Ħarsa Lejn Id-dinja
L-Irqad M’Huwiex xi Lussu
“Mill-inqas kwart tan-nies taʼ l-Afrika t’Isfel mhux qed jagħtu l-aħjar tagħhom minħabba taqlib fl-irqad jew nuqqas taʼ rqad,” tistqarr il-gazzetta taʼ l-Afrika t’Isfel The Natal Witness. Skond riċerkatur dwar l-irqad, Dr. James Maas, l-irqad jgħin lill-moħħ biex jerġaʼ jforni s-sustanzi bijokimiċi vitali. Dawn jgħaddu l-impulsi tan-nerv minn ċellula taʼ nerv għal ċellula oħra. Għalhekk l-irqad huwa neċessarju biex ikollok memorja tajba, tkun kreattiv, issolvi l-problemi, u tkun kapaċi titgħallem affarijiet ġodda. L-effetti taʼ nuqqas taʼ rqad jinkludu li jkollok dipressjoni, nervi, ansjetà, ma tkunx trid tiċċajta u tassoċja, tikkonċentra u tiftakar inqas, ma tkunx tistaʼ tikkomunika u tieħu deċiżjonijiet, tidħol f’ċertu periklu, u ħajtek ma tibqax daqshekk produttiva u taʼ kwalità. Ukoll, in-nies li jorqdu ħames sigħat jew inqas ikollhom inqas reżistenza għall-mikrobi. “Biex nagħtu mill-aħjar tagħna,” jgħid Maas, “irridu ninvestu terz minn ħajjitna fl-irqad li bejn wieħed u ieħor jiġi tmien sigħat kuljum.”
Għandha Tiġi Mgħallma l-Istorja tar-Reliġjonijiet?
Fi stħarriġ reċenti li sar mill-gazzetta Le Monde u r-rivista Notre Histoire, 57 fil-mija biss mill-Franċiżi ddikjaraw li jaqblu li jkollhom kors fuq l-istorja tar-reliġjonijiet fl-iskejjel tal-gvern. “Ħaġa taʼ l-iskantament hi li n-numru taʼ dawk li ma jaqblux qed jikber,” tgħid in-Notre Histoire. “Dan juri jew li qed jibżgħu li xi ħadd jaqleb ir-reliġjon jew li huma favur l-idea taʼ xi skola fejn ir-reliġjon għandha titħalla barra għalkollox.” Il-paradoss hu li l-biċċa l-kbira jemmnu li dawn it-tipi taʼ korsijiet iqanqlu t-tolleranza fost l-istudenti. Skond l-istħarriġ, ir-reliġjon taʼ l-Islam, b’erbaʼ miljuni segwaċi, issa tinsab fit-tieni post fi Franza wara l-Kattoliċiżmu, filwaqt li l-Protestanti, il-Lhud, il-Buddisti, il-Kristjani Ortodossi, u x-Xhieda taʼ Jehovah jifformaw ukoll parti mix-“xena reliġjuża varjata” tal-pajjiż.
Ir-Rimedju għall-Flaġell tal-Ġradijiet
“Armata taʼ 700,000 papra u tiġieġa mħarrġin b’mod speċjali ġew miġburin biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-akbar flaġell tal-ġradijiet fiċ-Ċina li qatt seħħ f’25 sena,” tirrapporta The Daily Telegraph taʼ Londra. Fis-sajf tas-sena 2000, qtajjaʼ taʼ ġradijiet qerdu kważi 17,000,000,000 metru kwadru rabaʼ fit-tramuntana u l-lvant tal-pajjiż u kważi 39,000,000,000 metru kwadru art mimlija ħaxix fil-punent imbiegħed f’Xinjiang. Il-papri u t-tiġieġ ġew imħarrġin biex isegwu u jieklu l-insetti mal-ħoss taʼ suffara. Zhao Xinchun, il-kap deputat taʼ l-Uffiċċju għall-Kontroll tal-Ġradijiet u l-Firien f’Xinjiang, fejn jiġu mħarrġin u użati dawn it-tjur, jispjega: “Il-bdiewa kienu jafu li t-tiġieġ iħobbu jieklu l-ġradijiet, u għalhekk għamilna stħarriġ [u] sibna li l-papri jistgħu jieklu iktar mit-tiġieġ [sa 400 ġurad kull papra kuljum], li kapaċi jissaportu l-maltemp iktar mit-tiġieġ u li ma jittiklux mill-ajkli jew il-ballottri. . . . Nitilquhom fuq l-art mimlija ħaxix, insaffru s-sfafar, u huma jieklu l-ġradijiet.” Dawn it-tjur huma parti minn programm li jinkludi ajruplani li minnhom iroxxu l-pestiċidi fuq l-uċuħ tar-rabaʼ u l-mikro-organiżmi li joqtlu l-ġradijiet.
Kollass tal-Familja fil-Britannja
Il-Britannja għandha l-ogħla rata taʼ divorzji fl-Ewropa u saħansitra rata akbar taʼ familji mfarrkin fost il-koppji li jgħixu flimkien. “Il-Konsegwenzi tal-Kollass tal-Familja,” rapport fuq studju mqabbad mill-gvern, iwissi: “Il-kaġun ewlieni għala qed jitnaqqas il-benesseri tat-tfal hu l-kollass tal-familja—b’mod speċifiku meta l-familja b’omm u b’missier titkisser.” Ir-riżultati diretti jiswew madwar £11 [Lm7] fil-ġimgħa għal kulmin iħallas it-taxxa, imma n-nefqiet indiretti jinkludu l-bżonn taʼ iżjed djar għall-familji mkissrin, u l-ħsara li dan jikkaġuna għall-ambjent. Filwaqt li ma jridx jispjega x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, ir-rapport jistqarr: “Aħna nemmnu li matul iż-żmien iż-żwieġ wera li huwa l-iktar bażi taʼ sigurtà għal soċjetà stabbli u għat-trobbija tat-tfal.”
Adulti li Jieklu l-Ikel tat-Trabi
Iktar u iktar ikel tat-trabi qed jittiekel mill-adulti, tirrapporta l-aġenzija taʼ l-aħbarijiet Ġermaniża dpa-Basisdienst. Għaxra fil-mija mill-prodotti taʼ l-ikel tat-trabi li tagħmel kumpanija Ġermaniża ewlenija qed jinbiegħu lil nies bla tfal. Nies taʼ kull età u stat soċjali jħobbu l-krema u l-frott imsajjar li jagħmlu għat-trabi. Peress li porzjon wieħed jistaʼ jkun fih 100 kalorija biss, ħafna adulti konxji tal-piż tagħhom jagħżlu l-ikel tat-trabi biex jieklu xi ħaġa żgħira u taʼ malajr. Il-kumpaniji qed jimxu skond it-tendenza billi jirrikkmandaw il-prodotti tagħhom għaż-“żgħar u l-kbar” u billi jipprovdu riċetti li fihom ikun hemm bżonn il-prodotti tagħhom. Madankollu, is-Soċjetà Ġermaniża tan-Nutriment m’hijiex kuntenta b’din it-tendenza. Skond Anette Braun, ir-rappreżentata taʼ din is-Soċjetà, l-adulti m’għandhomx bżonn ikel bħal dan preparat b’mod speċjali sakemm ma jkunux morda. Huma jridu jomogħdu l-ikel li jieklu. “Fuq kollox, għalhekk għandna s-snien,” tgħid Braun.
Il-Knejjes Jammettu li Nqdew b’Xogħol Forzat
Reċentement, il-pubbliku Ġermaniż baqaʼ miblugħ hekk kif sar jaf li matul it-Tieni Gwerra Dinjija, kemm il-knejjes Kattoliċi u kemm Evanġeliċi nqdew b’xogħol forzat. Skond kelliemi f’isem il-Konferenza taʼ l-Isqfijiet Kattoliċi Ġermaniżi, “il-ħaddiema kienu jaħdmu fi propjetajiet li kienu f’idejn il-knisja—fl-għelieqi tal-monasterji kif ukoll fi dwieli u sptarijiet,” tirrapporta l-Frankfurter Allgemeine Zeitung. L-akbar istituzzjonijiet taʼ riżq u li jipprovdu għajnuna soċjali tal-Knisja Evanġelika fl-Ewropa “ħaddmu nies fuq xogħol forzat matul it-tieni gwerra dinjija kollha,” tgħid il-Süddeutsche Zeitung. Kemm il-knejjes Kattoliċi u kemm Evanġeliċi qablu li jagħtu diversi miljuni taʼ marki Ġermaniżi biex iħallsu lil dawk li baqgħu ħajjin mix-xogħol forzat, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu pajżani minn pajjiżi taʼ l-Ewropa tal-Lvant.
It-Tipjip Jistaʼ Jsir Vizzju mill-Ewwel
Riċerkaturi fl-Università taʼ Massachusetts ikkonfermaw li xi wħud juru evidenza tal-vizzju “fi ftit ġranet wara li jkunu pejpu l-ewwel sigarett tagħhom,” jgħid rapport taʼ l-Associated Press. Fl-istudju ġew osservati għal sena sħiħa d-drawwiet konnessi mat-tipjip taʼ 681 żagħżugħ bejn it-12 u t-13-il sena u ġew dokumentati s-sintomi li jindikaw li daħal il-vizzju. “Kien hemm xi suspett li ħafna nies isiru vvizzjati bit-tipjip mill-ewwel,” jistqarr it-Tabib Richard Hurt, “imma din hi tassew l-ewwel prova ċara li kellna li din il-ħaġa tiġri.” It-Tabib Joseph DiFranza, id-direttur tat-tim tar-riċerka jgħid: “L-iktar ħaġa importanti li qed jgħid dan l-istudju hu li għandna nwissu lit-tfal li wieħed ma jistax jaqbad u jpejjep sigarett kultant jew jesperimenta bis-sigaretti għal ftit ġimgħat u mbagħad jieqaf għalkollox.”
Iġibu l-Qassisin minn Barra
Imħassba dwar in-nuqqas taʼ qassisin fid-dinja żviluppata, il-Knisja Kattolika bdiet iġġib il-qassisin minn barra biex timla fejn hemm il-bżonn, tirrapporta r-rivista Taljana L’Espresso. Ir-rivista tgħid li fl-Italja, l-Ewropa, u l-Amerika taʼ Fuq, m’għadhomx jilħqu qassisin fis-seminarji u m’hemmx qassisin li jieħdu post l-oħrajn fid-djoċesijiet. Biex il-parroċċi bla kappillan ikunu moqdijin, qed jinġiebu qassisin mill-Brażil, il-Filippini, u l-Indja. “It-tendenza għadha tibda,” tgħid L’Espresso, “imma qed tbiddel lill-knisja. . . . Fl-Italja, diġà hemm 1,131 qassis li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, impjegati mal-Konferenza taʼ l-Isqfijiet, jiġifieri, 3 fil-mija mit-total.” B’hekk, l-Italja qed issir ‘territorju missjunarju,’ tinnota r-rivista.
Qed Tiżdied id-Dipressjoni fuq ix-Xogħol
“L-istress, l-ansjetà u d-dipressjoni fuq ix-xogħol jeffettwaw lil wieħed minn kull 10 ħaddiema madwar id-dinja,” tirrapporta l-gazzetta International Herald Tribune li toħroġ kuljum f’Pariġi. Stħarriġ li sar mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-ĠM sab li l-istress kaġunat mix-xogħol jiġi jiswa ’l fuq minn Lm46 elf miljun kull sena lill-Ewropa u l-Istati Uniti. Jintqal li r-raġuni li qed tiżdied id-dipressjoni fuq ix-xogħol hija, minn banda, minħabba r-rivoluzzjoni teknoloġika, li ħolqot iktar stress fuq il-ħaddiema. It-Tribune irrapportat li fl-Istati Uniti, mal-“200 miljun ġurnata tax-xogħol qed jintilfu kull sena minħabba problemi taʼ saħħa mentali li għandhom x’jaqsmu max-xogħol” u li fil-Finlandja ’l fuq min-nofs il-ħaddiema jsofru minn problemi li għandhom x’jaqsmu maʼ l-istress. Iżjed minn hekk, intqal li xi 30 fil-mija mill-ħaddiema fil-Britannja għandhom problemi taʼ saħħa mentali, u 5 fil-mija jsofru minn dipressjoni serja.