Kafè Taʼ L-Ifjen Kwalità
Minn ġos-Siġra għal ġol-Kikkra Tiegħek
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-BRAŻIL
IL-FINLANDIŻI jqisuh bħala x-xarba nazzjonali tagħhom. It-Taljani jiġu b’ħafna ċerimonji biex jippreparawh. Fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Messiku, fl-Istati Uniti, u f’ħafna pajjiżi oħra, huwa parti essenzjali mill-kolazzjon taʼ fil-għodu. Wara t-tè, huwa x-xarba favorita fid-dinja. Dan x’inhu? Għal madwar terz tad-dinja, jistaʼ jkun hemm biss tweġiba waħda—il-kafè!
Hi x’inhi l-opinjoni tiegħek dwaru, ma tistax tiċħad il-popolarità tal-kafè. X’inhu involut biex ikun jistaʼ jkollna kafè taʼ l-ifjen kwalità? Fejn jikber? Kif jiġi prodott? Hemm xi differenza kbira bejn it-tipi differenti taʼ kafè? Liema fatturi jeffettwaw il-kwalità, it-togħma, u l-prezz tiegħu?
Minfejn Jiġi?
Il-kafè jintgħamel billi tiġi inkaljata ż-żerriegħa tas-siġra tal-kafè, siġra żgħira li tħaddar is-sena kollha u li għandha weraq ħodor skuri u jleqqu. Din is-siġra tikber f’reġjuni semitropikali, u meta twarrad tkun miksija bi fjuri bojod sbieħ li jarmu fwieħa ħelwa taʼ ġiżimin. Wara biss ftit jiem, minflok il-fjuri jitilgħu għenieqed taʼ frott aħdar ċkejken donnu ċirasa li progressivament jikber u jibdel il-kulur minn diversi skali t’aħdar għal kannella dehbi sakemm isir aħmar jew isfar, meta jkun misjur sew.
Għalkemm hemm xi 70 speċi differenti taʼ siġar tal-kafè, li jvarjaw minn siġar baxxi ħafna sa siġar għoljin 12-il metru, huma żewġ speċi biss, il-Coffea arabica, jew sempliċement Arabika, u l-Coffea canephora, magħrufa wkoll bħala Robusta, li jipproduċu 98 fil-mija tal-produzzjoni tad-dinja. L-ifjen kafè jiġi mill-varjetajiet taʼ l-Arabika, speċjalment dawk li jikbru f’postijiet iktar fil-għoli. Dawn is-siġar jogħlew minn 4 sa 6 metri, għalkemm normalment jinżabru biex ma jogħlewx iktar minn 4 metri. Il-kafè tar-Robusta, li jintuża l-iktar għall-kafè li ma jeħtieġx tisjir, fih iktar kafeina u t-togħma tiegħu hija iktar newtrali.
Kif Jiġi Kultivat Kafè taʼ l-Ifjen Kwalità
X’inhu involut fil-produzzjoni taʼ kafè taʼ l-ifjen kwalità? F’kelma waħda, xogħol! Kollox jibda billi tinżeraʼ ż-żerriegħa, li tkun tnisslet b’mod speċjali, ġo mixtla magħmula b’tali mod li tipprovdi l-ammont eżatt taʼ xemx u dell li hemm bżonn. Wara xi sitt xhur, in-nebbiet jinqalaʼ u jitħawwel f’għalqa li l-ħamrija tagħha tkun ġiet preparata bil-fertilizzant u l-minerali. In-nebbiet tal-kafè jitħawwel f’ringieli skond il-forma taʼ l-għolja. Dawn ikunu spazjati biex ikun hemm wisaʼ fejn jikber u biex ikunu jistgħu jiġu kkurati s-siġar u l-ħamrija, kif ukoll biex jiġi faċilitat il-ħsad.
Biex ikunu produttivi, is-siġar iridu jingħataw attenzjoni l-ħin kollu matul is-sena kollha. Dan jinkludi li jitneħħa l-ħaxix ħażin, li jistaʼ jisraq in-nutrijenti tal-ħamrija, u l-bexx regulari b’fungiċidi u insettiċidi biex jipproteġu kontra d-dud u l-mard, bħall-għawwâr tal-kafeni u s-sadid.
Il-pjanti żgħar jieħdu mill-inqas sentejn biex jibdew jipproduċu. Meta jasal żmien il-ħsad, ix-xogħol jiżdied b’mod drammatiku. Il-proċess ideali hu li jinqataʼ bl-idejn il-frott misjur biss, frotta frotta, kif isir f’pajjiżi bħall-Kolombja u l-Kosta Rika.
Il-frott li jinġabar b’dan il-mod normalment jiġi proċessat b’dak li hu msejjaħ il-proċess tal-ħasil. F’dan il-proċess, il-frott jitpoġġa ġo magna li tneħħi l-biċċa l-kbira tal-polpa miż-żerriegħa. Iż-żerriegħa mbagħad titpoġġa ġo tankijiet u titħalla hemm minn ġurnata sa tlett ijiem, u sadanittant l-enzimi li jitrabbew b’mod naturali jfarrku l-polpa li jkun fadal permezz tal-fermentazzjoni. Iż-żerriegħa mbagħad tinħasel sabiex jitneħħew l-aħħar traċċi tal-polpa. Xi ftit minnha titnixxef billi titqiegħed fuq bejt tal-konkos fejn tiġi esposta għax-xemx u ftit billi tiġi mgħoddija minn magna li tnixxef permezz t’arja taħraq. Is-saffi taʼ qxur nexfin madwar iż-żerriegħa, li jikkonsistu mill-parċmina u l-qoxra tal-fidda, imbagħad jitneħħew mekkanikament. Il-fermentazzjoni, li ssir matul il-proċess tal-ħasil, flimkien mal-fatt li jintuża biss frott li jkun misjur sew, tipproduċi kafè ħafif taʼ kwalità eċċellenti.
Fil-Brażil, l-iktar pajjiż li jipproduċi kafè fid-dinja, il-biċċa l-kbira tal-bdiewa li jkabbruh jużaw metodu taʼ ħsad magħruf bħala derriça. Il-kafè jinġabar bl-idejn billi jinqataʼ l-frott kollu tal-fergħa fl-istess ħin, ikun kemm ikun laħaq sar. Iktar reċenti, xi produtturi bdew jużaw metodi taʼ ħsad mekkanizzati jew semimekkanizzati sabiex itejbu l-kwalità u l-produttività. F’wieħed mill-metodi tintuża biċċa għodda li taħdem bl-arja u li fit-tarf tagħha għandha id twila bi “swabaʼ” li jivvibraw biex iċaqalqu l-friegħi, u b’hekk jaqaʼ biss il-frott misjur.
Il-frott li jaqaʼ jkun irid jinġabar u jiġi mgħarbel, jew bl-idejn jew bil-magni, biex jitneħħew il-weraq, il-ħmieġ, u z-zkuk. Il-frott imbagħad jitpoġġa ġo qfief li jesgħu 60 litru. Il-frott mgħarbel issa jiġi maħsul, jew ġo ħawt tal-konkos jew ġo magna magħmula apposta għal hekk. Il-proċess tal-ħasil jissepara l-frott misjur mill-frott niexef iktar qadim li jkun beda jitħassar.
Ladarba jkun ġie maħsul, il-kafè jitferrex fuq bejt kbir tal-konkos biex jinxef fix-xemx u jitħalla hemm għal bejn 15 u 20 ġurnata. Matul dan iż-żmien, il-kafeni jdawruhom bejn wieħed u ieħor kull 20 minuta, biex jinxfu minn kullimkien l-istess. Biex jgħaġġlu l-proċess taʼ l-inxif, xi drabi jintużaw magni li jnixxfu. Il-livell taʼ umdità li jkun fihom il-kafeni jkun irid jiġi kontrollat sabiex jiġi evitat li jinxfu żżejjed, għaliex dan iġagħalhom jitqarqċu u jitfarrku, u b’hekk jonqos il-valur tagħhom. Ladarba jintlaħaq il-livell ideali taʼ umdità, li hu bejn 11 u 12 fil-mija, il-kafè jgħaddi minn magna tat-tqaxxir biex iż-żerriegħa titneħħielha l-qoxra taʼ barra. Iż-żerriegħa mbagħad titpoġġa ġo xkejjer li jesgħu 60 kilo. Hawnhekk normalment il-kafè jiġi meħud f’xi kooperattiva, fejn jiġi klassifikat u jkompli jiġi proċessat.
Il-Klassifikazzjoni
Fil-kooperattiva, l-ixkejjer tal-kafè jinħattu minn fuq it-trakkijiet waħda waħda. Qabel ma jniżżlu t-tagħbija tagħhom fl-art, il-ħaddiema jgħaddu minn ħdejn persuna li ddeffes biċċa għodda twila u bil-ponta f’kull xkora u tneħħi kampjun żgħir mill-kontenut tagħha. Il-kampjuni li jitneħħew mill-ixkejjer kollha taʼ l-istess trakk imbagħad iħalltuhom f’kampjun wieħed, li titwaħħallu tabella u jiġi klassifikat.
Ladarba jkunu ttieħdu l-kampjuni, il-kafè li kien mgħobbi fuq trakkijiet differenti jitħallat kollu flimkien u jkompli jiġi proċessat biex titjieb il-kwalità tiegħu. L-ewwel, jgħaddi minn magna li tneħħi l-impuritajiet, imbagħad minn passatur mekkaniku li jissepara l-kafeni skond id-daqs, u mbagħad jitpoġġa fuq mejda li tivvibra, li tissepara l-kafeni skond l-użin. Wara dan, il-kafeni jgħaddu għal fuq magna elettronika li tissepara, u din tneħħi l-kafeni suwed jew ħodor li jtellfu t-togħma tal-kafè msajjar. Il-bqija jgħaddu għal ġo reservoir fejn jiġu maħżunin, u iktar tard, jitferrgħu ġol-boroż. Il-boroż ikun fihom kafeni taʼ l-istess daqs u kwalità li jkunu lesti biex jinbiegħu lill-esportatur jew lix-xerrejja lokali.
Għalxiex jintużaw dawk il-kampjuni li ttieħdu iktar kmieni? Dawn jiġu klassifikati biex jiġi determinat il-prezz li jirċievi kull bidwi għall-kafè tiegħu. L-ewwel, il-kampjuni jiġu klassifikati skond it-tip, li huwa bbażat fuq in-numru taʼ difetti f’kampjun taʼ 300 gramma. Id-difetti jinkludu kafeni suwed, ħodor, jew imfarrkin u impuritajiet bħal ħlifiet, zkuk, u żrar irqiq. Imbagħad, il-kafeni jgħaddu minn serje taʼ passaturi u jiġu separati skond id-daqs.
Finalment ikun wasal it-test tat-togħma. Il-kampjun jiġi inkaljat ftit u mbagħad mitħun, u jintefaʼ ammont imkejjel ġo diversi tazzi. Wara dan jiżdied il-misħun, jitħawwad il-kontenut tat-tazza, u wieħed li għandu l-esperjenza f’li jduq il-kampjuni tal-kafè jxomm ir-riħa li tkun ħierġa minn kull kampjun. Wara li jħalli l-kampjun jibred u l-kafè mitħun joqgħod, hu juża kuċċarun żgħir biex jieħu ftit, jiġbdu b’xofftejh u jobżqu malajr, waqt li bil-ħeffa jgħaddi għat-tazza li jmiss u jirrepeti l-proċess. Wara li jduq il-kampjuni kollha, hu jikklassifika l-kafè minn ħafif (pjaċevoli, raffinat, tistaʼ tgħid ħelu) għal qawwi (morr, b’togħma qisha taʼ jodju).
Dak li jduq il-kampjuni tal-kafè jrid ikollu palat sensittiv u ħafna għarfien u esperjenza sabiex ikun jistaʼ jagħraf il-ħafna togħmiet fini tal-kafè b’mod eżatt. Minbarra li jservi bħala bażi biex jiġi determinat il-prezz tal-kafè, it-tegħim huwa essenzjali għall-pass li jmiss biex jiġi prodott kafè taʼ l-ifjen kwalità.
It-Taħlit u l-Inkaljar
It-taħlit, li normalment isir b’kafeni mhux inkaljati, huwa l-arti taʼ li tħallat flimkien kafejiet li għandhom karatteristiċi li jikkomplementaw lil xulxin, sabiex jipproduċu prodott bilanċjat li jintensifika kwalitajiet vantaġġużi bħat-togħma, ir-riħa, ir-rikkezza, u d-dehra. L-isfida għal dawk li jħalltu hi li jkunu konsistenti f’li jipproduċu xarba delizzjuża bil-karatteristiċi uniċi tagħha.
Il-pass li jmiss, l-inkaljar, ukoll huwa kruċjali għall-kwalità tal-kafè. F’dan l-istadju jsiru bidliet kimiċi komplessi ġol-kafena, u b’hekk toħroġ ir-riħa tal-kafè partikulari. L-inkaljatura tistaʼ tkun ċara, medja, jew skura, jiddependi mit-togħma mixtieqa u mill-metodu li jintuża fit-tisjir. Madankollu, jekk il-kafeni jiġu inkaljati żżejjed, dan jistaʼ jagħmilhom ileqqu, xi ħaġa li tiġri minħabba li jitilfu ż-żjut aromatiċi. Dan jagħmel lill-kafè morr u bi ftit li xejn riħa.
Biex jiġi prodott kafè taʼ kwalità tajba, huwa essenzjali wkoll li l-kafeni jiġi mitħunin tajjeb. Id-daqs tal-kafeni mitħunin huwa determinat mill-metodu taʼ tisjir li se jintuża. Per eżempju, kafeni mitħunin f’daqs medju huma wżati għal kafè li jiġi preparat bil-filters tad-drapp jew tal-karti, filwaqt li kafeni mitħunin b’mod fin jiġu wżati għall-kafè Tork, li ma jiġix iffiltrat.
Meta jkun ġie mitħun, il-kafè jiġi ppakkjat u mibgħut għal triqtu. Kafè li jkun ippakkjat fil-plastik jibqaʼ tajjeb għal madwar 60 jum, mentri kafè li titneħħielu l-arja meta jiġi ppakkjat jibqaʼ tajjeb sa sena. Ladarba jkun infetaħ, il-kafè għandu jiġi merfugħ f’reċipjenti siġillati tajjeb, preferibbilment fil-friġġ.
Kif Tipprepara Dik il-‘Kikkra Kafè Perfettaʼ
Wara x-xogħol kollu involut fiż-żrigħ, l-ikkultivar, il-ħsad, l-ipproċessar, il-klassifikazzjoni, it-taħlit, l-inkaljar, u t-tħin, finalment naslu għall-parti li ilek tistenna—il-preparazzjoni taʼ dik il-‘kikkra kafè perfettaʼ! Hemm ħafna metodi taʼ tisjir, bħal dak Tork, dak tal-filter, u l-metodu Taljan moka, biex insemmu xi ftit—u kull wieħed minnhom jirrikjedi mod differenti taʼ preparazzjoni. Madankollu, ġeneralment huwa rikkmandat li tuża bejn sitt u tmien mgħaref kafè maʼ kull litru ilma. Ipprepara biss l-ammont li tippjana li sservi dak il-ħin. Qatt terġaʼ tuża l-kafè mitħun, u dejjem aħsel bl-ilma l-istanjata tal-kafè, il-parti tal-magna fejn jitqiegħed il-filter, u għodod oħrajn eżatt wara li tużahom.
Meta terġaʼ tpoġġi bil-qegħda titpaxxa bit-togħma u r-riħa tal-kafè favorit tiegħek, sew jekk inhu l-cafezinho Brażiljan, it-tinto Kolombjan, l-espresso Taljan, jew it-taħlita speċjali tiegħek stess, għala ma tiqafx għal ftit u tirrifletti fuq ix-xogħol iebes kollu involut biex stajt tixrob dak il-kafè mill-ifjen—minn meta kiber fis-siġra sakemm spiċċa ġol-kikkra tiegħek.
[Stampa f’paġna 24]
Fil-mixtla, in-nebbiet jieħu l-ammont eżatt taʼ xemx u dell li hemm bżonn
[stampa f’paġna 24]
Siġar tal-kafè maturi
[Stampa f’paġna 25]
Il-frott tas-siġra tal-kafè jinġabar billi jinqataʼ mill-fergħat
[Stampa f’paġna 25]
Ħassad Brażiljan jgħarbel il-frott b’idejh biex ineħħi l-weraq u l-ħmieġ
[Stampa f’paġna 26]
Il-kampjuni jiġu klassifikati billi jingħadd in-numru taʼ difetti f’300 gramma kafeni
[Stampa f’paġna 26]
Dak li jduq il-kampjuni tal-kafè jrid ikollu ħafna esperjenza