“L-Iktar Epidemija Qerrieda u Mifruxa fl-Istorja tal-Bniedem”
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-AFRIKA T’ISFEL
“L-ebda gwerra fuq wiċċ l-art m’hija daqshekk qerrieda daqs il-marda mifruxa taʼ l-AIDS.”—COLIN POWELL, IS-SEGRETARJU AMERIKAN TAʼ L-ISTAT.
L-EWWEL rapport uffiċjali dwar l-AIDS (acquired immunodeficiency syndrome [sindromu akkwistat taʼ l-immunodefiċjenza]) deher f’Ġunju taʼ l-1981. “Ħadd minna involut fil-jiem bikrin taʼ l-Aids ma setaʼ jimmaġina sa liema skala l-epidemija kellha tiżviluppa,” jgħid Peter Piot, direttur esekuttiv tal-Programm Konġunt tal-Ġnus Magħquda għall-HIV/AIDS (UNAIDS). F’20 sena saret l-iktar marda mifruxa li qatt kien hawn, u l-affarijiet jindikaw li se tkompli tiżdied.
Huwa kalkulat li iktar minn 36 miljun ruħ huma infettati bl-HIV (human immunodeficiency virus [virus taʼ l-immunodefiċjenza umana]), u 22 miljun ruħ oħra mietu bl-effetti taʼ l-AIDS.a Fis-sena 2000, tliet miljun ruħ mietu bl-AIDS mad-dinja kollha, l-ogħla total f’sena waħda minn mindu bdiet l-epidemija. Dan seħħ minkejja li ntużat it-terapija bil-mediċina li taħdem kontra r-retrovirus, partikolarment f’pajjiżi iżjed sinjuri.
L-AIDS Tinvadi l-Afrika
Il-pajjiżi fl-Afrika ’l isfel mid-deżert tas-Saħara, fejn huwa kalkulat li hemm 25.3 miljun ruħ infettati, saru l-epiċentru taʼ l-epidemija. F’dan ir-reġjun waħdu, 2.4 miljuni mietu bl-effetti taʼ l-AIDS fis-sena 2000, u dan huwa 80 fil-mija mit-total tad-dinja kollha. L-AIDS hija l-kaġun primarju tal-mewt f’dan ir-reġjun.b
L-Afrika t’Isfel għandha l-akbar numru taʼ nies infettati minn kull pajjiż ieħor fid-dinja, u l-kalkolu hu taʼ 4.7 miljun ruħ. Hawnhekk 5,000 tarbija kull xahar jitwieldu infettati bl-HIV. Fid-diskors tiegħu fit-13-il Konferenza Internazzjonali dwar l-AIDS, li nżammet f’Durban f’Lulju taʼ l-2000, Nelson Mandela, li qabel kien il-president taʼ l-Afrika t’Isfel, qal: “Bqajna xxokkjati meta sirna nafu li fl-Afrika t’Isfel 1 minn kull 2 taż-żgħażagħ tagħna, jiġifieri nofshom, se jmutu bl-AIDS. L-iktar ħaġa tal-biżaʼ hi li dawn l-infezzjonijiet kollha, li l-istatistiċi jgħidulna dwarhom, u t-tbatija li tiġi magħhom fuq il-bniedem . . . setgħu, u jistgħu, jiġu evitati.”
L-Attakk Feroċi taʼ l-AIDS f’Pajjiżi Oħrajn
Ir-rata taʼ infezzjonijiet qed tiżdied bil-ħeffa wkoll fl-Ewropa tal-Lvant, l-Asja, u l-Karibew. Fi tmiem is-sena 1999, l-għadd taʼ wħud infettati fl-Ewropa tal-Lvant kien taʼ 420,000. Sa l-aħħar taʼ l-2000, ġie kalkulat li dik iċ-ċifra telgħet minn taʼ l-inqas għal 700,000 ruħ.
Stħarriġ li sar f’sitt ibliet Amerikani wera li hemm rata taʼ 12.3 fil-mija taʼ infezzjonijiet bl-HIV fost l-irġiel żgħażagħ omosesswali. Iktar minn hekk, 29 fil-mija biss minn dawk li kienu infettati bl-HIV kienu jafu b’dan. L-epidemjologa li mexxiet l-istħarriġ qalet: “Konna skuraġġiti ferm meta sibna li ftit ferm mill-irġiel infettati bl-HIV kienu jafu li huma infettati. Dan ifisser li nies li għadhom kif ġew infettati qed jgħaddu l-virus lil ħaddieħor mingħajr ma jafu.”
F’laqgħa li kellhom l-esperti taʼ l-AIDS fl-Isvizzera f’Mejju taʼ l-2001, din il-marda ġiet dikjarata bħala “l-iktar epidemija qerrieda u mifruxa fl-istorja tal-bniedem.” Bħalma ġie notat, l-AIDS attakkat bil-qawwa b’mod partikulari fil-pajjiżi taʼ l-Afrika ’l isfel mid-deżert tas-Saħara. L-artiklu tagħna li jmiss se jikkunsidra għala.
[Noti taʼ taħt]
a Iċ-ċifri użati huma kalkoli pubblikati mill-UNAIDS.
b Ara Stenbaħ! tat-8 taʼ Marzu, 2001, paġni 14-15.
[Kumment f’paġna 3]
“L-iktar ħaġa tal-biżaʼ hi li dawn l-infezzjonijiet kollha . . . u . . . t-tbatija fuq il-bniedem . . . setgħu, u jistgħu, jiġu evitati.”—NELSON MANDELA
[Stampa f’paġna 2, 3]
Ħafna nies li huma infettati bl-HIV lanqas biss jafu b’dan
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
UN/DPI Photo 198594C/Greg Kinch