Ommijiet bl-AIDS Jiffaċċjaw Għażla Iebsa
CYNTHIA,a mara li tgħix fl-Indji tal-Punent, kellha tagħżel bejn li treddaʼ lit-tarbija tagħha jew li tagħtiha ħalib ieħor. Id-deċiżjoni tistaʼ tidher waħda sempliċi. Wara kollox, għal bosta snin issa l-esperti tas-saħħa ilhom jinkuraġġixxu l-użu tal-ħalib taʼ l-omm bħala li hu “l-aqwa ikel għas-saħħa” tat-trabi. Barra minn hekk, trabi li jiġu misqijin mill-flixkun, f’komunitajiet fqar, għandhom 15-il darba iktar ċans li jmutu b’mard li jikkaġuna d-dijarea minn dawk li jieħdu l-ħalib taʼ l-omm. Fil-fatt, il-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal (UNICEF) jirrapporta li madwar 4,000 tifel u tifla jmutu kuljum bħala riżultat taʼ perikli li huma assoċjati maʼ ikel li jieħu post il-ħalib taʼ l-omm.
Madankollu, fil-każ taʼ Cynthia d-deċiżjoni rigward jekk treddax lit-tarbija jew le kienet tinvolvi periklu differenti għalkollox. Ir-raġel tagħha kien infettaha bil-virus taʼ l-immunodefiċjenza umana (HIV), li jikkawża l-AIDS. Wara li welldet, Cynthia tgħallmet li tarbija taʼ omm infettata bl-HIV għandha ċans wieħed minn 7 li tiġi infettata permezz tal-ħalib taʼ l-omm.b B’hekk, hi kellha tagħmel għażla iebsa: jew tesponi lit-tarbija tagħha għar-riskji taʼ li treddagħha jew tħalliha ġġarrab il-perikli taʼ li tisqiha mill-flixkun.
F’xi partijiet tad-dinja fejn l-epidemija taʼ l-AIDS l-iktar li laqtet bil-qawwi, 2 jew 3 minn kull 10 min-nisa tqal huma infettati bl-HIV. F’pajjiż wieħed, iktar minn nofs in-nisa tqal kollha li ġew testjati kienu infettati. “Dawn il-figuri allarmanti,” jirrapporta r-Radju ĠM, “tefgħu lix-xjenzati f’tellieqa biex isibu rimedju.” Sabiex jirrispondu għal din it-theddida, sitt organizzazzjonijiet tal-ĠM ġabru flimkien l-esperjenza, l-isforzi, u r-riżorsi tagħhom sabiex jifformaw il-Programm bi Sħab tal-Ġnus Magħquda għall-HIV/AIDS, magħruf bħala UNAIDS.c Imma dak li sabet l-UNAIDS hu li s-soluzzjoni għall-problema taʼ l-AIDS m’hijiex daqshekk sempliċi.
Ostakli Komplikati Jimblokkaw Soluzzjoni Sempliċi
Skond Edith White, speċjalista fil-ħalib taʼ l-omm, u fit-trasmissjoni taʼ l-HIV mill-omm għat-tarbija, il-ħaddiema tas-saħħa qed jagħtu parir lin-nisa li huma infettati bl-HIV f’pajjiżi industrijalizzati biex ma jreddgħux lit-trabi tagħhom, ladarba dan kważi jirdoppja r-riskju li t-tarbija tiġi infettata wkoll. L-alternattiva loġika tidher li hija l-użu taʼ ħalib tat-trab għat-tfal. Imma fil-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw—fejn teoriji idealistiċi malajr jisfaw fix-xejn minħabba r-realtà kiefra—din is-soluzzjoni sempliċi hija xi ħaġa diffiċli biex titwettaq.
Wieħed mill-ostakli huwa taʼ natura soċjali. F’pajjiżi fejn li treddaʼ lit-tfal hija l-ħaġa komuni, in-nisa li jisqu lit-trabi mill-flixkun jistgħu jkunu qed jirriklamaw il-fatt li huma ġew infettati bl-HIV. Mara tistaʼ tibżaʼ li tiġi mogħtija tort, abbandunata jew saħansitra msawta meta ħaddieħor isir jaf bil-kundizzjoni tagħha. Xi nisa f’dawn iċ-ċirkustanzi jħossu li m’għandhom l-ebda għażla ħlief li jreddgħu lit-trabi tagħhom sabiex iħallu fil-mistur il-fatt li huma infettati bl-HIV.
Hemm ostakli oħra wkoll. Per eżempju, ikkunsidra lil Margaret li għandha 20 sena. Hi, bħal minn taʼ l-inqas 95 fil-mija tan-nisa li jgħixu fil-villaġġi taʼ l-Uganda, qatt ma għamlet it-test taʼ l-HIV. Imma Margaret għandha għalxiex tinkwieta. L-ewwel tifla li kellha mietet, u t-tieni waħda hija debboli u marradija. Minkejja l-fatt li hemm ċans li għandha l-HIV, Margaret qegħda treddaʼ lit-tielet tarbija tagħha għaxar darbiet kuljum. “Jien qatt ma nistaʼ nisqi lit-tarbija tiegħi bil-ħalib tat-trab,” hija tgħid. Il-għala? Margaret tgħid li biex tagħti l-ħalib tat-trab lil tarbija waħda jiġi jiswa daqs darba u nofs iktar mis-somma li familja li tgħix fil-villaġġ tagħha taqlaʼ f’sena sħiħa. Saħansitra jekk il-ħalib tat-trab kien ikun b’xejn, xorta jkun hemm il-problema biex isibu ilma nadif sabiex din it-taħlita ssir ikel tat-trabi li ma jagħmilx ħsara.d
Xi ftit minn dawn l-ostakli jistgħu jitnaqqsu jekk l-ommijiet li huma infettati bl-HIV jiġu provduti b’sanità addattata, ammont adegwat taʼ ikel li jieħu post il-ħalib taʼ l-omm, u aċċess għal ilma nadif. Imma jiswa dan ħafna flus? Jistaʼ jkun. Madankollu, ħaġa taʼ l-iskantament, il-fatt li jsiru proviżjonijiet bħal dawn jidher li huwa iktar kwistjoni taʼ x’jitpoġġa bħala prijorità minflok taʼ li jinstabu l-fondi. Tabilħaqq, il-ĠM tirrapporta li xi wħud mill-pajjiżi l-iktar fqar li qegħdin jiżviluppaw, jonfqu madwar id-doppju fuq affarijiet militari taʼ dak li jonfqu fuq is-saħħa u l-edukazzjoni.
Xi Ngħidu dwar Drogi Kontra l-AIDS?
Xjenzati tal-ĠM rrapportaw li sustanza mediċinali sempliċi u relattivament irħisa msejħa AZT tistaʼ b’mod sinjifikanti tnaqqas it-trasmissjoni taʼ l-HIV mill-omm għat-tarbija. Bl-għajnuna taʼ l-UNAIDS, il-prezz taʼ dan it-trattament tnaqqas għal $50 [Lm19]. Iktar minn hekk, ir-riċerkaturi taʼ l-AIDS f’Lulju taʼ l-1999 annunzjaw li t-trattament taʼ ommijiet infettati bl-HIV u t-trabi tat-twelid tagħhom bid-droga nevirapina li tiswa $3 [Lm1.15] jidher li huwa saħansitra iktar effettiv mill-AZT f’li jipprevieni t-trasmissjoni taʼ l-HIV. L-esperti tas-saħħa jgħidu li n-nevirapina tistaʼ tipprevieni sa 400,000 tarbija tat-twelid kull sena milli jibdew ħajjithom infettati bl-HIV.
Madankollu, xi wħud jikkritikaw trattament mediċinali bħal dan, billi jsostnu li ladarba dawn jistgħu biss jipprevienu t-trasmissjoni taʼ l-HIV mill-omm għat-tarbija, l-omm eventwalment tmut minħabba l-AIDS u tħalli lit-tarbija orfni. Il-ĠM tirribatti dan billi tgħid li l-alternattiva iebsa hi li t-trabi jitħallew jieħdu l-HIV, u b’hekk tikkundanna lil dawn il-vittmi innoċenti għal mewta twila u kerha. Jinsistu wkoll fuq il-fatt li ommijiet infettati bl-HIV jistgħu jgħixu għal snin sħaħ. Ikkunsidra lil Cynthia, li semmejnieha iktar kmieni. Saret taf li kellha l-HIV fl-1985, meta twilditilha t-tarbija, imma ma marditx sa tmien snin wara. U għalkemm it-tarbija tagħha kellha l-HIV mit-twelid, sakemm kellha sentejn it-tarbija ma baqgħetx infettata.
L-assiguranza kollha faraġ tal-Bibbja hi li ambjent verament ħieles mill-periklu u s-soluzzjoni dejjiema għal flaġelli bħall-AIDS huma fil-qrib. (Apokalissi 21:1-4) Alla Jehovah jwiegħed dinja ġdida fejn “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Ix-Xhieda taʼ Jehovah jixtiequ jgħidulek dwar din is-soluzzjoni dejjiema. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista jew lix-Xhieda taʼ Jehovah fil-komunità tiegħek.
[Noti taʼ taħt]
a Mhux isimha veru.
b Skond l-UNICEF, madwar 500 sa 700 tarbija kuljum tiġi infettata mill-ħalib taʼ l-omm li tkun infettata bl-HIV.
c Is-sitt organizzazzjonijiet huma l-UNICEF, il-Programm tal-Ġnus Magħquda għall-Iżvilupp, il-Fond tal-Ġnus Magħquda għall-Popolazzjoni, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-Bank Dinji, u l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda għall-Edukazzjoni, Xjenza, u Kultura. L-UNAIDS ġiet stabbilita fl-1995.
d Studju reċenti jissuġġerixxi li jekk tarbija daqqa tingħata sostituti għall-ħalib u daqqa l-ħalib taʼ ommha, jistaʼ jiżdidilha r-riskju taʼ l-infezzjoni mill-HIV, u mill-banda l-oħra li l-ħalib taʼ l-omm jistaʼ jkollu aġenti taʼ kontra l-virus li jistgħu jgħinu biex il-virus jiġi newtralizzat. Jekk dan hu minnu, il-ħalib taʼ l-omm waħdu—saħansitra bir-riskji tiegħu—jistaʼ jkun għażla inqas perikoluża. Madankollu, l-iskoperti taʼ dan l-istudju għadhom ma ġewx konfermati.
[Caption f’paġna 20]
WHO/E. Hooper