Problema mad-Dinja Kollha
“Is-suwiċidju huwa problema serja tas-saħħa pubblika.”David Satcher, uffiċjal mediku ewlieni fl-Istati Uniti, fl-1999.
DIN l-istqarrija kienet l-ewwel waħda fl-istorja li biha uffiċjal mediku ewlieni fl-Istati Uniti għamel is-suwiċidju kwistjoni pubblika. F’dan il-pajjiż hemm iktar nies li qed joqtlu ruħhom b’idejhom milli qed jinqatlu minn ħaddieħor. Mhux taʼ b’xejn li s-Senat Amerikan iddikjara l-prevenzjoni tas-suwiċidju bħala prijorità nazzjonali.
Madankollu, ir-rata taʼ suwiċidji fl-Istati Uniti, li fl-1997 kienet taʼ 11.4 għal kull 100,000 persuna, qiegħda taħt ir-rata globali pubblikata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-2000—16 għal kull 100,000 persuna. F’dawn l-aħħar 45 sena, ir-rati taʼ suwiċidju mad-dinja kollha żdiedu b’60 fil-mija. Issa, f’sena waħda biss, madwar miljun ruħ mad-dinja kollha joqtlu ruħhom b’idejhom. Dan jammonta bejn wieħed u ieħor għal mewta kull 40 sekonda!
Madankollu, l-istatistiċi ma jurux il-fatti kollha tas-sitwazzjoni. F’ħafna każi l-membri tal-familja jiċħdu li l-mewta kienet b’suwiċidju. Barra minn hekk, huwa kalkulat li għal kull suwiċidju mwettaq b’suċċess, isiru minn 10 sa 25 attentat taʼ suwiċidju. Fi stħarriġ wieħed instab li 27 fil-mija taʼ l-istudenti fl-iskejjel sekondarji fl-Istati Uniti ammettew li matul is-sena taʼ qabel kienu kkunsidraw bis-serjetà li jagħmlu suwiċidju; 8 fil-mija mill-grupp li sar l-istħarriġ fuqu qalu li kienu pprovaw jagħmlu suwiċidju. Fi studji oħrajn instab li minn 5 sa 15 fil-mija tal-popolazzjoni adulta kellhom ħsibijiet taʼ suwiċidju xi darba jew oħra.
Differenzi Kulturali
Il-mod kif in-nies iqisu s-suwiċidju jvarja ħafna. Xi wħud iqisuh bħala delitt, oħrajn bħala att taʼ ġifa, u hemm ukoll min iqisu bħala mod onorabbli kif wieħed jitlob skuża għal żball oħxon. Xi wħud saħansitra jqisuh bħala mod nobbli kif wieħed imexxi xi idea ’l quddiem. Għala jeżistu ħarsiet daqstant differenti? Il-kultura għandha sehem ewlieni. Fil-fatt, The Harvard Mental Health Letter tissuġġerixxi li l-kultura tistaʼ saħansitra “tinfluwenza l-probabbiltà taʼ suwiċidju.”
Ikkunsidra pajjiż fl-Ewropa ċentrali—l-Ungerija. Dr. Zoltán Rihmer jirreferi għar-rata għolja taʼ suwiċidji li hemm hemmhekk bħala “‘tradizzjoni’ kerha” taʼ l-Ungerija. Béla Buda, id-direttur taʼ l-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa fl-Ungerija, innota li l-Ungeriżi jagħmlu suwiċidju mingħajr ma jaħsbuha, tistaʼ tgħid għal kwalunkwe raġuni. Skond Buda, hija reazzjoni komuni li n-nies jirraġunaw, “Għandu l-kanċer—jaf kif għandu jeħles minnu.”
Fl-Indja darba kien hemm drawwa reliġjuża magħrufa bħala sutì. Din id-drawwa, meta fil-funeral armla tinxteħet fuq il-ġisem jaqbad taʼ żewġha, ilha li ġiet projbita imma għadha mhix eliminata għalkollox. Meta waħda mara ġiet rapportata li għamlet suwiċidju b’dan il-mod, ħafna min-nies tal-post faħħru din it-traġedja bil-kbir. Skond India Today, f’dak ir-reġjun taʼ l-Indja ‘kważi 25 mara ħarqu lilhom infushom fuq il-ħuġġieġa taʼ żewġhom fl-istess ammont taʼ snin.’
Ħaġa taʼ l-għaġeb, fil-Ġappun imutu tliet darbiet iktar nies bis-suwiċidju milli jmutu bl-inċidenti tat-traffiku! Waħda mill-enċiklopediji tgħid li l-kultura tradizzjonali tal-Ġappun qatt ma kkundannat is-suwiċidju. Hija magħrufa għax f’din il-kultura l-użanza li wieħed jiftaħ l-istonku tiegħu stess (seppuku jew ħarakiri) hija ritwal kbir u ġiet stabbilita sew.—Japan—An Illustrated Encyclopedia.
Fil-ktieb tiegħu Bushido—The Soul of Japan, Inazo Nitobe, li iktar tard sar is-sotto-segretarju ġenerali tal-Lega tan-Nazzjonijiet, spjega dan l-interess kulturali kbir dwar il-mewt. Hu kiteb: “[Is-seppuku], invenzjoni tal-medju evu, kien proċess li bih il-gwerriera setgħu juru s-sogħba tagħhom għad-delitti li jkunu għamlu, jitolbu skuża għall-iżbalji, jeħilsu mid-diżunur, ipattu għal ħbiebhom, jew juru s-sinċerità tagħhom.” Għalkemm is-suwiċidju f’din l-għamla taʼ ritwal ġeneralment huwa xi ħaġa tal-passat, xi wħud għadhom jużawh biex iħallu effett fuq is-soċjetà.
Mill-banda l-oħra, fil-Kristjaneżmu s-suwiċidju kien ilu żmien twil jitqies bħala delitt. Sas-sitt u s-sebaʼ sekli, il-Knisja Kattolika Rumana kienet bdiet tiskomunika lil dawk li jagħmlu suwiċidju u kienet iċċaħħadhom minn ċerimonja tal-funeral. F’xi postijiet, il-fervur reliġjuż ipproduċa drawwiet strambi konnessi mas-suwiċidji—fosthom li jgħallqu l-katavru, u saħansitra jniffdu zokk ġol-qalb.
Xi ħaġa kontradittorja hi li dawk li kienu jipprovaw jagħmlu suwiċidju setgħu jaqilgħu l-piena tal-mewt. Talli pprova joqtol lilu nnifsu billi jħanxar għonqu, Ingliż fis-seklu 19 ġie mgħallaq. B’hekk l-awtoritajiet għamlu dak li ma rnexxilux jagħmel ir-raġel innifsu. Għalkemm il-kastig għal attentat taʼ suwiċidju nbidel matul is-snin, ma kienx qabel l-1961 li l-Parlament Britanniku ddikjara li s-suwiċidju u l-attentat taʼ suwiċidju ma kinux iktar delitti. Fl-Irlanda baqaʼ delitt sa l-1993.
Illum xi kittieba jinkuraġġixxu s-suwiċidju bħala għażla. Ktieb fl-1991 semma dwar kif nies morda b’marda qattiela jistgħu jiġu megħjunin jagħmlu suwiċidju u ssuġġerixxa modi kif wieħed itemm ħajtu. Iktar tard, għadd akbar taʼ nies li ma kellhomx marda qattiela użaw xi wieħed mill-metodi rikkmandati.
Huwa s-suwiċidju tassew is-soluzzjoni għall-problemi taʼ dak li jkun? Jew jeżistu raġunijiet validi biex wieħed jibqaʼ jgħix? Qabel ma nikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet, ejja l-ewwel neżaminaw xi jwassal għal suwiċidju.
[Kumment f’paġna 4]
F’sena waħda biss, madwar miljun ruħ mad-dinja kollha joqtlu ruħhom b’idejhom. Dan jammonta għal mewta kważi kull 40 sekonda!