Ħarsa Lejn id-Dinja
Isalvaw fl-Inċidenti taʼ l-Ajru
“Iktar minn 95% mill-passiġġieri jsalvaw f’inċidenti li jinvolvu l-ajruplani kummerċjali,” tistqarr il-gazzetta Kanadiża National Post. Skond il-Post, mill-istudju li sar mill-Bord għas-Sigurtà fit-Trasport Nazzjonali taʼ l-Istati Uniti rriżulta li l-biċċa l-kbira mill-passiġġieri jsalvaw anki f’“inċidenti serji” li fihom l-ajruplan issirlu ħsara konsiderevoli. Art LaFlamme, id-direttur ġenerali taʼ l-avjazzjoni ċivili fid-dipartiment tat-Trasport Kanadiż, jispjega: “Ħafna mill-inċidenti jsiru waqt li l-ajruplan ikun nieżel jew tielaʼ. Dawn m’humiex it-tip taʼ inċidenti li jissemmew fil-punti ewlenin taʼ l-aħbarijiet, u ħafna minnhom jispiċċaw b’wiċċ il-ġid. Huwa għalhekk li aħna nagħtu importanza kbira għall-istruzzjonijiet tas-sigurtà li jingħataw mill-ekwipaġġ.” Dawk li jivvjaġġaw taʼ spiss ikollhom it-tendenza li ma jagħtux kas l-istruzzjonijiet tas-sigurtà. Imma bħalma qalet rappreżentanta taʼ waħda mil-linji taʼ l-ajru, “huwa importanti ferm li n-nies jagħtu kashom. F’każ taʼ emerġenza, ħajjithom tkun tiddependi minnhom.”
It-Tmiem tal-Musmar
Skond The Toronto Star, il-musmar komuni bla dubju għamlu żmienu. Il-gazzetta tirrapporta li s-suq taʼ l-imsiemer komuni “naqas kważi bin-nofs f’dawn l-aħħar snin.” L-iżvilupp taʼ l-imsiemer pnewmatiċi, jew t’għodod li jaħdmu bl-arja u li jwaħħlu l-imsiemer pnewmatiċi (nail guns), naqqas id-domanda għall-imsiemer komuni fl-Amerika taʼ Fuq. Il-ħwienet li jbigħu oġġetti tal-metall fl-Istati Uniti jirrapportaw li l-bennejja professjonali rari jixtru msiemer komuni, iżda minflok, jagħżlu li jużaw l-għodod li jaħdmu bl-arja u li qed isiru dejjem iżjed eħfef. Il-manifatturi taʼ l-imsiemer komuni għala ma bdewx jipproduċu l-imsiemer pnewmatiċi? “Għall-istess raġuni li l-kumpaniji ferrovjarji ma daħlux għal xogħol mal-linji taʼ l-ajru,” twieġeb l-iStar. “Huwa prodott kompletament differenti.”
Stress Teknoloġiku
Jingħad li l-istress teknoloġiku—id-disperazzjoni li tiġi mill-pressjoni biex jintużaw teknoloġiji ġodda—qed jiżdied, tirrapporta r-rivista Kanadiża Maclean’s. L-istudji jissuġġerixxu li l-kaġun taʼ dan l-istress jistaʼ jkun, fost affarijiet oħra, il-proċess li ma jieqaf qatt taʼ li titgħallem tuża t-teknoloġiji ġodda, u n-nuqqas taʼ li tagħraf id-differenza bejn ix-xogħol u d-dar minħabba l-introduzzjoni taʼ invenzjonijiet ġodda bħall-e-mail, it-trasferimenti awtomatiċi tat-telefonati, u t-telefons ċellulari. Kif tistaʼ tkampa? L-esperti jirrakkomandaw li għandu jkollok limiti. Iddetermina jekk il-fatt li tuża apparat partikulari hux se jagħmillek ħajtek iktar sempliċi inkella hux se jikkomplikahielek iktar. Qis li trid iż-żmien biex titgħallem biżżejjed dwar teknoloġija ġdida biex tkun tistaʼ tibbenefika minnha bis-sħiħ. Toqgħodx tuża t-teknoloġija l-ħin kollu, u iddedika ħin għal affarijiet iktar importanti. “In-nies jibdew il-ġurnata billi jagħmlu l-iżball kbir li jiftħu l-e-mail tagħhom, minflok ma jimxu fuq skeda,” jinnota Dan Stamp, espert tal-produttività minn Vancouver. “L-aħjar siegħa u nofs tal-ġurnata jinħlew fuq affarijiet bla siwi.”
Il-Ħin Quddiem it-TV—Parti mir-Rekord Mediku?
Ir-rekord mediku tat-tfal għandu jinkludi l-ħin li jqattgħu quddiem it-televixin, jirrakkomanda grupp taʼ pedjatriċi fi Spanja. Skond il-gazzetta Spanjola Diario Mèdico, it-tobba jħossu li għandhom ikunu jafu kemm iqattgħu ħin quddiem it-TV il-pazjenti żgħar tagħhom, kif ukoll x’tip taʼ programmi jaraw u maʼ min. Għala? Għaliex l-istħarriġ li sar mill-pedjatriċi wera li meta jqattgħu ħafna ħin quddiem it-televixin, it-tfal jistgħu jadottaw stil taʼ ħajja bil-qiegħda, isiru iktar aggressivi, ikunu jridu dejjem jaraw x’se jixtru, jaqgħu lura fl-iskola, u x’aktarx li ma jkunux jistgħu jgħaddu mingħajr it-TV. “Il-pedjatriċi jagħtu l-parir lill-ġenituri biex ma jdaħħlux it-televixin fil-kamra tas-sodda tat-tfal jew jagħmluh f’xi post fejn [it-tfal] ikunu jistgħu jikkontrollaw x’jaraw,” jgħid ir-rapport. “Iktar minn hekk, it-tfal m’għandhomx jitħallew jaraw it-televixin waqt il-ħin taʼ l-ikel, u l-ġenituri għandhom jillimitaw il-ħin li t-tfal iqattgħu quddiemu għal inqas minn sagħtejn kuljum, għalkemm ikun aħjar jekk ikun inqas minn siegħa.”
Żjieda fil-Kanċer tal-Ġilda
Skond is-servizz taʼ l-aħbarijiet Spanjol El Pais Digital, kien hemm żjieda drammatika fl-iktar tumur tal-ġilda serju, il-melanoma. Sa nofs is-seklu 20, 1 minn kull 1,500 persuna kellu l-melanoma. Imma sas-sena 2000, dan in-numru telaʼ għal 1 minn kull 75 individwu, u dan għaliex kulħadd irid jismar. F’konvenzjoni tas-Soċjetà Ewropea għall-Onkoloġija Medika, il-Professur J. Kirkwood stqarr li 40 fil-mija tat-tumuri tal-melanoma huma marbutin maʼ fatturi ġenetiċi, waqt li s-60 fil-mija l-oħra għandhom x’jaqsmu mal-ħin żejjed li jitqattaʼ fix-xemx. L-iktar milqutin huma n-nisa taʼ bejn it-23 u l-50 sena. Il-Professur Kirkwood spjega li matul it-tfulija u l-adolexxenza, ir-raġġi tax-xemx jistgħu jikkawżaw bidla fiċ-ċelluli li jifformaw il-pigment fil-ġilda, iżda jistgħu jgħaddu ħafna snin qabel ma joħroġ il-kanċer. “Il-ġilda tibqaʼ tiftakar kemm tkun ħadet xemx,” innota Kirkwood.