Espresso L-Essenza Tal-Kafè
‘Sewwa kieku l-kafè għandu togħma tajba daqs kemm għandu r-riħa tfuħ!’ Qatt għedt hekk int? Allura għandu mnejn li tkun trid tipprova l-“caffè espresso.” L-esperti jsejħulu “l-aqwa kafè” u “l-itjeb kafè li qatt tistaʼ dduq.”
DOQTU xi darba l-espresso? Forsi bqajt impressjonat b’kemm hu magħqud u bit-togħma rikka li għandu. Mill-banda l-oħra, għandu mnejn iddeċidejt: ‘Dan il-kafè mhux kif inħobbu jien. Mhux taʼ b’xejn jiġi servut f’kikkra miż-żgħarnett—min jistaʼ jniżżel iktar minn ftit belgħat taʼ xarba tant ħarxa u morra? Barra minn dan, l-ammont taʼ kafeina li fih żgur li m’huwiex tajjeb għas-saħħa!’
Madankollu, meta espresso jkun magħmul tajjeb, suppost li jkun morr? U kikkra espresso fiha iżjed kafeina minn kikkra kafè normali? It-tweġibiet għandhom mnejn jissorprenduk.
X’Inhu Li Jagħmlu Espresso?
L-espresso kellu l-oriġini tiegħu fl-Italja, għalkemm diversi pajjiżi u kulturi żviluppaw il-metodi tagħhom stess taʼ kif jippreparawh. X’togħma fih? Dawk li jħobbu l-espresso jiddeskrivuh bħala aromatiku, rikk, magħqud, irraffinat, b’togħma ħelwa u morra fl-istess ħin, ħelu manna, u jfuħ. Kikkra espresso msajra perfettament tinkludi saff taʼ fuq imsejjaħ crema—ragħwa kannella dehbi, li normalment hija diffiċli biex tagħmilha. Din tagħmlu iżjed ħafif biex tixorbu u tħallih iżomm xi ftit mill-aroma tiegħu.
Kikkra waħda jkun fiha biss minn 30 sa 40 millilitru. Dan ġeneralment jiġi servut biz-zokkor f’kikkra żgħira immedjatament wara li jiġi msajjar—frisk għall-aħħar!
Kif isir? Biex tibda tagħmel l-espresso trid taħlita magħmula b’mod speċjali taʼ kafè mhux mitħun, inkaljat sa ma jkun sar kannella skur ħafna (imma mhux iswed) u mitħun iżjed fin minn dik użata għall-kafè normali. Madankollu, m’huwiex primarjament il-mod kif jiġi inkaljat, jew kemm jiġi mitħun, li jipproduċi l-espresso—huwa l-proċess uniku tat-tisjir, wieħed li fih tintuża l-pressa minflok il-gravità. L-ammont taʼ kafè wżat f’kikkra waħda huwa bejn wieħed u ieħor żewġ terzi taʼ l-ammont użat meta tagħmel il-kafè bil-filter, imma b’wisq inqas ilma. Dan il-proċess taʼ tisjir iġiegħel li toħroġ iktar l-essenza tal-kafè mhux mitħun.
F’ħafna restoranti u ħwienet tal-kafè tistaʼ titlob għal espresso wieħed jew għal wieħed doppju. Oqgħod attent, madankollu: Espresso magħmul b’mod traskurat huwa morr. Għalhekk, meta tiġi servut espresso f’restorant jew f’ħanut tal-kafè, eżaminah. Jekk il-kikkra tiegħek mimlija żżejjed jew il-kafè m’għandux il-crema fuq, x’aktarx li ġejt servut taħlita ħarxa u qawwija żżejjed.
Assoċjati maʼ l-espresso hemm numru taʼ xarbiet li huma bbażati fuq l-espresso. Jekk issib li l-espresso huwa rikk wisq, għax ma tipprovax xi capuccino delizzjuż jew xi caffè latte magħqud?
Magni Biex Tagħmel L-Espresso D-Dar
Tixtieq tagħmel xarbiet taʼ l-espresso d-dar? Huwa essenzjali li toqgħod attent għal kull dettall, sabiex tkun żgur li tagħmel xarba rikka iżda li mhix morra.
X’tip taʼ magna taʼ l-espresso għandek tixtri? Jekk tuża l-metodu tal-filter qatt m’int se tagħmel il-veru espresso, ikun kemm ikun inkaljat jew mitħun il-kafè li tuża. Se jkollok bżonn magna ddisinjata apposta għal hekk.
Il-kafettieri taʼ spiss huma l-irħas. Ħafna nies joħorġu sodisfatti bl-espresso tal-kafettiera li jsir id-dar, avolja l-kafè huwa ħafif u x’aktarx nieqes mill-crema. Jistaʼ jkollok espresso tajjeb billi b’attenzjoni tillimita l-ammont taʼ l-ilma li titfaʼ fil-parti taʼ taħt jew billi tħalli l-għatu mikxuf u tneħħi l-kafettiera minn fuq in-nar f’nofs il-proċess.
Magni tal-fwar li jaħdmu bl-elettriku jużaw il-fwar biex jgħaddu l-ilma mill-kafè. Kif jistaʼ jkollok l-aħjar riżultat? Billi ma tħallix iżjed kafè jinżel fil-kikkra wara l-ewwel 30 sa 60 millilitru, sabiex tevita li l-kafè jerħi żżejjed u biex jibqagħlek biżżejjed fwar ħalli tagħmel il-ħalib bir-ragħwa. Għalhekk, fittex magna li fiha swiċċ jew mezz ieħor kif ma tħallix il-kafè jkompli nieżel. Magni tal-fwar jagħmlu capuccino u caffè latte tajbin imma, bħall-kafettieri, m’humiex kapaċi jipproduċu l-aħjar espresso mhux imħallat.
Magni bil-pistin ġeneralment ikunu l-iżjed għaljin u kapaċi jagħmlu espresso eċċellenti. Biex tħaddem magna bil-pistin, tapplika l-pressa billi tniżżel manku, li jagħfas pistin li jaħdem bil-molla, u jgħaddi l-misħun bis-saħħa minn ġol-kafè. Xi wħud jippreferu l-magni bil-pistin minħabba li tistaʼ tikkontrollahom b’idejk u jidhru sbieħ. Oħrajn isibu li huma diffiċli biex tħaddimhom u li jsaħħnu l-ilma bil-mod wisq.
Magni bil-pompa wkoll jipproduċu biżżejjed pressa biex jagħmlu espresso eċċellenti. Huma iktar faċli biex tħaddimhom u jagħmlu l-kafè iktar malajr mill-magni bil-pistin. Għalhekk, dawk li jridu l-aħjar espresso, normalment jagħżlu magna bil-pompa. Hemm fatturi differenti, u xi magni bil-pompa jservu ħafna iktar minn oħrajn. Għalhekk, dur ftit ħwienet qabel tixtri. Ħwienet li juruk kif jaħdmu l-magni tagħhom jgħinuk tagħmel l-aħjar deċiżjoni.
Il-Kafè Li Tixtri
Agħżel espresso inkaljat frisk. Il-kafè li jinbiegħ fis-supermarkets rari jkun frisk, u għalhekk fittex ħanut li jispeċjalizza fil-kafè—ikun tant aħjar jekk il-kafè jiġi inkaljat fil-ħanut stess. Il-kafè mitħun jimmoffa fi ftit jiem, mentri kafè li ma jkunx mitħun jibqaʼ frisk għal ftit ġimgħat. Għalhekk, jekk inhu possibbli, ixtri kafè li mhux mitħun u itħnu d-dar, skond kemm ikollok bżonn. Kafè mitħun tajjeb irid ikun fin imma mhux tant fin li jkun qisu terra. Jekk ikollok tixtri kafè mitħun, ixtri ammont żgħir u użah malajr.
Biex iżżomm il-kafè tiegħek frisk, erfgħu f’reċipjent li ma tidħolx arja fih u li jkun issiġillat tajjeb. Jekk se tużah fi żmien ħmistax, żomm ir-reċipjent tal-kafè f’post frisk u mudlam. Inkella, erfgħu fil-freezer.
L-Arti Tat-Tisjir
Anki jekk ikollok l-aħjar magna u kafè, l-arti taʼ kif tagħmel l-espresso hi xi ħaġa li trid titgħallimha, mhux tixtriha. L-istadji tat-tisjir ivarjaw skond il-magna li tuża, u għalhekk segwi d-direzzjonijiet li għandek magħha. Uża biżżejjed kafè mitħun. L-ammont it-tajjeb se jimlielek il-filter kważi kollu, fil-waqt li jħalli ftit spazju għall-kafè mitħun biex jespandi. Trid xi ftit taʼ l-esperjenza biex trossu jew tagħfsu ’l isfel sewwa fil-filter, ħalli b’hekk l-ilma jgħaddi bil-mod minn ġol-kafè mitħun kollu, u tkun żgur li toħroġ it-togħma kollha.
Liema żball trid tevita? Li l-kafè mitħun tifqgħu bl-ilma. Jekk tipprova tuża 60 jew 90 millilitru taʼ likwidu maʼ l-ammont taʼ kafè meħtieġ għal kikkra waħda, it-taħlita ssir ħafifa u morra. Minflok ma jkollok espresso, tispiċċa b’xarba li tixbah lil kafè qawwi magħmul bil-metodu tal-filter—mhux dak li ttamajt li se jkollok.
Għalhekk, fattur importanti huwa li tkun taf meta għandek tieqaf issajru. L-esperti jissuġġerixxu li f’kikkra espresso għandu jkollok minn 30 sa 40 millilitru taʼ likwidu msajjar f’20 sa 25 sekonda. Sa dan il-punt il-kafè mitħun ikun ġie estratt kompletament u għandu jintrema.
Anki meta tagħmel espresso doppju, “Inqas ifisser itjeb.” Inqas ma ssajjar kafè, iktar ix-xarba tiġi ħelwa. It-tifsira t’espresso doppju tvarja, imma bejn wieħed u ieħor hija żewġ kikkri espresso f’kikkra waħda, billi tuża ammont doppju taʼ kafè mitħun.
Xi Ngħidu Għall-Kafeina?
Kikkra waħda espresso jistaʼ jkun fiha inqas kafeina minn kikkra kafè normali. Jissorprendik dan? Kif jistaʼ jkun, ladarba l-espresso hu daqshekk qawwi?
Fattur wieħed huwa kemm ikun skur il-kafè inkaljat. Kafè inkaljat skur ħafna fih inqas kafeina. Ukoll, ħafna ħwienet li jispeċjalizzaw fil-kafè jużaw kafè mhux mitħun taʼ l-arabika, li fih wisq inqas kafeina mill-kafè mhux mitħun tar-robusta li huwa wżat f’ħafna kafè fil-bottijiet li nsibu fis-supermarkets.
Imma l-akbar fattur huwa l-volum. Fil-waqt li l-espresso fih iktar kafeina kull 30 millilitru milli fih kafè normali, hemm sempliċement inqas likwidu kull kikkra. B’hekk, xi studji juru li tazza kafè normali taʼ 180 millilitru jistaʼ jkun fiha 100 jew iktar milligrammi taʼ kafeina, mentri kikkra waħda espresso jistaʼ jkun fiha xi ftit inqas.
Minkejja dan, ir-riżultati minn studji jvarjaw, u l-ammont taʼ kafeina jiddependi fuq il-kafè mhux mitħun li jintuża kif ukoll fuq kull stadju tal-proċess tat-tisjir. M’għandniex xi ngħidu, espresso doppju se jkun fih iktar kafeina minn kikkra waħda. L-aħjar gwida għalik biex tiddetermina l-livell tal-kafeina probabbilment hija l-mod kif tħossok wara li tixorbu. Jekk tixtieq tnaqqas l-ammont taʼ kafeina li tieħu u xorta tieħu pjaċir tixrob l-espresso, tistaʼ tuża espresso inkaljat mingħajr kafeina jew tħalltu maʼ espresso inkaljat normali, skond il-persentaġġ taʼ kafeina li tixtieq.
Lest int biex tagħmel l-espresso fil-kċina tiegħek stess? Biex tikseb riżultati tajbin trid tkun persistenti. Għalhekk, ipprovah int l-ewwel—esperimenta fuqek innifsek qabel isservih lill-ħbieb tiegħek. Irid ikollok l-esperjenza biex tipproduċi l-crema u l-ħalib bir-ragħwa. Il-perseveranza tiegħek, madankollu, se tiġi ppremjata meta ssaħħar lil ħbiebek b’xarbiet taʼ l-espresso li jħabbtuha maʼ l-aqwa ħanut tal-kafè. Għandu mnejn tasal biex taqbel li l-espresso huwa l-essenza nfisha tal-kafè.
[Kaxxa fʼpaġna 22]
Istruzzjonijiet Biex Tagħmel Il-Ħalib Bir-Ragħwa
Biex tagħmel il-ħalib bir-ragħwa u/jew tistimja l-ħalib għall-capuccino u għall-caffè latte, ikollok bżonn buqar taʼ l-istainless steel, ħalib kiesaħ, u reċipjent biex tistimja l-ħalib fih. Jekk il-magna taʼ l-espresso tiegħek ma tinkludix virga għal meta tistimja l-ħalib, tistaʼ tixtri waħda għaliha waħedha għal dan l-iskop.
1. Imla buqar taʼ l-istainless steel sa mhux iktar minn nofsu bil-ħalib kiesaħ.
2. Poġġi l-virga li tistimja sewwa sew taħt il-wiċċ tal-ħalib, u iftaħ il-valv taʼ l-istim.
3. Żomm it-tarf tal-virga kemm kemm ’l isfel mill-wiċċ, waqt li tmejjel il-buqar u tħalli iktar arja tidħol hekk kif tagħmel ir-ragħwa.
4. It-temperatura ideali normalment tintlaħaq meta l-buqar isir jaħraq wisq biex tmissu.
5. Agħlaq il-valv taʼ l-istim, u neħħi l-buqar minn taħtu. Imbagħad iftaħ il-valv taʼ l-istim biex tneħħi xi ħalib li jkun baqaʼ, u xxottah b’ċarruta niedja.
[Stampi fʼpaġna 23]
Kafè mhux mitħun idum frisk iktar minn kafè mitħun
Hawn tistaʼ tara magna tal-fwar li tagħmel l-espresso