Krema Kontra L-Insetti għax-Xadini!
L-FORESTI tropikali tal-Venezwela huma d-dar taʼ xadini intelliġenti ħafna msejħin ċebu. Dawn għandhom rashom ġejja għall-ponta. Meta jasal l-istaġun tax-xita fuq il-ġungla li hija d-dar tax-xadini, tasal xi ħaġa oħra wkoll—sħaba taʼ nemus bla ħniena. Barra li jdejquk, dawn l-insetti invażuri huma wkoll perikolużi. Huma ħafna drabi jġorru l-bajd tal-qurdien u jħalluhom taħt il-ġilda tax-xadini. Dawn jirriżultaw f’nuffati bil-materja li jħallu lix-xadini bla saħħa.
Milli jidher, sabiex jipproteġu ruħhom minn dan l-attakk, dawn ix-xadini jiksu lilhom infushom bi krema naturali qawwija għal kontra l-insetti—sustanza li toħroġ minn tip taʼ ċentupied tal-ġungla. Dawn iċ-ċentupiedi joħorġu żewġ tipi taʼ sustanzi li huma effettivi kontra l-insetti. Fil-fatt, dawn is-sustanzi huma iktar b’saħħithom minn kremi li għamel il-bniedem stess u li jintużaw mill-militar!
Għalhekk fl-istaġun tax-xita, dawn ix-xadini joqogħdu jfittxu ċ-ċentupied, li hu 10 ċentimetri twil, fiz-zkuk tas-siġar jew fil-bejtiet tan-nemel abjad. Meta xi xadina ssib xi ċentupied, hi togħrku fuqha kollha—minn rasha sa saqajha. Din is-“sustanza tant hi mfittxija mix-xadini li madwar erbgħa minnhom jużaw l-istess ċentupied,” jgħid il-Journal of Chemical Ecology. Anki l-ordni taʼ min suppost jiġi l-ewwel, li huwa evidenti x’ħin jiġi ħin l-ikel u anki f’okkażjonijiet oħra, jitwarrab meta x-xadini jsibu xi ċentupied biex jogħrkuh fuqhom.
[Stampa f’paġna 15]
Is-sustanza li toħroġ miċ-ċentupied
[Sors]
Thomas Eisner/Cornell University
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 15]
Dr. Zoltan Takacs