Qiegħed il-Kafè Jgħollilek il-Livell tal-Kolesterol?
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-BRAŻIL
RIĊERKATURI fl-Università Agrikola taʼ Wageningen, fl-Olanda, qegħdin jgħidu li jekk tixrob kafè mhux filtrat se jogħlielek il-livell tal-kolesterol.
Il-frażi kruċjali hija “mhux filtrat.” Għala? Research Reports, bulettin mill-Organizzazzjoni Olandiża għar-Riċerka Xjentifika, jgħid li l-kafè mhux mitħun fih sustanza msejħa kafestol li żżid il-kolesterol. Il-kafestol joħroġ meta jintefaʼ l-misħun direttament fuq il-kafè mitħun. L-istess huwa minnu meta kafè mitħun fin jiġi mgħolli fl-ilma għal diversi drabi, bħal fil-każ tal-kafè Tork jew meta jintuża filter tal-metall minflok wieħed tal-karti, bħal fil-każ tal-kafettiera li tippressa l-kafè mitħun, l-hekk imsejħa French press. Mingħajr filter tal-karti, il-kafestol jispiċċa f’dak li tkun se tixrob.
Kikkra kafè mhux filtrat, li jistaʼ jkun fiha sa 4 milligrammi taʼ kafestol, tistaʼ ġġiegħel il-livell tal-kolesterol jogħla madwar 1 fil-mija. Anki l-espresso jkun fih il-kafestol, ladarba jsir mingħajr filter tal-karti. Madankollu, l-effett li għandu li jgħolli l-kolesterol ikun inqas jekk tuża kikkra tal-kafè żgħira. Inqas espresso, inqas kafestol—forsi xejn iktar minn milligramma jew tnejn kull kikkra. Madankollu, Research Reports iwissi li ħames kikkri żgħar taʼ espresso kuljum jistgħu jżidu l-livell tal-kolesterol fil-ġisem bi 2 fil-mija.
Il-punt taʼ dan kollu huwa li kafè magħmul b’filter tal-karti ma fihx kafestol.