Ipproteġi Lil Uliedek Mill-Inċidenti
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FL-ISVEZJA
HANNA, li kellha kważi tliet snin, kienet mal-ġenituri tagħha, Karl-Erik u Birgitta, meta kienu qed inaddfu d-dar taʼ wieħed mill-ġirien li kien miet. Wara ftit tal-ħin, Hanna ħarġet minn ġo kamra bi flixkun pilloli f’idha. Kienet għadha kemm kielet ftit minnhom. Birgitta twerwret meta ċċekkjat il-flixkun. Dan kien mimli bil-pilloli tal-qalb li kien jieħu l-ġar.
Malajr malajr, Hanna ttieħdet l-isptar, u għamlet il-lejl fil-kura intensiva. Minkejja doża taʼ mediċina li setgħet tagħmel ħsara permanenti lil saħħitha, hi ma ġarrbet l-ebda effett. Għala? Għax eżatt qabel ma belgħet il-pilloli, kienet kielet porzjon taʼ ċereali msajra. Ftit mill-velenu ġie assorbit miċ-ċereali, li kienu ġew sforzati ’l barra meta Hanna rrimettiet.
L-esperjenza taʼ Hanna m’hijiex xi waħda unika. Kuljum, eluf taʼ tfal mad-dinja kollha jkollhom inċidenti li jirrikjedu l-għajnuna tat-tabib jew taʼ l-isptar. Kull sena, wieħed minn kull tmint itfal fl-Isvezja jirċievi kura medika wara xi inċident. Għaldaqstant, jekk int ġenitur, hemm ċans kbir li xi ħaġa simili tistaʼ tiġri lit-tfal tiegħek.
Hija xi ħaġa komuni li t-tfal taʼ spiss iweġġgħu waqt li jkunu f’ambjent familjari, bħalma hija d-dar u l-ambjent taʼ madwarha. It-tip taʼ inċidenti li jġarrbu jvarjaw huma u jikbru. Tarbija tistaʼ faċilment taqaʼ minn fuq il-mejda fejn ikunu qed ibiddlulha l-ħarqa jew tifga fl-ikel jew f’xi oġġetti żgħar li jeħlulha fi griżmejha. It-tfal żgħar taʼ spiss jaqgħu meta joqogħdu jixxabbtu, jew ġieli jinħarqu jew jiġu vvelenati meta jmissu jew iduqu affarijiet li jiġu għal idejhom. It-tfal li jmorru l-iskola taʼ spiss iweġġgħu f’inċidenti tat-traffiku jew meta jilagħbu barra.
Ħafna minn dawn l-inċidenti jistgħu jiġu evitati. Bi ftit ħsieb minn qabel u billi tkun taf il-livell taʼ l-iżvilupp taʼ wliedek, int tistaʼ tevita li xi ħadd iweġġaʼ jew saħansitra jmut. Dan intwera li kien minnu permezz taʼ programm organizzat rigward is-sigurtà tat-tfal li ilu għaddej fl-Isvezja mill-1954. Qabel dak iż-żmien, kienu jmutu iktar minn 450 tifel u tifla kull sena f’inċidenti. Illum, l-għadd taʼ mwiet kull sena niżel għal 70.
Fid-Dar
“Ma tistax tgħallem lil tfal taʼ sena, sentejn, jew tlieta biex jevitaw il-perikli u mbagħad tippretendi li jibqgħu jiftakru,” tgħid Kerstin Bäckström, psikologa tat-tfal. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà li tgħin lil uliedek biex jevitaw l-inċidenti tiddependi minnek bħala l-ġenitur—jew minn adulti oħra li xi kultant it-tfal iqattgħu l-ħin magħhom.
L-ewwel ħaġa, dur dawra mad-dar tiegħek. Uża l-lista fil-kaxxa li hemm maʼ dan l-artiklu. Għandu mnejn li xi tagħmir tas-sigurtà ma jkunx disponibbli fil-pajjiżi kollha jew ma jkunx disponibbli bi prezz raġunevoli. Xorta waħda, bi ftit kreattività u immaġinazzjoni, probabbilment int tistaʼ taħseb f’soluzzjonijiet li jirnexxu fiċ-ċirkustanzi partikulari tiegħek.
Per eżempju, jekk mal-kxaxen tal-kċina għandek pumi nofs tond, tistaʼ ssakkarhom billi tgħaddi lasta minn ġol-pumi. L-istess ħaġa tistaʼ sservi bħala lukkett għall-bieba tal-forn. Il-boroż tal-plastik huma inqas perikolużi jekk torbothom f’għoqda qabel ma terfagħhom.
Forsi tistaʼ taħseb f’modi sempliċi oħra kif tevita l-inċidenti ġewwa jew madwar id-dar u tkun tistaʼ taqsam dawn maʼ ħbieb jew uħud li taf li għandhom tfal żgħar.
Barra mid-Dar
Iċċekkja l-inħawi fejn jilagħbu t-tfal tiegħek. Il-biċċa l-kbira mill-inċidenti li jġarrbu t-tfal taʼ iktar minn erbaʼ snin jiġru meta jkunu qed jilagħbu barra. Dawn jaqgħu u jweġġgħu jew forsi jaqgħu minn fuq ir-rota tagħhom. L-iktar inċidenti fatali u komuni li jseħħu barra mid-dar għat-tfal taʼ bejn it-tliet snin u s-sebaʼ snin huma l-inċidenti tat-traffiku u meta jegħrqu.
Meta tispezzjona fejn jilagħbu t-tfal, ara li l-apparat li jużaw jinsab f’kundizzjoni tajba sabiex it-tfal ma jweġġgħux bih. Minn xiex hija magħmula l-art li hemm taħt il-bandli, taħt il-ħadid li joqogħdu jixxabbtu miegħu t-tfal, jew taħt xi apparat simili? Hija din komposta minn materjal artab, bħal ngħidu aħna ramel, sabiex it-tfal ma jweġġgħux jekk jaqgħu?
Hemm xi għadajjar jew nixxigħat taʼ ilma qrib id-dar tiegħek? Ftit ċentimetri taʼ ilma huma biżżejjed biex tfal taʼ sena jew sentejn jegħrqu. “Meta tfal żgħar jaqgħu wiċċhom ’l isfel f’għadira ilma, dawn jitilfu s-sens taʼ fejn hu fuq u fejn hu isfel,” tgħid Bäckström, il-psikologa tat-tfal. “It-tfal sempliċement ma jkunux kapaċi jerġgħu jqumu bil-wieqfa.”
Għaldaqstant, l-iktar regola fundamentali hija: Qatt tħalli tfal taʼ bejn is-sena u t-tliet snin jilagħbu barra waħedhom mingħajr il-ħarsien taʼ xi ħadd adult. Jekk fl-inħawi tiegħek hemm xi post bl-ilma, stenna sakemm it-tfal jikbru kemxejn iktar, qabel ma tħallihom jilagħbu barra waħedhom mingħajr superviżjoni.
Fit-Traffiku
L-istess ħaġa tgħodd jekk qrib id-dar tiegħek hemm ħafna traffiku. “Tfal li għadhom ma bdewx l-iskola jistgħu jifhmu biss messaġġi ċari u definiti, u kapaċi jikkonċentraw fuq ħaġa waħda biss,” tosserva Bäckström. “Imma t-traffiku huwa mimli konċetti astratti u messaġġi doppji.” Tħallix lit-tfal tiegħek jaqsmu t-triq waħedhom jekk għadhom ma bdewx imorru l-iskola. Skond l-esperti, it-tfal ma jitqisux maturi biżżejjed biex isuqu r-rota f’ħafna traffiku qabel ma jkollhom għallinqas 12-il sena.
Għallem lit-tfal tiegħek biex jilbsu safety helmet kulmeta jsuqu r-rota, jirkbu xi żiemel, jew jużaw l-iskejz jew is-slitti. Inċidenti li jinvolvu r-ras huma diffiċli biex jiġu kkurati u jistgħu jikkaġunaw ħsara permanenti—jew saħansitra jkunu fatali! F’waħda mill-kliniki għat-tfal, 60 fil-mija taʼ dawk li daħlu għall-kura wara inċidenti bir-rota ġarrbu danni fir-ras u fuq il-wiċċ, imma dawk li wżaw il-helmets ma ġarrbu xejn serju f’rashom.
Ħaġa oħra, kun ċert li wliedek ikunu protetti meta jivvjaġġaw bil-karozza. Ħafna pajjiżi għandhom liġijiet li jitolbu li t-tfal żgħar għandhom jintrabtu f’seats tas-sigurtà disinjati apposta għalihom. Dan naqqas drastikament ir-rata tat-tfal li jweġġgħu jew imutu meta jkunu involuti f’inċidenti tat-traffiku. Jekk is-seats tas-sigurtà jistgħu jinxtraw minfejn toqgħod int, l-użu taʼ wieħed minnhom jistaʼ jipproteġi l-ħajja. Imma ara li dan ikun mudell approvat. Innota li s-seats għat-trabi huma differenti minn dawk li jintużaw għat-tfal taʼ madwar it-tliet snin.
Uliedna huma għotjiet prezzjużi mingħand Jehovah, u aħna rridu nieħdu ħsiebhom b’kull mod li nistgħu. (Salm 127:4) Bħala ġenituri tajbin, Karl-Erik u Birgitta minn dejjem kellhom f’moħħhom il-protezzjoni taʼ wliedhom—kemm qabel kif ukoll wara l-episodju taʼ Hanna. “Imma m’għandniex xi ngħidu, wara l-inċident qgħadna iktar attenti,” jammetti Karl-Erik. “Issa għandna t-tfal tat-tfal u dejjem inkunu ċerti li l-mediċini nżommuhom imsakkrin,” tikkonkludi Birgitta.
[Kaxxa f’paġna 22]
Sigurtà f’Darek
• Mediċini: Erfagħhom f’xi kexxun li jissakkar fejn ma jilħquhomx it-tfal. L-istess ħaġa tgħodd għal mediċini li jinkisbu mingħajr ir-riċetta tat-tabib u mediċini naturali. Ukoll, itlob lill-mistidnin li jkunu se jqattgħu l-lejl f’darek biex jaraw fejn ipoġġu l-mediċini tagħhom.
• Kimiċi li jintużaw fid-dar: Erfagħhom fejn ma jsibuhomx it-tfal u f’post li jissakkar. Żommhom fil-kontenituri oriġinali tagħhom ħalli jiġu identifikati faċilment. Żomm għajnejk fuq il-prodotti int u tużahom, u dejjem poġġihom f’posthom—anki jekk toħroġ mill-kamra għal ftit ħin biss. Qatt tħalli fdal taʼ diterġenti fid-dishwasher tiegħek.
• Il-cooker: Il-mankijiet tal-borom dejjem agħmilhom iħarsu ’l ġewwa meta jkunu fuq il-cooker. Jekk issib tixtri, waħħal biċċa apparat biex il-borom ma jintlaħqux mit-tfal. Arma apparat ieħor biex il-cooker ma jinqalibx jekk xi ħadd mit-tfal ifettillu jitlaʼ fuq il-bieba tal-forn meta tkun miftuħa. L-istess bieba tal-forn għandha jkollha apparat biex tissakkar. Jistaʼ xi ħadd mit-tfal imiss il-bieba tal-forn u jinħaraq? Allura, waħħal xi apparat jew bieba b’xibka taʼ l-injam jew tal-ħadid sabiex huma ma jkunux jistgħu jmissu l-bieba taħraq.
• Għodda perikoluża li tintuża fid-dar: Is-skieken, l-imqassijiet u l-apparat perikoluż għandhom jinżammu fil-bank jew fi kxaxen li jissakkru biċ-ċwievet jew bil-lukketti jew inkella għandhom jintrefgħu fejn ma jilħquhomx it-tfal. Meta tkun qed tuża apparat bħal dan u tieqaf tużah għal ftit tal-ħin, poġġih ’il bogħod mix-xifer tal-mejda jew tal-bank, fejn ma jilħquhx it-tfal. Is-sulfarini u l-boroż tal-plastik huma wkoll oġġetti perikolużi għat-tfal żgħar.
• Turġien: Waħħal xatba fiż-żewġ trufijiet tat-taraġ li tkun għolja minn taʼ l-inqas 75 ċentimetru.
• Twieqi u bibien tal-gallerija: Waħħlilhom lukketti li ma jkunux jistgħu jintużaw mit-tfal jew katini fl-għoli jew xi tagħmir ieħor tas-sigurtà, ħalli t-tfal ma jkunux jistgħu jiftħuhom jew jiddeffsu minn xi mkien meta dawn ikunu miftuħin għall-arja.
• Xkafef tal-kotba: Jekk it-tfal iħobbu jixxabbtu u jiddendlu maʼ l-affarijiet, orbot l-ixkafef u xi għamara twila oħra mal-ħajt, ħalli ma jegħlbux ’il quddiem.
• Plaggijiet taʼ mal-ħajt u wajers taʼ l-elettriku: Il-plaggijiet li ma jkunux qed jintużaw għandha titwaħħlilhom xi ħaġa biex tagħlaqhom. Il-wajers tal-lampi taʼ l-elettriku u taʼ kwalunkwe apparat simili għandhom jitwaħħlu mal-ħajt jew maʼ l-għamara sabiex it-tfal ma jkunux jistgħu jwaqqgħu l-lampa u jweġġgħu. Inkella, neħħi l-apparat min-nofs. Qatt tħalli l-ħadida tal-mogħdija fuq il-mejda tal-mogħdija, u tħallix il-wajer imdendel.
• Il-misħun: Jekk tistaʼ tirregola t-temperatura tal-misħun, din għandek tniżżilha għal madwar 50 grad Celsius ħalli t-tfal ma jinstamtux meta jiftħu l-vit.
• Ġugarelli: Ġugarelli b’ponot u b’kantunieri jaqtgħu għandhom jintremew. Armi ġugarelli żgħar jew ġugarelli li jistgħu jiżżarmaw f’biċċiet żgħar, għax it-tfal jistgħu jifgaw jekk ipoġġuhom f’ħalqhom. L-għajnejn u l-imnieħer fuq il-pupi tat-tfal għandhom ikunu mwaħħlin sew. Għallem lit-tfal naqra akbar biex jerfgħu l-ġugarelli żgħar tagħhom meta t-tarbija tkun maʼ l-art.
• Ħelu u boroż taʼ l-ikel: Tħallix ħelu u boroż taʼ l-ikel, bħalma huma l-karawett u l-ħelu iebes, fejn isibuhom iż-żgħar. Dawn jistgħu jeħlulhom.
[Sors]
Sors: L-Uffiċċju taʼ l-Ombudsman tat-Tfal
[Kaxxa f’paġna 22]
F’Każ taʼ Inċident
• Avvelenament: Jekk it-tfal belgħu xi likwidu tossiku, laħalħilhom ħalqhom sew u agħtihom jixorbu xi tazza jew tnejn ilma jew ħalib. Imbagħad, ċempel lit-tabib jew lil xi ċentru għall-informazzjoni dwar l-avvelenament ħalli jagħtuk parir. Jekk dawn daħlu xi ħaġa aċiduża f’għajnejhom, laħlaħ minnufih b’ħafna ilma għallinqas għal għaxar minuti.
• Ħruq fil-ġisem: Għal ħruq żgħir, applika ilma kiesaħ (mhux kiesaħ iżżejjed) fuq il-ħarqa għallinqas għal 20 minuta. Jekk il-ħarqa tkun akbar mill-pala taʼ l-id tat-tifel jew tifla jew tkun tinsab fuq il-wiċċ, fuq ġog, jew inkella fuq iż-żaqq jew il-ġenitali, għandek tieħu lit-tifel jew tifla tiegħek fl-emerġenza. Ħruq fil-ġilda iktar serju għandu dejjem jikkurah it-tabib.
• Fgar: Jekk lit-tfal weħlitilhom xi ħaġa fil-pajp tan-nifs, huwa urġenti ferm li tneħħi l-oġġett minnufih. Wieħed mill-metodi effettivi li tistaʼ tuża huwa l-manuvra taʼ Heimlich. Jekk m’intix familjari magħha, ikkuntattja lit-tabib tiegħek ħalli tikseb iktar tagħrif dwar dan il-metodu, jew inkella attendi kors taʼ taħriġ fl-ewwel għajnuna jew li għandu x’jaqsam maʼ l-inċidenti fost it-tfal fejn jiġi mgħallem dan il-metodu.
[Sors]
Sors: L-Aġenzija Svediża tas-Salib l-Aħmar
[Stampa f’paġna 23]
Jintlibes helmet protettiv għal fuq ir-rota
[Stampa f’paġna 23]
Protett fis-seat tal-karozza