LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 3/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Ors Polari fil-​Periklu
  • L-​Ewkalipti Jeffettwaw it-​Telefons Ċellulari
  • Trasfużjonijiet tad-​Demm Jistgħu Jikkaġunaw Ħsara fil-​Pulmun
  • Naħal Ivvelenati
  • Tfal Mhux Ċerti X’Inhi l-​Mewt
  • L-​Ewropa Dikjarata Ħielsa mill-​Poljo
  • Nuqqas Kbir taʼ Ilma
  • Mitluq fil-​Baħar għal Erbaʼ Xhur
  • Trasfużjonijiet tad-Demm-Kemm Huma bla Periklu?
    Id-Demm Kif Jista’ Jsalvalek Ħajtek?
  • It-​Trobbija Tan-​Naħal—Storja “Ħelwa”
    Stenbaħ!—1997
  • Insalvaw il-Ħajja bid-Demm—Kif?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Stenbaħ!—2003
g03 3/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

L-​Ors Polari fil-​Periklu

“L-​eżistenza taʼ l-​ors polari tinsab f’periklu kbir minħabba ż-​żjieda fit-​temperatura,” tgħid il-​gazzetta Nassauische Neue Presse fil-​Ġermanja, fuq rapport taʼ studju li għamlet il-​World Wildlife Fund (WWF). Skond id-​WWF, l-​ammont taʼ silġ fil-​baħar Artiku, jew silġ li jifforma f’wiċċ il-​baħar​—il-​post prinċipali fejn jgħix u jikkaċċja l-​ors polari​—qed jonqos minħabba ż-​żjieda fit-​temperatura. L-​esperti jgħidu li t-​temperatura medja taʼ l-​arja fl-​Artiku “żdiedet b’5 gradi [Celsius] f’dawn l-​aħħar 100 sena.” Mhux hekk biss imma, “is-​silġ li jifforma f’wiċċ il-​baħar naqas b’6 fil-​mija f’dawn l-​aħħar 20 sena,” u “nistgħu nistennew li sas-​sena 2050 fis-​sajf is-​silġ f’wiċċ il-​baħar se jonqos b’60 fil-​mija.” Inqas silġ fil-​baħar u perijodi itwal bla silġ jillimitaw l-​opportunitajiet li jkollu l-​ors polari biex jikkaċċja u anki biex jakkumula x-​xaħam li għandu bżonn. L-​iktar li jiġu effettwati huma l-​orsijiet nisa li jkunu tqal u l-​frieħ. F’ċerti postijiet, “lanqas nofs il-​frieħ ma jibqgħu ħajjin minħabba perijodi bla silġ li qed ikomplu jitwalu,” tgħid il-​gazzetta. Problemi oħra li jiffaċċjaw l-​orsijiet huma “l-​kaċċa, il-​kimiċi tossiċi, u t-​tniġġis biż-​żejt.”

L-​Ewkalipti Jeffettwaw it-​Telefons Ċellulari

“F’ħafna partijiet taʼ [l-istat taʼ New South Wales], it-​torrijiet tat-​telefons ċellulari taʼ spiss huma ħafna inqas effiċjenti mit-​torrijiet tat-​telefons ċellulari fl-​Ewropa u l-​Istati Uniti,” tgħid il-​gazzetta Awstraljana Sydney Morning Herald. Il-​problema hija l-​iktar notevoli ħdejn ix-​Xmara Murray fin-​naħa t’isfel taʼ l-​istat. Avolja r-​reġjun huwa relattivament ċatt, “huwa magħruf għal li l-​konversazzjonijiet jispiċċaw fix-​xejn, jew qatt ma jinbdew.” Il-​kaġun, skond ir-​rapport, donnu li hu “l-​postijiet iffollati bil-​pjanti [taʼ l-​ewkaliptus li jissejħu] river red gums li jiksu l-​Murray.” Roger Bamber, direttur taʼ kumpanija tat-​telekomunikazzjoni, “jemmen li hemm xi ħaġa fil-​forma, id-​daqs u l-​ammont taʼ ilma li hemm fil-​weraq taʼ l-​ewkalipti li tippermettilhom jixorbu l-​frekwenzi tar-​radju li joħorġu mit-​telefons ċellulari ħafna aħjar minn siġar oħrajn,” tgħid il-​Herald.

Trasfużjonijiet tad-​Demm Jistgħu Jikkaġunaw Ħsara fil-​Pulmun

“Nies li jieħdu prodotti li jkun fihom id-​demm, partikolarment prodotti li fihom il-​plażma, jistgħu jkunu fir-​riskju li jiżviluppaw ħsara gravi fil-​pulmun konnessa mat-​trasfużjonijiet,” jgħid l-​FDA Consumer, ġurnal taʼ l-​Amministrazzjoni taʼ l-​Ikel u l-​Mediċina fl-​Istati Uniti. Din il-​kundizzjoni tistaʼ twassal għall-​mewt jekk dak li jkun ma jindunax biha u ma jiħux il-​kura xierqa. Din il-​ħsara fil-​pulmun “tistaʼ tiġri meta l-​antibodies taċ-​ċelluli bojod tad-​demm tad-​donatur jirreaġixxu maċ-​ċelluli bojod tad-​demm tar-​reċipjent, u tikkaġuna bidla fit-​tessuti tal-​pulmun li tħalli l-​fluwidu jidħol. Il-​maġġuranza tad-​donaturi involuti f’din il-​kundizzjoni huma nisa li għandhom iktar minn żewġt itfal jew donaturi li kellhom diversi trasfużjonijiet tad-​demm.” Is-​sintomi “jinkludu li wieħed jitlagħlu d-​deni, jaqbdu qtugħ taʼ nifs, u tinżillu l-​pressjoni tad-​demm. L-​eksrejs ġeneralment juru l-​pulmun [taʼ dak li jieħu trasfużjoni] bħala kompletament abjad.”

Naħal Ivvelenati

“Inkunu nistgħu nieklu għasel minn Franza sa għaxar snin oħra?” tistaqsi r-​rivista Franċiża Marianne. Miljuni taʼ naħal qed jinqatlu bil-​velenu kull rebbiegħa, u minħabba f’hekk l-​ammont t’għasel magħmul madwar il-​pajjiż naqas minn 45,000 tunnellata fl-​1989 għal 16,000 tunnellata fl-​2000. F’ġimgħa waħda, raġel li jrabbi n-​naħal tilef 450 doqqajs​—22 miljun naħla! Ħafna minn dawk li jipproduċu l-​għasel jagħtu t-​tort lil kimiċi taʼ l-​agrikultura bħall-​pestiċidi, speċjalment dawk il-​prodotti li huma orħos u iktar qawwijin li jiġu importati illegalment. Xi bdiewa saħansitra żiedu żejt tal-​magni użat jew bliċ mal-​kimiċi tagħhom għall-​effett akbar! Jekk ma jsir xejn, “hemm riskju li l-​għasel minn Franza se jkun sempliċement xi ħaġa tal-​folklor,” tgħid Marianne.

Tfal Mhux Ċerti X’Inhi l-​Mewt

“Ladarba xi ħadd imut, taħseb li dik il-​persuna tistaʼ terġaʼ tingħata l-​ħajja?” Il-​professur Hiroshi Nakamura mill-​Università Ġappuniża tan-​Nisa, staqsa din il-​mistoqsija lil 372 student fis-​sitt sena taʼ l-​iskola primarja. Terz qalu iva, u terz ieħor qalu li ma kinux ċerti, tirrapporta l-​gazzetta Sankei Shimbun f’Tokjo. “Din l-​idea forsi bdiet minħabba logħob tal-​kompjuter fejn, anki jekk l-​eroj imut, kulma għandek tagħmel hu li tagħfas buttuna biex terġaʼ tibda kollox mill-​bidu,” tgħid il-​gazzetta. Skond il-​professur, dan l-​istħarriġ “juri li ħafna studenti, anki dawk fis-​sitt sena taʼ l-​iskola primarja, m’għandhomx fehma korretta taʼ x’verament tfisser il-​mewt.” Hu jissuġġerixxi li l-​ġenituri jgħallmu lil uliedhom dwar il-​mewt billi jħalluhom jesperjenzaw il-​mewt taʼ xi annimal domestiku u billi jżuru wħud mill-​familja li qed imutu.

L-​Ewropa Dikjarata Ħielsa mill-​Poljo

Għal dawk it-​870 miljun persuna fir-​Reġjun Ewropew, il-​fatt li f’Ġunju 2002 dan ir-​reġjun ġie ċertifikat li huwa ħieles mill-​poljo huwa “l-​iktar pass importanti fis-​saħħa pubblika fil-​millennju l-​ġdid,” tgħid l-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa. Ir-​Reġjun Ewropew, li fih 51 stat bħala membru, “ilu ħieles minn poljomelite taʼ l-​Ewropa għal iktar minn tliet snin.” Dan ir-​riżultat huwa l-​aqwa ħaġa li twettqet fi proġett li dam 14-il sena biex jeqred għalkollox il-​poljo permezz taʼ kampanji koordinati taʼ tilqim nazzjonali. Il-​marda diġà ġiet meqruda kompletament fl-​Amerika taʼ Fuq u t’Isfel u fil-​Paċifiku tal-​Punent. Kaġunata minn virus li jattakka s-​sistema nervuża, il-​poljo tittieħed malajr u tistaʼ tikkaġuna paralisi totali u anki mewt. Fil-​preżent, wieħed jistaʼ jilqgħalha minn qabel imma jekk taqbdu m’hemmx fejqan għaliha.

Nuqqas Kbir taʼ Ilma

“Iktar minn nofs il-​popolazzjoni tad-​dinja se tiġi effettwata minn nuqqas taʼ ilma sas-​sena 2032, u dan se jikkaġuna konsegwenzi ħorox għas-​saħħa, sakemm ma jittiħdux passi minnufih,” jgħid il-​BMJ (li qabel kien il-​British Medical Journal). F’rapport mill-​Ġnus Magħquda nstab li għalkemm in-​numru taʼ dawk li qed igawdu ilma aħjar “żdied minn 4.1 biljuni fl-​1990 għal 4.9 biljuni fl-​2000, imma 1.1 biljun ruħ f’pajjiżi li qed jiżviluppaw għad m’għandhomx aċċess għal ilma tajjeb għax-​xorb. Total taʼ 2.4 biljun ruħ bħalissa m’għandhomx faċilitajiet sanitarji xierqa.” Dan irriżulta f’“erbaʼ biljun każ taʼ dijarea u 2.2 miljun mewta kull sena,” biex ma nsemmux is-​sofferenzi kaġunati minn dud fl-​imsaren, l-​ischistosomiasis (marda kaġunata minn dudu parassitiku fil-​vini tad-​demm), u t-​trakoma.

Mitluq fil-​Baħar għal Erbaʼ Xhur

Tauaea Raioaoa, sajjied taʼ 56 sena, baqaʼ ħaj wara li kien mitluq fil-​baħar għal erbaʼ xhur fl-​Oċean Paċifiku tan-​Nofsinhar, jgħid rapport fil-​gazzetta minn Taħiti Les Nouvelles de Tahiti. Hu telaq minn Taħiti fil-​15 taʼ Marzu, 2002, “bid-​dgħajsa ħadra żgħira tiegħu li kienet twila 8 metri, u li kienet imsemmija ‘Tehapiti,’ però hu kellu ħsara fil-​magna ftit ’il bogħod mill-​kosta taʼ Taħiti.” Wara li d-​dgħajsa mxiet waħedha għal xi 1,200 kilometru, ġie salvat ħdejn Aitutaki, waħda mill-​Gżejjer Cook, fl-​10 taʼ Lulju, u sa dakinhar kien naqas iktar minn 20 kilo fil-​piż minn meta telaq. Bħala sajjied taʼ l-​esperjenza u li moħħu jilħaqlu, Raioaoa baqaʼ ħaj billi “kiel ħut nej jew niexef u billi ġabar ix-​xita ġo barmil u kaxxa tas-​silġ.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja