Id-Dinja Affaxxinanti taʼ l-Insetti
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FI SPANJA
INT għalik l-insetti ma jeżistu għal xejn ħlief biex jirritawk u jdejquk? Tixtieq li xi darba d-dinja tkun meħlusa minn dawn il-kreaturi hekk tedjanti? Kieku tagħti l-lala taqbad u tisprejjalhom, tgħaffiġhom jew tirfishom maʼ kull opportunità li jkollok? Qabel ma tiddikjara gwerra kontra kull ħaġa b’sitt saqajn li tiġi quddiem għajnejk, għala ma tipprovax titgħallem xi ħaġa dwarhom? Wara kollox, b’popolazzjoni taʼ 200,000,000 insett għal kull bniedem, ibqaʼ fiċ-ċert li l-insetti hawn se jibqgħu, maʼ wiċċna!
Jekk biss tagħti daqqa t’għajn lejn xi ftit minn dawn il-kreaturi affaxxinanti, għandu mnejn li dan jikkonvinċik li l-insetti jixirqilhom li nirrispettawhom.
Esperti fit-Titjir, Impressjonanti fil-Vista
Ħafna insetti huma esperti fit-titjir. Ikkunsidra xi eżempji. In-nemus jistaʼ jtir taʼ taħt fuq. Xi wħud jistgħu wkoll itiru fix-xita mingħajr ma biss jixxarrbu—iva, infatti jittajru b’ħeffa kbira minn bejn qatra u oħra! Xi żnażan u naħal tropikali jżanżnu ’l hawn u ’l hemm b’veloċità li tilħaq it-72 kilometru fis-siegħa. Farfett monarka taʼ l-Amerka taʼ Fuq irreġistra 3,010 kilometri f’titjira emigratorja li għamel. Id-dubbiena tal-fjuri tistaʼ tħabbat ġwinħajha għal iktar minn elf darba fis-sekonda—ħafna iktar veloċi mill-hummingbirds. Il-mazzarell (jew kif isibuh ħafna, il-ħelikopter) jistaʼ jtir b’lura, fatt li qajjem il-kurżità—u studju mill-qrib—min-naħa tar-riċerkaturi.
Jekk qatt xi darba pprovajt tgħaffeġ jew taqbad xi dubbiena, taf sew kemm dawn l-insetti għandhom vista eċċezzjonali, u fl-istess ħin għandhom riflessi li huma mgħaġġlin għaxar darbiet iktar minn tagħna. Taʼ interess, id-dubbiena għandha għajn komposta, li hija magħmula minn eluf taʼ lentijiet b’sitt iġnieb, u kull waħda minn dawn taħdem b’mod indipendenti. B’hekk, x’aktarx li l-vista tad-dubbiena hija maqsuma f’biċċiet żgħar.
Xi insetti jistgħu jaraw id-dawl ultravjola, dawl li huwa inviżibbli għall-bnedmin. B’hekk, farfett abjad li jidher ċass f’għajnejna huwa kollox barra ċass f’għajnejn farfett raġel. Tabilħaqq, meta tarahom fid-dawl ultravjola, il-friefet nisa għandhom disinni attraenti li huma ideali biex jattiraw l-attenzjoni taʼ l-irġiel interessati.
L-għajnejn taʼ ħafna insetti jservu bħala boxxla. In-naħal u ż-żnażan, per eżempju, jistgħu jindunaw bil-livell tad-dawl polarizzat, u dan jagħtihom il-kapaċità li jillokalizzaw il-pożizzjoni tax-xemx fis-sema—saħansitra meta din tkun mgħottija bis-sħab. Grazzi għal din l-abbiltà, dawn l-insetti jistgħu jmorru jfittxu l-ikel ’il bogħod mill-bejtiet tagħhom u xorta jsibu t-triq lura lejn darhom mingħajr ma jieħdu żball.
L-Imħabba Ttir mar-Riħ
Fid-dinja taʼ l-insetti, il-ħsejjes u l-irwejjaħ taʼ spiss jiġu wżati għan-namur—mhux la kemm jirnexxilek meta ħajtek tkun twila biss xi ftit ġimgħat u s-sieħeb jew sieħba prospettivi jkunu ftit u mbegħdin.
Il-baħrija imperatriċi mara ssib in-namrat tagħha billi titfaʼ riħa li tant hi qawwija li r-raġel jistaʼ jxommha u jinġibed lejha minn 11-il kilometru ’l bogħod. L-antenni sensittivi tiegħu jistgħu jindunaw saħansitra b’molekula waħda taʼ din ir-riħa.
Il-grillijiet, il-ġradijiet, u l-iwrieżaq taʼ bi nhar jippreferu jsemmgħu leħinhom. Saħansitra aħna l-bnedmin nistgħu nisimgħu l-għajta tal-werżieq amoruż, hekk kif ġismu jivvibra l-ħoss li jagħmel. Grupp kbir taʼ wrieżaq li jkunu qed jinnamraw jistgħu joħolqu ħoss li jkun ħafna iktar għoli minn dak taʼ ġakkħamer! B’kuntrast, xi wħud min-nisa lanqas biss jagħmlu ħoss.
Kif Iqumu u kif Iżommu Sħan
Għall-bnedmin li jgħixu fi klima friska, li jibqgħu sħan huwa importanti. L-istess huwa minnu għall-insetti li għandhom demm biered u li kull fil-għodu jqumu prattikament iffriżati. B’hekk ix-xemx hija seħbithom, u huma jaraw kif jagħmlu biex jintefgħu jilagħquha kull mument li jkollhom.
Waqt is-sigħat bikrin taʼ fil-għodu, l-insetti li jtiru u l-ħanfus jiġu attirati mill-fjuri jew weraq li jkunu għax-xemx. Ċertu tip taʼ ħanfus jintefaʼ fuq il-ġilju Awstraljan taʼ l-ilma, fjuri li jaħdmu qishom xi forn botaniku, billi jsaħħnu ż-żahra tagħhom sa 20 grad Celsius iktar mit-temperatura taʼ l-ambjent fejn ikunu. B’kuntrast, il-friefet għandhom sistema ġo fihom li ssaħħanhom. Meta jkunu jridu jisħnu, huma jiftħu ġwinħajhom lejn ix-xemx, u dawn iservu bħallikieku kienu xi solar panels.
Dawn l-Insetti Kollox Jagħmlu!
Fid-dinja taʼ l-insetti, kważi kull speċi għandha rwol differenti, b’xi wħud minn dawn kemxejn strambi. Xi baħrijiet, per eżempju, ifittxu l-melħ u l-ilma tant bżonnjużi għal ħajjithom, billi jixorbu d-dmugħ tal-bufli. Insetti oħra, li huma armati b’sustanzi li jgħinuhom biex ma jiffriżawx, jgħixu fuq il-qċaċet iffriżati tal-muntanji u jqattgħu ħajjithom jieklu insetti oħrajn li jkunu mietu bil-kesħa.
Eluf taʼ snin ilu, l-għaref Sultan Salamun osserva li n-nemla hija partikolarment bieżla. “Mur għand in-nemla, ja għażżien, ara kif tgħix, u tgħallem minnha. M’għandhiex min hu fuqha, la għassies u lanqas ħâkem; madankollu taħżen ikilha fis-sajf, tħejji għajxienha fi żmien il-ħsad.” (Proverbji 6:6-8) In-nuqqas taʼ ħâkem hija xi ħaġa verament taʼ l-għaġeb meta tikkunsidra li xi kolonji taʼ nemel jammontaw għal iktar minn 20 miljun! Madankollu din il-“belt kbira” taʼ insetti tiffunzjona perfettament, b’kull nemla twettaq ix-xogħol speċifiku tagħha, sabiex il-kolonja kollha kemm hi tiġi provduta bl-ikel, bil-protezzjoni, u bl-akkomodazzjoni.
Forsi l-iktar eżempju impressjonanti t’akkomodazzjoni huma l-kolonni taʼ ħamrija li jagħmlu t-termiti (nemel abjad). Xi wħud minn dawn l-għoljiet tal-ħamrija jkunu 7.5 metri għoljin.a Dawn il-meravilji taʼ kostruzzjoni huma mgħammrin b’sistema taʼ arja kundizzjonata sofistikata kif ukoll ġonna taʼ faqqiegħ taħt l-art. Xi ħaġa taʼ l-iskantament huwa l-fatt li t-termiti li jibnu dawn il-piramidi hekk għoljin huma għomja!
Għala Għandna Bżonn l-Insetti
L-insetti għandhom parti vitali fil-ħajja taʼ kuljum tagħna. Tabilħaqq, madwar 30 fil-mija taʼ l-ikel li nieklu jiddependi mid-dakkir li jsir min-naħal, il-parti l-kbira minnhom naħal salvaġġ. Imma d-dakkir huwa biss wieħed mix-xogħlijiet siewja li jagħmlu l-insetti. L-insetti jżommu l-ħamrija nadifa permezz taʼ sistema effiċjenti taʼ riċiklaġġ, ladarba huma jirriproċessaw il-pjanti u l-annimali li jmutu. B’hekk, il-ħamrija ssir iktar sinjura, u n-nutrijenti li jiġu liberati jistgħu jgħinu lil pjanti oħrajn jikbru. “Mingħajr l-insetti,” jikteb l-entomologu Christopher O’Toole fil-ktieb tiegħu Alien Empire, “aħna nispiċċaw mgħarrqa fil-fdal taʼ annimali u pjanti mejtin.”
In-nuqqas taʼ l-insetti jinħass sewwa meta xogħolhom ma jsirx. Ikkunsidra x’ġara fl-Awstralja, li llum saret post mimli b’miljuni taʼ baqar. Il-merħliet mingħajr dubju jħallu d-demel kull fejn imorru. Minbarra li ma jidher xejn sabiħ, id-demel sar post fejn setgħet titkattar u tikber id-dubbiena tal-bush—li ma hi tajba xejn, kemm għall-bniedem kif ukoll għall-bhejjem. Għalhekk il-ħanfusa tad-demel kellha tiġi importata mill-Ewropa u l-Afrika. U l-problema ġiet solvuta!
Ħbieb jew Għedewwa?
Irridu nammettu li xi insetti jagħmlu ħafna ħsara lill-prodotti tar-rabaʼ u jġorru l-mard. Imma madwar 1 fil-mija biss taʼ l-insetti tad-dinja jiġu kunsidrati bħala taʼ ħsara, u ħafna minn dawn iktar jagħmlu ħsara minħabba l-mod kif il-bniedem innifsu biddel l-ambjent. In-nemusa li ġġorr il-malarja, per eżempju, rari ddejjaq lin-nies tal-post, dawk li jgħixu fil-foresti ekwatorjali. Madankollu, bliet li jkunu fil-viċin tal-foresti tħarbathom, minħabba l-ilma qiegħed li jkun hemm fihom.
Taʼ spiss, il-bniedem jistaʼ jikkontrolla l-insetti li jġibu l-ħsara fuq ir-rabaʼ b’mod naturali, billi jew kull tant żmien ibiddel it-tip taʼ ħxejjex li jkabbar jew billi jintroduċi jew jippreserva predaturi naturali. Naqra taʼ nannakola jew insett tal-bizzilla jistgħu b’mod effettiv jikkontrollaw il-mard kaġunat mill-afidi (il-briegħed tal-pjanti). U fl-Asja tax-Xlokk, ħaddiema tas-saħħa pubblika skoprew li żewġ larvi tal-mazzarell setgħu jżommu reċipjent mimli ilma ħieles mil-larvi tan-nemus.
Mela anki jekk nikkalkulaw l-iżvantaġġi kollha, l-insetti huma parti integrali mid-dinja naturali li aħna niddependu minnha. Kif jgħid Christopher O’Toole, filwaqt li l-insetti jistgħu jgħaddu mingħajrna, “aħna ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom.”
[Nota taʼ taħt]
a Għall-bniedem, l-ekwivalenti jkun bini għoli iktar minn 9 kilometri.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 16, 17]
METAMORFOSI—Dehra Ġdida, Ħajja Ġdida
Xi insetti jagħmlu bidla totali fid-dehra tagħhom permezz taʼ proċess li jissejjaħ metamorfosi—kelma li letteralment tfisser “bidla fid-dehra.” Il-bidla tistaʼ tkun waħda impressjonanti. Dudu jinbidel f’dubbiena, xagħat isir farfett, u larva li tgħix fl-ilma tinbidel f’mazzarell li jtir. Mijiet t’eluf taʼ insetti jgħaddu mill-metamorfosi.
Biex issir din it-trasformazzjoni—li nistgħu nqabbluha maʼ li tikkonverti ferrovija f’ajruplan—ikollu jsir tibdil immens ġol-ġisem taʼ l-insett. Ikkunsidra l-farfett, per eżempju. Waqt li x-xagħat ikun inattiv fil-fosdqa, ħafna min-nisġiet taċ-ċelluli jew mill-organi tal-ġisem taʼ qabel jispiċċaw u jiżviluppaw sett komplet taʼ organi adulti ġodda—bħal ġwienaħ, għajnejn, u antenni.
Taʼ spiss, din il-bidla tinvolvi bidla fil-mod taʼ ħajja. Per eżempju, waqt li jkun fl-istadju taʼ larva, il-mazzarell jaqbad ħut żgħir jew imrieżeb (tadpoles), imma meta jsir adult li jtir, jaqleb għal dieta taʼ l-insetti. Dan huwa ekwivalenti għal bniedem li jgħix l-ewwel 20 sena taʼ ħajtu jgħum fil-baħar u l-bqija taʼ ħajtu jtir ’l hawn u ’l hemm qisu għasfur.
Setgħet l-evoluzzjoni tidderieġi dawn it-trasformazzjonijiet inkredibbli? Kif setaʼ jitfaċċa xagħat li jkun programmat biex jittrasforma ruħu f’farfett? Meta niġu f’dan, x’ġie l-ewwel—ix-xagħat jew il-farfett? Wieħed ma jistax jeżisti mingħajr l-ieħor, għax il-farfett biss jirriproduċi u jbid il-bajd.
Bla dubju taʼ xejn, il-proċess tal-metamorfosi jagħtina evidenza konvinċenti taʼ Disinjatur Prim, il-wieħed li l-Bibbja tidentifikah bħala l-Ħallieq taʼ kollox, dak Alla li Jistaʼ Kollox.—Salm 104:24; Apokalissi 4:11.
[Stampi]
Hekk kif joħroġ mill-fosdqa, il-farfett tal-bużbież jiftaħ ġwinħajh
[Stampi f’paġna 18]
Fuq: Għawwâr Dehbi
Fuq, in-naħa tal-lemin: Żabbella miksija bin-nida waqt li qed tipprova tisħon
Lemin imbiegħed: Buqarn kbir taʼ l-Afrika
[Stampa f’paġna 18]
Ġurad b’qarn żgħir taʼ l-Afrika
[Stampa f’paġna 18]
Dubbiena taż-żwiemel