Is-Saħħa Tjiebet Globalment Imma mhux għal Kulħadd
SKOND Ir-Rapport tas-Saħħa Dinjija 1998, pubblikat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), mad-dinja kollha hemm tendenza lejn ħajja itwal u iktar sana. Ir-rapport jagħti lista taʼ xi eżempji.
Iktar nies minn qatt qabel għandhom aċċess għal faċilitajiet sanitarji, provvisti taʼ ilma mhux kontaminat, u kura bażika tas-saħħa. Flimkien maʼ dan, il-biċċa l-kbira tat-tfal fid-dinja issa jiġu mlaqqmin kontra s-sitt mardiet ewlenin li jolqtu lit-tfal.a Dan ikkontribwixxa għal tnaqqis fin-numru taʼ mwiet fost it-tfal. Waqt li fl-1955 mietu 21 miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin, din il-figura niżlet għal madwar 10 miljuni fl-1997. Sadanittant, fi snin reċenti, f’diversi pajjiżi industrijalizzati kien hemm nuqqas impressjonanti taʼ mwiet kaġunati mill-mard tal-qalb.
Madankollu, ir-rapport iżid li dan il-progress fis-saħħa mhux qed jolqot lil kulħadd. L-HIV/AIDS tkompli tkun theddida fatali. Huwa kalkulat li l-AIDS, li ma kinitx magħrufa qabel l-1981, ħadet mal-11.7 miljun ruħ minn mindu faqqgħet l-epidemija. U ma jidher li hemm l-ebda tama għaliha fil-futur qarib. Fl-1996, 400,000 tifel u tifla taħt il-15-il sena ġew infettati bl-HIV. Fl-1997 in-numru taʼ tfal oħrajn taʼ l-istess età li ġew infettati kien kważi 600,000.
Il-Faqar Għadu Perikoluż għas-Saħħa
L-iktar nies li ftit li xejn raw titjib fis-saħħa tagħhom huma dawk il-mijiet taʼ miljuni li jinsabu maqbudin taħt il-pjaga tal-faqar. Dawn jgħixu prinċipalment f’pajjiżi foqra fejn l-oppressjoni tal-mard hija tqila ferm, il-prospetti huma koroh, u l-ħajja hija qasira. Dr. Hiroshi Nakajima, ex-direttur ġenerali tal-WHO, qal: “Il-qabża li hemm bejn l-istatus tas-saħħa tas-sinjuri u dak tal-fqar hija kbira minn taʼ l-inqas daqs kemm kienet kbira ħamsin sena ilu.” B’dispjaċir, din il-qabża li hemm qegħda dejjem tiżdied, jgħid espert wieħed tal-WHO, għaliex “pajjiżi li qed jiżviluppaw jintlaqtu minn żewġ daqqiet. Ikollhom jiffaċċjaw mhux biss il-mard kroniku modern li qed jidher issa, imma l-mard tropikali li għad baqaʼ wkoll.”
Minkejja dan, il-progress mhux qiegħed xi mkien fejn ma jintlaħaqx. Fil-fatt, ħafna mill-miljuni taʼ mwiet prematuri diġà jistgħu jiġu skansati. Per eżempju, “minn taʼ l-inqas 2 miljun tifel u tifla kull sena jmutu minħabba mard li diġà għandna tilqim għalih,” jgħid Dr. Nakajima. Billi jargumenta li l-qabża li hemm fil-livell tas-saħħa bejn is-sinjuri u l-fqar għandha tonqos, Dr. Nakajima jżid: “wasal iż-żmien li nirrealizzaw li s-saħħa hija kwistjoni globali.” Id-dinja teħtieġ b’mod urġenti “sħubijiet internazzjonali għas-saħħa, ibbażati fuq ġustizzja soċjali, ekwità u solidarjetà.”
Għalkemm dawn is-sħubijiet jistgħu jdumu biex jiżviluppaw, kull nazzjon diġà jistaʼ jagħmel ħafna biex itejjeb is-saħħa tal-popolazzjoni tiegħu, jistqarr Ir-Rapport tas-Saħħa Dinjija 1998. Kif? Billi jeduka lill-poplu tiegħu biex jiżviluppa “prattiċi bżonnjużi biex imantni ruħu u stili taʼ ħajja sani” li jiskansaw jew inaqqsu l-mard. Il-Kostituzzjoni tal-WHO tpoġġiha hekk: “Opinjoni bbażata fuq tagħrif, kif ukoll kooperazzjoni attiva min-naħa tal-pubbliku huma taʼ l-akbar importanza fit-titjib tas-saħħa.”
[Nota taʼ taħt]
a Dawn is-sitt mardiet tat-tfal huma l-ħosba, il-poljomijelite, it-tuberkulosi, id-difterite, is-sogħla konvulsiva, u t-tetnu li jolqot lit-trabi tat-twelid.