“Il-bliet Li Qed Jisplodu”
“In-nies qed imorru minn post għall-ieħor iktar minn qatt qabel, u l-biċċa l-kbira taʼ dawk li jħallu darhom biex ifittxu ħajja aħjar jerħulha lejn il-bliet.”
HEKK qalet il-pubblikazzjoni Foreign Affairs fl-introduzzjoni t’artiklu intitolat “Il-Bliet li Qed Jisplodu fid-Dinja li Qed Tiżviluppa.” Skond dan l-artiklu, ħafna nies “tħajru mit-tlellix, jew ġew imġagħlin jitilqu mill-kampanja minħabba inkwiet politiku u ekonomiku, pressjonijiet fil-popolazzjoni, u kollass ekoloġiku.”
Eżattament kemm qed jikbru malajr il-bliet? Xi wħud jikkalkulaw li n-nies qed jerħulha għall-bliet bir-rata estrema taʼ iktar minn miljun ruħ fil-ġimgħa! F’pajjiżi li qed jiżviluppaw, iktar minn 200 belt issa għandhom popolazzjoni li taqbeż il-miljun ruħ. Xi 20 waħda laħqu l-għaxar miljun ruħ! U ma jidhirx li r-rata se tonqos. Per eżempju, ejja nieħdu l-belt taʼ Lagos, fin-Niġerja. Skond rapport mill-Worldwatch Institute, sa l-2015, f’Lagos jistaʼ jkun hemm 25 miljun abitant, u mit-tlettax-il post titlaʼ għat-tielet l-akbar belt fid-dinja.
Ħafna esperti jħossu li dan ma tantx jawgura affarijiet sbieħ għall-futur. Federico Mayor, l-ex direttur ġenerali taʼ l-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika, u Kulturali tal-Ġnus Magħquda, javża li sas-sena 2035, “tlett elef miljun ruħ iktar se jkunu qed jgħixu fil-[postijiet] urbani li jeżistu llum.” Biex inkunu nistgħu nifilħu għal din il-popolazzjoni tant kbira, “se jkollna nibnu elf belt bi tliet miljun abitant fl-erbgħin sena li ġejjin, ħamsa u għoxrin kull sena.”
L-esperti jgħidu wkoll li billi l-popolazzjonijiet fil-bliet qed jikbru b’rata tant mgħaġġla, il-bliet madwar id-dinja qed jiġu effettwati bl-ikrah. U dan jinkludi bliet fid-dinja industrijalizzata li hija mimlija bil-ġid. Eżattament x’inhuma l-problemi li qed jiffaċċjaw il-bliet, u dan kif jistaʼ jeffettwak? Jidher li jeżistu xi soluzzjonijiet? L-artikli li ġejjin se janalizzaw dawn il-kwistjonijiet kritiċi.