistaʼ titgħallimha minn xi ktieb jew vidjo li jurik x’għandek tagħmel. Wara dan, uża l-immaġinazzjoni tiegħek biex tiżviluppa karattru reali għall-pupu jew pupazz li se tuża, u tgħallem kif se tagħmlu jidher jew tidher taʼ veru. Fl-aħħar, ipprattika. Il-livell tas-sengħa li tilħaq jiddependi minn kemm tipprattika.