“Kirurgi” Jżegilgu u f’Aptithom
Lil xi wħud dan il-ħsieb jistaʼ jimbottahom, imma issa reġaʼ tfaċċa “kirurgu” kapaċi u iġjeniku—id-dudu ċkejken. Rapport fir-rivista The Journal of the American Medical Association (JAMA) jgħid li t-tobba fir-Renju Unit għamlu test bi prova fuq 12-il pazjent li kellhom l-ulċeri f’riġlejhom. Sitta minnhom ngħataw kura tradizzjonali bit-terapija taʼ l-idroġel, u s-sitta l-oħra bl-użu tad-dud.a
“Is-sitt pazjenti kollha li għamlu t-terapija larvali [bid-dud] spiċċaw b’feriti nodfa wara 3 ijiem biss,” tgħid il-JAMA. Minn dawk li ngħataw kura tradizzjonali, “tnejn biss kellhom feriti nodfa wara xahar taʼ kura; l-erbgħa l-oħra kellhom bżonn taʼ iktar attenzjoni medika.” Il-ġurnal mediku Britanniku The Lancet jgħid li t-terapija bid-dud “tistaʼ tnaqqas iż-żmien tal-kura b’mod drammatiku meta mqabbla mat-terapiji [tradizzjonali]” u li “tiswa ftit iktar min-nofs taʼ l-idroġel.”
Meta tintuża t-terapija bid-dud—per eżempju fuq xi ferita li tkun mewtet parti mill-ġisem—it-tobba jpoġġu larvi nodfa li jkunu għadhom żgħar ġewwa l-ferita, tgħid il-JAMA. (M’għandniex xi ngħidu, it-tobba jużaw biss dawk l-ispeċi taʼ larvi li ma jattakkawx iċ-ċelluli f’saħħithom.) Imbagħad il-ferita titgħatta b’xibka rqiqa tan-nylon u b’materjal oħxon li jixrob iċ-ċelluli mejtin li jkunu saru likwidu. Meta d-dud ikun kiel kemm felaħ, jitneħħa u jintrema, u t-tobba jkomplu jżidu dud ġdid sakemm il-ferita tkun indafet għalkollox. Imbagħad, iċ-ċirkulazzjoni tad-demm lejn il-bqija taċ-ċelluli f’saħħithom tgħin il-laħam ġdid biex jikber.
“Qatt ma kellna pazjent li rrifjuta d-dud,” qal il-kirurgu vaskulari Michael Walker. “Huma l-membri taʼ l-istaff li jiddardru, mhux il-pazjenti.” Mhux fir-Renju Unit biss qed tintuża t-terapija larvali imma wkoll f’xi ċentri mediċi fl-Istati Uniti u l-Kanada. Fil-fatt, kirurgu li ġie kwotat f’The Lancet qal li “hemm ħafna iktar pazjenti fl-Istati Uniti li jridu t-terapija bid-dud milli hemm tobba li huma lesti li japplikawha.”
It-terapija bid-dud instabet b’kumbinazzjoni. Ir-rivista Science World tgħid li tobba li kienu jdewwu lis-suldati fil-gwerra indunaw li meta l-feriti kienu jkunu miżgħudin bid-dud, l-istess feriti kellhom it-tendenza li jfiqu aħjar minn oħrajn li ma kinux miżgħudin, u għalhekk malajr feġġet it-terapija bid-dud. Issa din qed tintuża f’mijiet taʼ sptarijiet fl-Istati Uniti u fl-Ewropa.
[Nota taʼ taħt]
a Din il-prattika mhix l-istess waħda bħal meta jintużaw is-sangisugi biex jiġbdu d-demm. Ara The Watchtower tal-15 taʼ Ġunju, 1982, paġna 31.
[Stampa f’paġna 30]
Ammont taʼ dud muri fuq sabaʼ (daqs veru)
[Sors]
Picture copyright SMTL, http://www.smtl.co.uk/
[Stampi f’paġna 30]
Qabel
Wara
[Sors]
Ritratti minn R. Sherman, Università taʼ Kalifornja, Irvine