Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għandhom il-Kristjani Jkunu Kollha l-Istess biex Ikunu Magħqudin?
ILLUM ir-reliġjon tidher li hija mimlija firda. Anki fi ħdan knisja waħda, in-nies jistgħu jkollhom għadd taʼ twemmin kontra xulxin fejn jidħlu d-duttrina u l-imġiba. Awtriċi waħda poġġietha hekk: “Saħansitra huwa diffiċli biex issib tnejn min-nies li jemmnu preċiżament fl-istess Alla. Daż-żmien, jidher li kull bniedem għandu t-teoloġija tiegħu stess.”
B’kuntrast kbir maʼ dan, l-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu f’Korintu biex ‘jaqblu fi kliemhom’ u biex ‘ikunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda.’ (1 Korintin 1:10) Xi wħud illum jikkritikaw it-twissija taʼ Pawlu. ‘In-nies huma differenti,’ jibdew jgħidu, ‘u huwa ħażin li tesiġi li l-Kristjani kollha jaħsbu jew jaġixxu bħal xulxin.’ Imma fil-fatt kien Pawlu qiegħed jissuġġerixxi ubbidjenza bħal taʼ robot? Il-Bibbja tippermetti libertà persunali?
Magħqudin, Mhux l-Istess
F’ittra oħra minn tiegħu, Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani biex jaqdu lil Alla bil-“qawwa tar-raġuni” tagħhom. (Rumani 12:1, NW) Mela żgur li hu ma kienx qed jipprova jbiddel lill-membri tal-kongregazzjoni taʼ Korintu fi bnedmin li jaħdmu bħal magna. Imma għalfejn qalilhom biex ‘ikunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda’? Pawlu ta dan il-parir għaliex il-kongregazzjoni f’Korintu kienet għaddejja minn problema serja. Kienu żviluppaw partiti, tant li xi wħud bdew iqisu lil Apollo bħala l-mexxej tagħhom waqt li oħrajn ippreferew lil Pawlu jew lil Pietru jew inkella żammew biss maʼ Kristu. Firda bħal din kienet serja, għax kienet qed thedded il-paċi tal-kongregazzjoni.
Pawlu ried lill-Korintin ‘iżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem,’ eżatt bħalma wissa iktar tard lill-Kristjani f’Efesu. (Efesin 4:3) Hu kien qed jinkuraġġixxi lill-aħwa biex isegwu lil Ġesù Kristu magħqudin flimkien, biex ma jkunux maqsumin fi gruppi mifrudin, jew setet. B’hekk, huma setgħu jgawdu skop wieħed fil-paċi. (Ġwann 17:22) Għalhekk, il-parir taʼ Pawlu lill-Korintin sewa biex iġib il-ħsieb tagħhom f’postu u jippromwovi l-għaqda, u mhux li kollha jkunu l-istess bħal xulxin.—2 Korintin 13:9, 11.
L-għaqda hija importanti wkoll fejn tidħol id-duttrina. Dawk li jimxu fil-passi taʼ Ġesù jirrealizzaw li fil-fatt “fidi waħda” hemm, bħalma hemm biss “Alla wieħed u Missier.” (Efesin 4:1-6) Għalhekk, il-Kristjani jkunu ċerti li dak li jemmnu jkun fi qbil mal-verità li Alla wera fil-Kelma tiegħu dwaru nnifsu u dwar l-iskopijiet tiegħu. Huma magħqudin fit-twemmin tagħhom dwar min hu Alla u x’jitlob minna. Ukoll huma jgħixu fi qbil mal-livelli morali ċari mniżżlin fil-Kelma t’Alla. (1 Korintin 6:9-11) B’dan il-mod, il-Kristjani jibqgħu magħqudin, kemm fid-duttrina kif ukoll fil-morali.
Nittrattaw man-Nuqqas taʼ Qbil
Madankollu, dan ma jfissirx li kull Kristjan jintqallu bl-eżatt kif għandu jaħseb jew xi jrid jagħmel fis-sitwazzjonijiet kollha tal-ħajja. F’ħafna każi tkun trid tagħmel għażla persunali. Ikkunsidra eżempju wieħed. Għadd taʼ Kristjani taʼ l-ewwel seklu f’Korintu kellhom xi dubji dwar li jieklu laħam li setaʼ kien ġej minn tempju taʼ xi idolu. Xi wħud kellhom l-opinjoni soda li jekk tiekol mil-laħam tkun qisek qed tagħmel att taʼ qima falza, filwaqt li oħrajn ħassew li minfejn jiġi l-laħam ma kienx importanti. Meta kien qed jittratta maʼ din il-kwistjoni sensittiva, Pawlu m’għamilx xi regola li tgħid lill-Kristjani x’kellhom jagħmlu. Minflok, hu għaraf li setgħu jittieħdu deċiżjonijiet differenti fuq dan il-każ.a—1 Korintin 8:4-13.
Illum, il-Kristjani jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jkunu differenti minn dawk taʼ Kristjani oħrajn fi kwistjonijiet bħal xogħol, saħħa, rikreazzjoni, jew xi aspett ieħor li jinvolvi għażla persunali. Din il-varjetà fl-għażliet tistaʼ tfixkel lil xi wħud. Jistgħu jitħassbu jekk opinjonijiet differenti jistgħux iwasslu għal tilwim jew firdiet fil-kongregazzjoni. Madankollu, riżultat bħal dan ma jistax jiġi evitat għalkollox. Biex nagħtu eżempju: Il-kompożituri tal-mużika għandhom biss numru limitat taʼ noti biex jaħdmu bihom, imma l-possibbiltajiet li għandhom biex jagħmlu mużika li tgħaxxaq ma jispiċċaw qatt. Bl-istess mod, il-Kristjani jagħmlu għażliet fil-limiti tal-prinċipji mogħtijin minn Alla. Madankollu, għandhom ammont taʼ libertà għall-għażla meta jiġu biex jagħmlu deċiżjonijiet persunali.
Kif tistaʼ żżomm l-għaqda Kristjana waqt li tirrispetta l-għażliet individwali? Iċ-ċavetta hija l-imħabba. L-imħabba għal Alla tqanqalna biex minn jeddna nobdu l-kmandamenti tiegħu. (1 Ġwann 5:3) L-imħabba għal sħabna l-bnedmin tqanqalna biex nirrispettaw id-dritt li għandhom l-oħrajn biex jieħdu deċiżjonijiet skond il-kuxjenza tagħhom fi kwistjonijiet persunali. (Rumani 14:3, 4; Galatin 5:13) Pawlu ħalla eżempju mill-aħjar f’dan l-aspett meta hu qagħad għall-awtorità tal-ġemgħa li tiggverna taʼ l-ewwel seklu fi kwistjoni li tinvolvi d-duttrina. (Mattew 24:45-47; Atti 15:1, 2) Fl-istess ħin, hu inkuraġġixxa lil kulħadd biex jirrispetta l-kuxjenza taʼ sħabu l-Kristjani fi kwistjonijiet li tħallew għal deċiżjoni persunali.—1 Korintin 10:25-33.
Biċ-ċar, ħadd ma jrid jiġi kundannat għax jieħu deċiżjoni skond il-kuxjenza li ma tkunx f’konflitt mal-prinċipji tal-Bibbja. (Ġakbu 4:12) Min-naħa l-oħra, Kristjani leali ma jinsistux fuq id-drittijiet persunali tagħhom b’dannu għall-kuxjenzi t’oħrajn jew għall-għaqda fil-kongregazzjoni. Lanqas m’għandhom jgħidu li għandhom il-libertà biex jagħmlu xi ħaġa projbita b’mod ċar mill-Kelma t’Alla. (Rumani 15:1; 2 Pietru 2:1, 19) L-imħabba għal Alla għandha tqanqalna biex inġibu l-kuxjenza tagħna fi qbil maʼ kif jaħsibha Alla. Imbagħad, dan se jżommna magħqudin maʼ sħabna fit-twemmin.—Lhud 5:14.
[Nota taʼ taħt]
a Per eżempju, huwa possibbli li xi wħud likienu jaduraw lill-idoli qabel ma saru Kristjani ma setgħux jagħrfu d-differenza bejn li wieħed jiekol il-laħam u li jagħmel att taʼ qima. Tħassib ieħor tajjeb setaʼ kien li Kristjani iktar dgħajfa spiritwalment setgħu jieħdu impressjoni ħażina u jitfixklu.