LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 4/06 pp. 18-20
  • Żerriegħa li Daret id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żerriegħa li Daret id-Dinja
  • Stenbaħ!—2006
  • Materjal Simili
  • Kafè Taʼ L-Ifjen Kwalità Minn ġos-Siġra għal ġol-Kikkra Tiegħek
    Stenbaħ!—1999
  • Qiegħed il-Kafè Jgħollilek il-Livell tal-Kolesterol?
    Stenbaħ!—2000
  • Espresso L-​Essenza Tal-​Kafè
    Stenbaħ!—1997
  • L-Espresso—Kafè Magħmul bis-Sengħa
    Stenbaħ!—2009
Stenbaħ!—2006
g 4/06 pp. 18-20

Żerriegħa li Daret id-​Dinja

L-​istorja taʼ l-​imħabba kbira li kellu wieħed raġel għal xitla żgħira tal-​kafè ġiet deskritta bħala “l-​iktar kapitlu romantiku fl-​istorja taʼ kif infirxet ix-​xitla tal-​kafè,” jgħid il-​ktieb “All About Coffee.” Dik ix-​xitla żgħira waħdanija kellha rwol kbir biex tinbeda l-​industrija tal-​kafè taʼ llum li trendi $70 biljun (Lm25 biljun) fis-​sena, ċifra li f’termini taʼ negozju globali tinqabeż biss mill-​pitrolju, skond il-​ġurnal “Scientific American.”

L-​ISTORJA interessanti tal-​kafè tibda fir-​reġjun muntanjuż taʼ l-​Etjopja, il-​post minfejn oriġinat ix-​xitla salvaġġa tal-​kafè. Ix-​xtieli li tnisslu minnha, imsejħin Coffea arabica, jifformaw żewġ terzi mill-​produzzjoni kollha tal-​kafè fid-​dinja. Madankollu, ħadd ma jaf eżattament meta ġew skoperti l-​karatteristiki tal-​kafena inkaljata. Minkejja dan, sas-​seklu 15, il-​kafena arabika bdiet tiġi kultivata fil-​Peniżola Għarbija. Minkejja li kien projbit li l-​kafena fertili tiġi esportata, l-​Olandiżi kisbu xi siġar jew xi żrieragħ fertili fis-​sena 1616. Huma ma damux ma bdew iħawlu ħafna xtieli f’Ceylon, illum Sri Lanka, u Java, illum parti mill-​Indoneżja.

Fl-1706, l-​Olandiżi ħadu siġra żgħira mir-​rabaʼ tagħhom f’Java lejn il-​ġonna botaniċi tagħhom f’Amsterdam, l-​Olanda. Is-​siġra ffjorixxiet. Is-​siġar li tnisslu minnha ntbagħtu bil-​vapur lejn kolonji Olandiżi f’Surinam u l-​Karibew. Fl-​1714, is-​sindku t’Amsterdam ta siġra mnissla waħda lir-​Re Lwiġi XIV taʼ Franza. Ir-​re ħawwilha f’serra fil-​Jardin des Plantes, il-​Ġnien Irjali f’Pariġi.

Il-Franċiżi kienu ħerqanin biex jibdew jinnegozjaw il-​kafè. Huma xtraw iż-​żrieragħ u s-​siġar u bagħtuhom bil-​vapur lejn il-​gżira taʼ Réunion. Iż-​żrieragħ ma kibrux, u skond xi awtoritajiet, is-​siġar kollha mietu minbarra waħda. Minkejja dan, 15,000 żerriegħa minn dik is-​siġra waħda nżergħu fl-​1720, u finalment ġie stabbilit post għat-​tkabbir tagħhom. Dawn is-​siġar tant kienu taʼ valur li jekk xi ħadd kien jinqabad jagħmel il-​ħsara lil xi waħda minnhom kien jingħata l-​piena tal-​mewt! Il-​Franċiżi xtaqu wkoll jibdew iħawlu l-​pjanti tal-​kafè fil-​Karibew, imma l-​ewwel żewġ attentati tagħhom fallew.

Gabriel Mathieu de Clieu, fizzjal navali Franċiż li kien qiegħed bil-​leave f’Pariġi, għamilha l-​missjoni persunali tiegħu li jieħu siġra fir-​rabaʼ tiegħu fil-​Martinik fil-​vjaġġ tiegħu lura minn Franza. Hu salpa lejn il-​gżira f’Mejju taʼ l-​1723, b’siġra li tnisslet mis-​siġra taʼ Pariġi.

Fil-vjaġġ, de Clieu poġġa l-​pjanta prezzjuża tiegħu f’kaxxa li parti minnha kienet tal-​ħġieġ sabiex il-​pjanta tkun tistaʼ tieħu r-​raġġi tax-​xemx u tibqaʼ sħuna fil-​ġranet imsaħħbin, jispjega All About Coffee. Però, wieħed passiġġier, li setaʼ kien għajjur għal de Clieu u li ma ridux igawdi l-​glorja tas-​suċċess, ipprova jiħodlu l-​pjanta minn idu imma ma rnexxilux. Is-​siġra baqgħet ħajja. Irnexxielha tibqaʼ ħajja wkoll wara li l-​vapur iltaqaʼ maʼ pirati mit-​Tuniżija, maʼ maltempata qawwija, u agħar minn hekk, meta naqas l-​ilma ħelu minħabba li l-​vapur waqaf f’baħar mingħajr riħ fid-​Doldrums. “L-​ilma tant kien naqas,” jikteb de Clieu, “li għal iktar minn xahar kelli bilfors naqsam in-​naqra ilma li kelli max-​xitla li fuqha kienu msejsin l-​iktar tamiet ferrieħa u li kienet is-​sors taʼ l-​għaxqa tiegħi.”

Din l-​imħabba kbira taʼ de Clieu ġiet premjata. Il-​pjanta tiegħu waslet il-​Martinik qawwija u sħiħa, u tgħidx kemm issaħħet u nisslet f’dak l-​ambjent tropikali. “Minn din il-​pjanta waħdanija, il-​Martinik beda jipprovdi żrieragħ direttament jew indirettament lill-​pajjiżi taʼ l-​Amerika kollha minbarra l-​Brażil, il-​Gujana Franċiża, u s-​Surinam,” jistqarr Gordon Wrigley fil-​ktieb tiegħu Coffee.

Sadanittant, il-​Brażil u l-​Gujana Franċiża wkoll riedu s-​siġar tal-​kafè. Fis-​Surinam, lOlandiżi kien għad għandhom xtieli mnisslin mis-​siġra t’Amsterdam imma żammewhom imħarsin sew. Madankollu, fl-​1722, il-​Gujana Franċiża kisbet xi żrieragħ mingħand wieħed kriminal li kien ħarab fis-​Surinam u seraq xi żrieragħ. Bi tpartit maż-​żrieragħ tiegħu, l-​awtoritajiet tal-​Gujana Franċiża qablu li jagħtuh il-​libertà, u reġgħu daħħluh f’art twelidu.

Għall-​bidu, l-​attentati bil-​moħbi biex il-​Brażil jikseb żrieragħ jew xtieli mnibbtin fallew. Imbagħad inqalgħet tilwima bejn is-​Surinam u l-​Gujana Franċiża dwar il-​fruntieri tagħhom u dawn staqsew lill-​Brażil biex jipprovdilhom arbitru. Il-​Brażil bagħat fil-​Gujana Franċiża lil Francisco de Melo Palheta li kien uffiċjal taʼ l-​armata u lil dan intqallu biex jissetilja t-​tilwima kif ukoll iġib lura miegħu xi ftit xtieli tal-​kafè.

Il-każ ġie konkluż b’suċċess, u qabel Palheta mar lura l-​gvernatur għamillu pranzu. Bħala ġest taʼ rikonoxximent għal dan il-​mistieden speċjali, il-​mara tal-​gvernatur ippreżentat bukkett mill-​isbaħ lil Palheta. Madankollu, moħbija qalb il-​fjuri kien hemm kafeni fertili u xtieli ċkejknin tal-​kafè. Għaldaqstant, jistaʼ jingħad li fl-​1727, l-​industrija Brażiljana tal-​kafè li ddaħħal biljuni taʼ dollari twieldet f’bukkett.

Għalhekk, is-​siġra żgħira li marret minn Java għal Amsterdam fl-​1706 flimkien man-​nisel tagħha f’Pariġi pprovdew is-​siġar kollha taʼ l-​Amerika Ċentrali u t’Isfel. Wrigley jispjega: “Minħabba dan, il-​bażi ġenetika kollha għall-​industrija tal-​kafè arabika hija limitata ħafna.”

Illum, ’il fuq minn 25 miljun razzett li jitmexxew minn familji fi 80 pajjiż ikabbru madwar 15-il biljun siġra tal-​kafè. Il-​prodott tagħhom jintuża f’2.25 biljun kikkra kafè li jiġu konsmati kuljum.

Ironikament, il-​problema llum hija li qed jiġi prodott iżżejjed kafè. Is-​sitwazzjoni hija komplikata bil-​politika, l-​ekonomiji, dazji fuq l-​importazzjoni u ftehim fuq żamma taʼ prezzijiet għoljin, li f’ħafna pajjiżi ħallew lil dawk li jkabbru l-​kafè foqra jew anki neqsin mill-​bżonnijiet. Din is-​sitwazzjoni tħallik skantat, speċjalment meta niftakru f’de Clieu li kien jaqsam il-​ftit ilma li kellu maʼ siġra żgħira waħda kważi 300 sena ilu.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 20]

L-​IKTAR ŻEWĠ TIPI TAʼ KAFÈ KOMUNI

“Il-​kafeni mhux proċessati huma ż-​żrieragħ tal-​pjanti li jagħmlu parti mill-​familja Rubiaceae, li minn taʼ l-​inqas tiġbor fiha 66 speċi mill-​ġens Coffea,” jgħid il-​ġurnal Scientific American. “Iż-​żewġ speċi li jintużaw l-​iktar għall-​kummerċ huma l-​Coffea arabica, li minnha ġejjin żewġ terzi mill-​produzzjoni fid-​dinja, u l-​C[offea] canephora, li ħafna drabi tissejjaħ kafè robusta, li minnha ġej terz mill-​produzzjoni fid-​dinja.”

Il-​kafè robusta għandu riħa qawwija u normalment jintuża għall-​kafè li jinħall mill-​ewwel fil-​misħun. Is-​siġra hija għammiela ħafna u tiflaħ għall-​mard. Din tikber sa 12-il metru, id-​doppju taʼ l-​għoli tas-​siġra arabika, li ma tinżabarx, hija iktar delikata, u li m’hijiex daqstant għammiela. Fil-​piż, il-​kafena robusta fiha sa 2.8 fil-​mija kafeina, filwaqt li l-​arabika qatt ma taqbeż il-​1.5 fil-​mija. Għalkemm l-​arabika għandha 44 kromożon u r-​robusta u l-​kafè salvaġġ kollu għandhom 22 kromożon, xi wħud ġew imħalltin biex jipproduċu siġar ġodda.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 20]

“IL-​MAGĦMUDIJA” TAL-​KAFÈ

Meta l-​kafè wasal għall-​ewwel darba fl-​Ewropa fis-​seklu 17, xi qassisin Kattoliċi kkonkludew li dan kien xarba mħallta minn Satana. Huma kienu tal-​fehma li l-​kafè setaʼ jieħu post l-​inbid, li fl-​opinjoni tagħhom kien ġie mqaddes minn Kristu. Madankollu, il-​Papa Klement VIII milli jidher daq din ix-​xarba u mill-​ewwel biddel fehmtu dwar il-​kafè, jinnota l-​ktieb Coffee. Hu solva d-​dilemma reliġjuża billi b’mod simboliku għammed il-​kafè, u b’hekk dan sar aċċettabbli għall-​Kattoliċi.

[Tabella/Mappa f’paġna 18, 19]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

KIF INFIREX IL-​KAFÈ

1. 1400 Il-​kafè arabika jiġi kultivat fuq il-​Peniżola Għarbija fis-​snin 1400

2. 1616 L-​Olandiżi jakkwistaw siġar tal-​kafè jew żrieragħ fertili

3. 1699 L-​Olandiżi jieħdu s-​siġar lejn Java u gżejjer oħrajn fl-​Indji tal-​Lvant

4. 1700 Il-​kafè jiġi kultivat fl-​Amerika Ċentrali u fil-​Karibew fis-​snin 1700

5. 1718 Il-​Franċiżi jieħdu l-​kafè f’Réunion

6. 1723 G. M. de Clieu jieħu siġra tal-​kafè minn Franza għall-​Martinik

7. 1800 Il-​kafè jiġi kultivat fil-​Ħawajj fis-​snin 1800

[Sors]

Sors: Mill-​ktieb “Uncommon Grounds”

[Stampa f’paġna 18, 19]

Fi triqtu lejn il-​Martinik, Gabriel Mathieu de Clieu jaqsam l-​ilma tax-​xorb tiegħu maʼ xitla tal-​kafè, 1723

[Stampa f’paġna 19]

Mappa: © 1996 Visual Language; De Clieu: Tea & Coffee Trade Journal

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja