Il-Bliet Għala Jinsabu fi Kriżi?
“Ejjew nibnu belt għalina, u torri, bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet, . . . ħalli ma nixterdux mal-wiċċ kollu taʼ l-art.”—Ġenesi 11:4.
DAN il-kliem, li ntqal iktar minn 4,000 sena ilu, ħabbar il-bini tal-belt il-kbira taʼ Babel.
Babel, li iktar tard bdiet tissejjaħ Babilonja, kienet tinsab fil-pjanuri taʼ Singħar fil-Mesopotamja li darba kienu fertili ħafna. Kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna, din ma kinitx l-ewwel belt li hija mniżżla fil-Bibbja. Il-bliet fil-fatt kellhom il-bidu tagħhom qabel id-Dilluvju taʼ żmien Noè. L-ewwel belt li tissemma hija dik li waqqaf il-qattiel Kajjin. (Ġenesi 4:17) Din il-belt, imsejħa Ħenok, x’aktarx li ma kienet xejn ħlief post jew raħal fortifikat. Babel, mill-banda l-oħra, kienet belt kbira—ċentru magħruf għall-qima falza li kellu torri reliġjuż taʼ l-għaġeb. Madankollu, Babel u t-torri tagħha li kellu fama ħażina ħaduha totalment kontra Alla. (Ġenesi 9:7) Mela skond il-Bibbja, Alla ndaħal u ħawwad il-lingwa tal-bennejja, u ġab fi tmiem il-pjan reliġjuż u ambizzjuż li kellhom. Alla “xerridhom minn hemm għal fuq wiċċ l-art kollha,” jgħid Ġenesi 11:5-9.
Mhux taʼ b’xejn li dan wassal biex jinbnew iktar bliet. Wara kollox, il-bliet kienu jipprovdu protezzjoni mill-attakki taʼ l-għadu. Il-bliet ipprovdew postijiet fejn il-bdiewa setgħu jaħżnu u jqassmu l-prodotti tagħhom. Meta ġie introdott is-suq, ħafna minn dawk li kienu joqogħdu fil-bliet setgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom b’modi oħra barra l-biedja. The Rise of Cities jgħid li malli dawk li kienu joqogħdu fil-bliet ma baqgħux jgħixu ħajja ristretta u nieqsa mis-sigurtà, huma setgħu jintefgħu fuq viżibilju taʼ snajjaʼ speċjalizzati. Fosthom kien hemm ix-xogħol tal-basktijiet, ix-xogħol tal-fuħħar, l-għażil, l-insiġ, ix-xogħol fuq il-ġilda, u x-xogħol tal-mastrudaxxa u l-bini, skond kemm kien jiflaħ is-suq.
Il-bliet servew bħala ċentru fejn prodotti bħal dawn setgħu jitqassmu b’mod effiċjenti. Ikkunsidra r-rakkont Bibliku dwar il-ġuħ kbir li kien hemm fl-Eġittu. Il-prim ministru, Ġużeppi, sab li kien jaqbel li n-nies jitqassmu fi bliet. Għala? Milli jidher, ir-raġuni kienet li permezz t’hekk il-provvisti taʼ l-ikel li kien baqaʼ setgħu jitqassmu b’mod iktar effiċjenti.—Ġenesi 47:21, Karm Żammit.
Il-bliet tejbu wkoll il-komunikazzjoni u t-taħlit tan-nies fi żmien meta t-trasport kien bil-mod u limitat. Min-naħa tiegħu, dan ħaffef ir-rata tal-bidla soċjali u kulturali. Il-bliet saru ċentri fejn jitwieldu ideat ġodda u fejn l-iżvilupp teknoloġiku kien jimxi ’l quddiem. Hekk kif l-ideat bdew jixterdu faċilment, beda jkun hemm tiġdid fil-ħsieb xjentifiku, reliġjuż, u filosofiku.
Ħolm li Ma Sarx Realtà
Fiż-żminijiet moderni, il-bliet ikomplu joffru l-istess vantaġġi. Mela mhux taʼ b’xejn li dawn ikomplu jħajru lil miljuni taʼ nies—speċjalment f’pajjiżi fejn il-ħajja fil-kampanja saret tant iebsa li ma tkunx tiflaħ għaliha. Madankollu, għal ħafna nies li jmorru joqogħdu fil-bliet, il-ħolm li jkollhom dwar ħajja aħjar ma jsirx realtà. Il-ktieb Vital Signs 1998 jgħid: “Skond studju reċenti mill-Kunsill tal-Popolazzjoni, il-kwalità tal-ħajja f’ħafna ċentri urbani tad-dinja li qed tiżviluppa hija agħar illum milli fl-inħawi rurali.” Dan għala?
F’The Human Face of the Urban Environment Henry G. Cisneros jikteb li meta jkun hemm ħafna nies fqar f’daqqa f’ċerti nħawi speċifiċi, il-problemi tagħhom jikbru b’mod mgħaġġel ferm. Iżjed ma jkun hemm fqar—li ħafna drabi jkunu nies meqjusin differenti mill-maġġuranza—jgħixu qrib xulxin, iktar jiżdied il-qagħad, iktar ikun hemm min jiddependi minn benefiċċji soċjali għal żmien itwal, iktar jinfirxu l-problemi taʼ saħħa pubblika, u l-iktar ħaġa taʼ l-iskantament hi li iktar tiżdied il-kriminalità. Il-ktieb Mega-city Growth and the Future b’mod simili jinnota li meta ħafna nies imorru f’post wieħed, taʼ spiss jispiċċa jkun hemm livell għoli taʼ qgħad u l-ħaddiema ma jkollhomx biżżejjed x’jagħmlu jew ma jsibux xogħol skond il-kwalifiki li jkollhom. Dan jiġri għax ma jkunx hemm xogħol biżżejjed għal dawk kollha li jkunu qed ifittxu impjieg.
In-numru li qed jiżdied taʼ tfal li jgħixu fit-toroq juri kemm jeżisti faqar kbir fil-bliet tad-dinja li qed tiżviluppa u dan iġiblek għafsa taʼ qalb. Skond xi kalkoli, hemm mat-30 miljun tifel u tifla jgħixu fit-toroq mad-dinja kollha! Il-ktieb Mega-city Growth and the Future jgħid: “Il-faqar u problemi oħrajn kissru r-rabtiet tal-familja u għalhekk it-tfal fit-toroq ġew imġagħlin ifendu għal rashom.” Tfal bħal dawn ikollhom jgħixu ħajja miżerabbli billi jfittxu fiż-żibel, jittallbu, jew jagħmlu xogħol baxx f’xi suq lokali.
Fatti Koroh Oħra
Mill-faqar tistaʼ toħroġ il-kriminalità. F’belt waħda fl-Amerika t’Isfel, li hija magħrufa għall-arkitettura moderna u oriġinali, il-kriminalità tant infirxet li f’daqqa waħda ħlief staneg tal-ħadid ma jidhrux kulfejn iddawwar wiċċek. Iċ-ċittadini, sew l-iktar għonja u sew l-iktar fqar, qed jagħmlu rixtelli tal-ħadid biex jipproteġu l-propjetà u l-privatezza tagħhom. Fil-fatt, dawn jgħixu f’gaġeġ. Xi wħud saħansitra jagħmlu r-rixtelli qabel ma d-dar tkun lesta.
Ukoll, b’popolazzjonijiet kbar, belt ma tkunx tistaʼ tlaħħaq biex tipprovdi servizzi bażiċi bħal dawk taʼ l-ilma u s-sanità. Huwa kalkulat li f’belt waħda fl-Asja hemm bżonn taʼ 500,000 tojlit pubbliku. Madankollu, stħarriġ reċenti wera li 200 tojlit biss kienu jiffunzjonaw!
Lanqas m’għandna ninsew l-effett taʼ ħsara li tħalli popolazzjoni kbira żżejjed fuq l-ambjent lokali. Hekk kif truf il-belt jikbru, l-art tajba għall-biedja tintilef. Federico Mayor, l-ex-kap taʼ l-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika, u Kulturali tal-Ġnus Magħquda jgħid: “Il-bliet jaħlu ammonti enormi taʼ enerġija, ibattlu l-provvista kollha taʼ l-ilma, u jaħartu l-ikel u l-materjali.” Hu jkompli jgħid li l-ambjent fiżiku jispiċċa eżawrit għax ma jkunx jistaʼ jipprovdi l-materjal jew jiflaħ għal dak li jintefaʼ ġo fih.
Problemi tal-Bliet Kbar f’Pajjiżi tal-Punent
Is-sitwazzjoni f’pajjiżi tal-Punent tistaʼ tkun kemxejn inqas gravi, imma xorta teżisti kriżi fil-bliet. Per eżempju, il-ktieb The Crisis of America’s Cities jgħid li llum il-bliet Amerikani huma magħrufin għall-vjolenza kbira ferm li hemm fihom. Jgħid li din tant kibret li l-gazzetti tal-mediċina bdew jiddedikaw ħafna spazju għaliha bħala waħda mill-iktar kwistjonijiet pubbliċi taʼ saħħa ewlenin fi żmienna. M’għandniex xi ngħidu, il-vjolenza timpesta lil ħafna bliet ewlenin madwar id-dinja.
Il-fatt li l-ħajja marret għall-agħar fil-bliet hija raġuni waħda għala ħafna bliet ma baqgħux jiġbdu lil dawk li jimpjegaw in-nies għax-xogħol. Il-ktieb The Human Face of the Urban Environment jgħid li n-negozji marru lejn in-naħa taʼ barra tal-bliet jew barra l-pajjiż. Ukoll, il-fabbriki għalqu u ħallew warajhom art irvinata bħal bini vojt f’postijiet imniġġsin, b’materjali tossiċi mirdumin taħt l-art, u mingħajr ebda ċans li din l-art tiġi żviluppata b’xi mod. Bħala riżultat, f’ħafna bliet in-nies fqar jinġabru kollha f’inħawi “fejn il-problemi taʼ l-ambjent huma injorati faċilment wisq—fejn is-sistemi tad-drenaġġ ma jaħdmux; fejn l-ilma ma jiġix purifikat biżżejjed; fejn il-ġrieden u l-insetti jimpestaw postijiet mimlijin żibel u jinvadu d-djar; fejn tfal żgħar jieklu ż-żebgħa taċ-ċomb minn mal-ħitan taʼ appartamenti li jkunu qed jaqgħu biċċiet . . . fejn donnu ħadd ma jimpurtah minn ħadd.” F’ambjent bħal dan, il-kriminalità, il-vjolenza, u d-disprament jiffjorixxu.
Iktar minn hekk, il-bliet tal-Punent qed isibuha iebsa li jipprovdu servizzi bażiċi. Lura fl-1981, l-awturi Pat Choate u Susan Walter kitbu ktieb bit-titlu drammatiku America in Ruins—The Decaying Infrastructure (L-Amerika Rvinata—L-Infrastruttura li Qed Titmermer). Fih qalu hekk: “Il-faċilitajiet pubbliċi fl-Amerika qed jitmermru b’rata iktar mgħaġġla milli qed jinbidlu.” L-awturi tal-ktieb esprimew biżaʼ kbir minħabba pontijiet imsaddin, toroq imħarbtin, u sistemi tad-drenaġġ li ma jaħdmux sew fi bliet ewlenin.
Għoxrin sena wara, bliet bħal New York xorta għad għandhom infrastrutturi mħassra. Artiklu f’The New York Magazine iddeskriva l-proġett kbir tat-Tielet Mina taʼ l-Ilma. Dan issa ilu sejjer għal xi 30 sena u jissejjaħ “l-akbar u l-uniku proġett taʼ infrastruttura fl-Emisferu tal-Punent.” Dan jinvolvi spiża taʼ xi ħamest elef miljun dollaru [elfejn miljun lira Maltija]. Meta titlesta, il-mina se tipprovdi elf miljun gallun ilma ħelu kuljum lill-Belt taʼ New York. Madankollu, il-kittieb jgħid li għal dak l-għaġeb kollu li għamlu dwar dan it-tħaffir, il-mina hija intenzjonata biss biex tgħin il-pajpijiet li diġà jeżistu, ħalli jkunu jistgħu jissewwew għall-ewwel darba minn mindu tqegħdu f’posthom fil-bidu tas-seklu l-ieħor. Skond artiklu f’The New York Times, biex tissewwa l-bqija taʼ l-infrastruttura li qed taqaʼ biċċiet f’din il-belt, jiġifieri s-subways, il-katusi taʼ l-ilma, it-toroq, u l-pontijiet tagħha, l-ispiża se tkun taʼ madwar 90 elf miljun dollaru [Lm41 elf miljun].
New York m’hijiex l-unika belt li għandha diffikultà biex tipprovdi s-servizzi meħtieġa. Fil-fatt, għadd taʼ bliet kbar huma f’riskju li jitkissru minħabba diversi kaġuni. Fi Frar taʼ l-1998, Auckland, fi New Zealand, spiċċat bħal mejta għal ġimagħtejn minħabba ħsarat kbar fl-elettriku. Dawk li kienu joqogħdu f’Melbourne, l-Awstralja, spiċċaw mingħajr misħun għal 13-il ġurnata meta twaqqfu l-provvisti tal-gass minħabba inċident industrijali f’impjant tal-produzzjoni.
Imbagħad hemm il-problema li kważi l-bliet kollha għandhom—il-konġestjoni tat-traffiku. L-arkitett Moshe Safdie jgħid li jeżisti konflitt bażiku, xi ħaġa li ma taqbilx, bejn il-kobor tal-bliet u s-servizzi tas-sistemi tat-trasport. Jgħid ukoll li l-bliet iktar qodma kellhom jaddattaw id-distretti ewlenin tan-negozju għat-traffiku kbir li qatt ma kien immaġinat fiż-żmien li nbnew. Skond The New York Times, fi bliet bħall-Kajr, Bangkok, u São Paulo, hija ħaġa normali ferm li jkun hemm konġestjoni tat-traffiku.
Minkejja dawn il-problemi kollha, ma jidhirx li ċ-ċaqliq kontinwu lejn il-bliet se jispiċċa. Bħalma qal artiklu f’The UNESCO Courier, “sew jekk tajjeb jew ħażin, il-belt tidher li toffri progress u ħelsien, viżjoni t’opportunità, attrazzjoni irreżistibbli.” Imma eżattament x’hemm lest fil-futur għall-bliet kbar tad-dinja? Hemm xi soluzzjonijiet realistiċi għall-problemi tagħhom?
[Kumment f’paġna 5]
“Meta ħafna nies imorru f’post wieħed,taʼ spiss jispiċċa jkun hemm livell għoli taʼ qgħad, il-ħaddiema ma jkollhomx biżżejjed x’jagħmlu jew ma jsibux xogħol skond il-kwalifiki li jkollhom”
[Stampa f’paġna 7]
Ħafna bliet huma mifluġin b’konġestjoni tat-traffiku
[Stampa f’paġna 7]
Miljuni taʼ tfal fit-toroq ifendu għal rashom
[Stampa f’paġna 7]
Għal ħafna nies li jgħixu fil-bliet, il-ħolm li jkollhom dwar ħajja aħjar ma jsirx realtà