Jistgħu l-Ispeċi li Hawn fuq l-Art Jiġu Salvati?
IL-GAZZETTA The Globe and Mail tal-Kanada tgħid li aħna l-bnedmin qed inġagħlu lil ħafna speċi taʼ annimali, minn xadini sa albatri u mazzarelli, jaslu sal-punt t’estinzjoni tant malajr li qed nipperikolaw is-sopravivenza tagħna stess. Il-kummenti tal-gazzetta saru f’konnessjoni mat-2000 IUCN Red List of Threatened Species, pubblikata mill-Unjoni għall-Konservazzjoni tad-Dinja (IUCN) taʼ Ġinevra, fl-Isvizzera. Ir-Red List twissi li iktar minn 11,000 speċi taʼ pjanti u annimali qegħdin f’riskju kbir li jiġu estinti. Il-mammali huma l-iktar li jinsabu fil-periklu. “Bejn wieħed u ieħor, wieħed minn kull erbaʼ tipi taʼ mammali ħajjin fuq l-Art illum—jew 24 fil-mija—jinsab mhedded mill-estinzjoni,” tirrapporta l-Globe.
X’inhu l-kaġun taʼ din il-kriżi? Ix-xjenzati jgħidu li dawn l-ispeċi qed jgħosfru b’pass dejjem iktar mgħaġġel minħabba s-suq internazzjonali taʼ l-annimali li jinżammu bħala delizzju, is-sajd bil-konz, u l-fatt li qed jonqos l-abitat xieraq għall-annimali. Iktar minn hekk, iżjed ma jinbnew toroq minn ġol-foresti li jkunu għadhom ma ntmessewx mill-bniedem, “in-nies qed ikollhom iktar u iktar aċċess għall-annimali salvaġġi li xi darba ma setgħux jintlaħqu. Imbagħad joqtluhom u jikluhom. Jekk dan isir b’mod estensiv biżżejjed, l-ispeċi se jiġu estinti.”
Ix-xjenzati jwissu li dan ifisser periklu għall-bnedmin ukoll. “Hekk kif inġagħlu lill-ispeċi jiġu estinti nkunu qed inbagħbsu fis-sistema li żżomm il-ħajja tagħna għaddejja,” jgħid David Brackett, li jippresiedi l-kummissjoni għas-sopravivenza taʼ l-ispeċi għall-Unjoni għall-Konservazzjoni tad-Dinja. Hu qal li l-globu tagħna mhux se jsalva jekk il-varjetà kollha taʼ ħlejjaq tkun biss fil-ġonna żooloġiċi tagħna.
Ir-rapport taʼ l-IUCN iħeġġeġ lis-soċjetà kollha madwar il-globu biex taġixxi, billi jgħid li “r-riżorsi umani u finanzjarji jridu jiġu użati bejn 10 darbiet u 100 darba iktar mil-livell kurrenti biex tissolva din il-kriżi.” Madankollu, b’dispjaċir ngħidu li r-regħba taʼ spiss tfixkel l-isforzi sinċieri biex jiġu salvati r-riżorsi tal-pjaneta tagħna.
Jistgħu l-ispeċi li hawn fuq l-art jiġu salvati? L-ewwel bnedmin u wliedhom ngħataw il-biċċa xogħol li jieħdu ħsieb il-varjetà taʼ ħajja fuq il-pjaneta tagħna. “Il-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien taʼ l-Għeden biex jaħdmu,” tgħid il-Bibbja, “u jħarsu.” (Ġenesi 2:15) Għalkemm il-bniedem qed jonqos mill-obbligu tiegħu, l-iskop t’Alla għall-art għadu l-istess. Hu jimpurtah mill-pjaneta tagħna, u mhux se jippermetti li tinqered bit-traskuraġni jew bir-regħba. (Apokalissi 11:18) Il-Kelma tiegħu twiegħed: “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 11]
U.S. Fish & Wildlife Service, Washington, D.C./J.D. Pittillo