LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 4/8 pp. 8-10
  • X’Futur Hemm għall-Bliet?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Futur Hemm għall-Bliet?
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Belt Se Tmut?
  • X’Futur Għandhom il-​Bliet?
  • Bidla fit-​Tmexxija
  • Il-Bliet Għala Jinsabu fi Kriżi?
    Stenbaħ!—2001
  • “Il-bliet Li Qed Jisplodu”
    Stenbaħ!—2001
Stenbaħ!—2001
g01 4/8 pp. 8-10

X’Futur Hemm għall-​Bliet?

“Billi nħarsu lejn il-​bliet tagħna nkunu qed nittawlu ġol-​futur tagħna.” Hekk qal Ismail Serageldin mill-​Bank Dinji. Imma minn dak li rajna s’issa, dak il-​futur ma jidhirx sabiħ.

Huwa tajjeb li qed isiru sforzi serji biex il-​ħajja f’ħafna bliet titjieb. Fil-​Belt taʼ New York kienet qed titranġa Times Square f’Manhattan u m’ilux tlestiet. Qabel, kellha l-​fama għall-​istabbilimenti tal-​pornografija, kultura tad-​droga, u kriminalità. Issa hemm ħwienet u teatri ġodda f’dawn l-​inħawi li jħajru lil eluf taʼ nies biex imorru jarawhom. Napli, fl-​Italja, belt li r-​rivista National Geographic iddeskrivietha bħala taʼ l-​għaġeb u sofistikata u li xi darba kienet tħabbatha maʼ Londra u Pariġi, ġarrbet tħarbit kbir matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Napli saret magħrufa bħala post taʼ kriminalità u diżordni. Madankollu, meta l-​belt intgħażlet bħala l-​post fejn kellha ssir konferenza politika fl-​1994, din bħallikieku ħadet ir-​ruħ minħabba li sar xi tibdil kbir fiċ-​ċentru tal-​belt.

M’għandniex xi ngħidu, biex il-​bliet ikunu inqas perikolużi u maħmuġin jinvolvi xi konsegwenzi. Taʼ spiss, biex ikun hemm iktar sigurtà jrid ikun hemm iktar pulizija jagħmlu r-​ronda. Konsegwenza oħra tistaʼ tkun in-​nuqqas taʼ privatezza. Xi postijiet pubbliċi jkunu taħt superviżjoni kontinwa minn kameras tat-​televixin u pulizija pajżani. Waqt li tkun miexi minn ġo xi ġnien u tgħaddi minn ħdejn xi funtani, skulturi, jew mixtliet tal-​fjuri, tistaʼ bla ma tkun taf tkun għaddej minn ħdejn postijiet fejn tkun qed tiġi ċċekkjat għas-​sigurtà.

Xi kultant bit-​titjib li jsir il-​fqar ukoll imorru minn taħt. Ikkunsidra l-​proċess fejn il-​familji li jkollhom qligħ akbar imorru joqogħdu f’inħawi fejn qabel kienu tal-​fqar. Dan il-​proċess jiġi minn ekonomija li tinbidel. Skond ċerta pubblikazzjoni, din hija bidla mill-​manifattura għas-​servizzi, minn meta kienu jiddependu fuq is-​snajjaʼ għal meta kollox jibda jinħadem bil-​magni. (Gentrification of the City, edituri: Neil Smith u Peter Williams) Hekk kif l-​impjiegi tas-​snajjaʼ ma jibqgħux popolari iktar u tikber il-​ħtieġa għall-​ħaddiema professjonisti u tekniċi, tikber ukoll il-​ħtieġa għal djar komdi għall-​klassi tan-​nofs. Ħafna professjonisti li jitħallsu tajjeb jippreferu li minflok ma jmorru joqogħdu lejn in-​naħa taʼ barra tal-​belt, jirranġaw djar fi nħawi li qabel kienu tal-​fqar.

Naturalment, dan jirriżulta f’titjib importanti f’inħawi bħal dawn. Imma hekk kif ċerti nħawi jibdew jimxu ’l quddiem, il-​prezzijiet jogħlew. Il-​fqar taʼ spiss jispiċċaw li ma jibqgħux jaffordjaw li jgħixu f’dawk l-​inħawi li jkun ilhom snin sħaħ jaħdmu u jgħixu fihom!

Il-​Belt Se Tmut?

Il-​bliet forsi għadhom kif bdew iħossu l-​bidla li jġibu magħhom teknoloġiji ġodda. Hekk kif l-​Internet isir iktar popolari bħala mezz biex wieħed jixtri u jagħmel negozju, dan jistaʼ jkollu effetti kbar. Bit-​teknoloġiji ġodda diġà sar iktar faċli li xi kumpaniji jistabbilixxu ruħhom f’postijiet barra mill-​belt—waqt li jġorru partita ħaddiema magħhom.

Hekk kif ix-​xiri u x-​xogħol on-line isiru iktar popolari, in-​nies jistgħu jibdew ma jkunux iridu jivvjaġġaw lejn distretti tan-​negozju ffollati. Il-​ktieb Cities in Civilization jissuġġerixxi li fil-​futur forsi għad naraw xi ħaddiema ordinarji, speċjalment dawk li jaħdmu part-time, li jibdew jaħdmu għalkollox mid-​dar jew minn postijiet tax-​xogħol fl-​inħawi fejn joqogħdu, u b’hekk inaqqsu l-​ammont ġenerali tat-​traffiku. L-​arkitett Moshe Safdie bl-​istess mod jispekula li f’dan it-​tip t’ambjent ġdid jistaʼ jkun li jkollna miljuni taʼ rħula mxerrdin maʼ kullimkien. Dawn ikunu jistgħu “jipprovdu lill-​individwi tal-​lokal il-​kumditajiet taʼ raħal żgħir u b’mod elettroniku jagħtuhom l-​għana kulturali taʼ bliet storiċi kbar.”

X’Futur Għandhom il-​Bliet?

Ħafna jemmnu li minkejja t-​teknoloġija, il-​bliet joffru servizzi u vantaġġi li se jkomplu jiġbdu n-​nies lejhom. Jiġri x’jiġri fil-​futur, il-​bliet tal-​lum jinsabu fl-​inkwiet issa! U ma jidher li hemm l-​ebda soluzzjoni għall-​problemi enormi tad-​djar u s-​sanità għall-​miljuni taʼ fqar li qed jiżdiedu fil-​bliet. U lanqas ħadd ma rnexxielu jsib mezz biex jelimina l-​kriminalità, il-​ħsara fl-​ambjent, jew it-​tinġis fil-​bliet.

Xi wħud iġibu l-​argument li l-​gvernijiet sempliċement għandhom jonfqu iktar flus għall-​bliet tagħhom. Imma jekk nikkunsidraw dak li wettqu ħafna gvernijiet fil-​mod kif użaw ir-​riżorsi tagħhom, huwa realistiku li naħsbu li l-​problemi tal-​bliet se jissolvew sempliċement billi jintefqu iktar flus? Bosta snin ilu l-​ktieb The Death and Life of Great American Cities qal li darba konna naħsbu illi kieku kellna biżżejjed flus x’nonfqu konna nneħħu l-​kerrejja kollha li għandna, imma bix-​xewqa bqajna. Qal ukoll li minflok, bl-​ewwel miljuni taʼ dollari bnejna affarijiet oħra, jiġifieri proġetti taʼ ftit flus li saru ċentri taʼ delinkwenza, vandaliżmu u disperazzjoni soċjali b’mod ġenerali li huma agħar mill-​kerrejja li kien hemm qabel. Dawn l-​affarijiet għadhom japplikaw sal-​lum.

Imma jekk il-​flus ma jsolvux l-​affarijiet, x’se jsolvihom? Irridu niftakru li l-​bliet huma magħmulin min-​nies, mhux biss mill-​bini u t-​toroq. Mela fl-​aħħar mill-​aħħar, in-​nies iridu jinbidlu biex titjieb il-​ħajja fil-​bliet. Lewis Mumford fil-​ktieb The City in History jgħid li l-​aqwa sistema kif belt tiġi organizzata hija billi jkun hemm min jieħu ħsieb in-​nies u jedukahom. U biex jinqerdu l-​abbuż tad-​droga, il-​prostituzzjoni, it-​tinġis, il-​ħsara fl-​ambjent, in-​nuqqas t’ugwaljanza fis-​soċjetà, il-​vandaliżmu, it-​tħażżiż fuq il-​ħitan, u affarijiet bħal dawn hemm bżonn taʼ iktar milli sempliċement ikun hemm iżjed pulizija jagħmlu r-​ronda jew minn xi passata żebgħa. In-​nies iridu jiġu megħjunin biex jagħmlu bidliet kbar fil-​mod kif jaħsbu u jaġixxu.

Bidla fit-​Tmexxija

Jidher ċar li l-​bnedmin m’humiex kapaċi jibdlu l-​affarijiet b’dan il-​mod. Għalhekk, fl-​aħħar mill-​aħħar, jipprovaw kemm jipprovaw biex isolvu l-​problemi tal-​bliet tal-​lum, anki jekk b’intenzjoni tajba, m’humiex se jirnexxu. Madankollu, l-​istudenti tal-​Bibbja ma jiddisprawx, għax huma jqisu d-​diffikultajiet tal-​bliet tal-​lum bħala eżempju ieħor biss taʼ kemm il-​bniedem ma jistax imexxi l-​pjaneta tagħna sew. Il-​bliet mifruxin u diżorganizzati tal-​lum jenfasizzaw b’mod drammatiku l-​kliem tal-​Bibbja f’Ġeremija 10:23: “Triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.” L-​attentati li għamel il-​bniedem biex jaħkem hu stess irriżultaw f’miżerja kbira maʼ kullimkien. Biss dawn il-​problemi jidhru akbar fil-​bliet.

B’hekk, dawk li jgħixu fil-​bliet mad-​dinja kollha jistgħu jieħdu faraġ mill-​wegħda tal-​Bibbja mniżżla f’Apokalissi 11:18, li Alla se ‘jeqred lil dawk li qegħdin jeqirdu d-​dinja.’ Din mhux talli m’hijiex negattiva, imma talli tiġbed l-​attenzjoni lejn futur pożittiv għall-​umanità. Din twiegħed li Alla se jieħu f’idejh it-​tmexxija tal-​pjaneta tagħna permezz taʼ gvern, jew Saltna. (Danjel 2:44) Miljuni taʼ nies m’humiex se jgħixu iktar f’faqar li lanqas biss timmaġinah, fejn ma jkollhomx post xieraq fejn jgħixu u sanità bażika, fejn ikunu neqsin mid-​dinjità jew ikunu bla tama. Taħt il-​ħakma tal-​gvern t’Alla, in-​nies se jgawdu ġid materjali, se jkunu jarmu s-​saħħa, u jkollhom postijiet sbieħ fejn joqogħdu.—Isaija 33:24; 65:21-23.

Din id-​dinja ġdida hija l-​unika soluzzjoni realistika għall-​problemi tal-​bliet tal-​lum.

[Stampi f’paġna 8, 9]

Qed isiru sforzi serji biex il-​ħajja f’ħafna bliet titjieb

Napli, l-​Italja

Il-​Belt taʼ New York, l-​Istati Uniti

Sydney, l-​Awstralja

[Sors]

SuperStock

[Stampa f’paġna 10]

Id-​dinja l-​ġdida t’Alla toffri soluzzjoni għall-​problemi taʼ dawk li jgħixu fil-​bliet illum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja