Bħal Raġġi tal-Qamar tal-Kristall
F’April tas-sena 2000, ħaddiema tal-minjieri viċin Chihuahua, il-Messiku, fetħu mina taʼ madwar 300 metru taħt l-art permezz taʼ splużjoni waqt li kienu qed ifittxu metalli prezzjużi. Hekk kif Eloy Delgado, li għandu 40 sena, kien qed jitkaxkar minn ġo fetħa żgħira, hu wasal ġo għar li kien mimli kristalli ġganteski trasparenti. “Kienu verament sbieħ,” qal hu, “bħal dawl li jirrifletti minn mera mkissra.” Xi ħadd ieħor qal li kien bħallikieku ‘r-raġġi tal-qamar f’salt wieħed saru solidi.’
Huwa maħsub li dawn il-kristalli huma l-akbar fid-dinja. Xi wħud huma daqs is-siġar taʼ l-arżnu, huma twal madwar 15-il metru u jiżnu madwar għaxar tunnellati! “Meta tara kristalli li huma tant kbar u perfetti tibqaʼ mistagħġeb ferm,” jgħid Jeffrey Post, li huwa responsabbli tal-minerali fis-Smithsonian Institution f’Washington, D.C. Hu qal li ħafna mill-kristalli tad-dinja huma tant żgħar li joqogħdu fuq il-pala taʼ idek.
Meta ddeskriviet kif jifformaw dawn il-kristalli, ir-rivista Smithsonian t’April 2002 irrapportat: “L-ilma taħt l-art li hemm f’dawn l-għerien hu mimli kubrit li jiġi mill-metall miġmugħ fil-viċin. L-ilma beda jdewweb il-ħitan tal-ġebla tal-ġir, u b’hekk ħarġu kwantitajiet kbar taʼ kalċju. Dan il-kalċju, min-naħa l-oħra, tħallat mal-kubrit u fformaw kristalli fuq skala li l-bniedem qatt ma ra bħalha.”
Għalkemm it-temperatura u l-umdità ġo l-għerien huma ideali għall-kristalli, għall-bniedem huma kefrin. It-temperatura tkun madwar 65 grad Celcius, u l-umdità, 100 fil-mija. L-esploratur Richard Fisher, l-ewwel wieħed mill-Amerika taʼ Fuq li żar dawn l-għerien, qal: “Meta tidħol ġo l-għar il-kbir tkun qisek dħalt ġo forn jaħraq ħafna.” Hu jżid li persuna tistaʼ tkampa f’dawn il-kundizzjonijiet għal madwar sitt jew għaxar minuti biss. Wara dan, is-sħana u l-umdità jkunu wisq biex tissaportihom.
L-iskoperta taʼ dawn il-kristalli kbar hija tfakkira oħra tal-ġmiel u l-abbundanza meraviljuża li għandha d-dinja. Jistaʼ jkun li għadna lanqas biss rajna l-ġid kollu li fiha d-dinja. Ma taqbilx int mas-salmista li qal: “Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej! Kollha bl-għerf għamilthom; mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek”?—Salm 104:24.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 16]
Ir-ritratti kollha: © Richard D. Fisher