LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 11/8 pp. 4-8
  • L-AIDS Tixtered fl-Afrika

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-AIDS Tixtered fl-Afrika
  • Stenbaħ!—2002
  • Materjal Simili
  • “L-Iktar Epidemija Qerrieda u Mifruxa fl-Istorja tal-Bniedem”
    Stenbaħ!—2002
  • Statistiċi dwar l-AIDS li Jaħsduk!
    Stenbaħ!—2001
  • Ommijiet bl-AIDS Jiffaċċjaw Għażla Iebsa
    Stenbaħ!—2000
Stenbaħ!—2002
g02 11/8 pp. 4-8

L-​AIDS Tixtered fl-​Afrika

“Qed niffaċċjaw tip t’apokalissi kontemporanju.”

DAN il-​kliem taʼ Stephen Lewis, il-​mibgħut speċjali tal-​ĠM għall-​HIV/AIDS fl-​Afrika, jirrifletti l-​biżaʼ li ħafna għandhom dwar is-​sitwazzjoni taʼ l-​AIDS fil-​pajjiżi taʼ l-​Afrika ’l isfel mid-​deżert tas-​Saħara.

Għadd taʼ fatturi huma involuti fit-​tixrid taʼ l-​HIV. L-​AIDS, imbagħad, kompliet tkabbar ċerti problemi oħrajn. Il-​kundizzjonijiet li huma komuni f’xi pajjiżi fl-​Afrika u nħawi oħra fid-​dinja fejn l-​AIDS qed tixtered taʼ spiss ikunu konnessi maʼ dan li ġej.

Il-moralità. Peress li l-​kuntatt sesswali huwa l-​mezz ewlieni kif tixtered l-​infezzjoni taʼ l-​HIV, nuqqas taʼ livelli morali ċari ovvjament jinkuraġġixxi t-​tixrid taʼ din il-​marda. Iżda ħafna jħossu li m’huwiex prattiku li dawk mhux miżżewġin jiġu inkuraġġiti li joqogħdu mingħajr sess. “Li sempliċement twissi lill-​adolexxenti biex joqogħdu lura mis-​sess mhux se jirnexxi,” jikteb Francois Dufour f’The Star, gazzetta taʼ Johannesburg, l-​Afrika t’Isfel. “Dawn kuljum jiġu bombardjati b’[xeni] sesswali taʼ kif għandhom jidhru u kif għandhom jaġixxu.”

L-imġiba taż-​żgħażagħ tidher li tkompli tikkonferma din l-​analisi. Per eżempju, stħarriġ f’pajjiż wieħed indika li madwar terz miż-​żgħażagħ bejn l-​età taʼ 12 u 17-il sena kellhom x’jaqsmu sesswalment maʼ xi ħadd.

L-istupru ġie deskritt bħala emerġenza nazzjonali fl-​Afrika t’Isfel. Rapport taʼ l-​aħbarijiet fil-​gazzetta Citizen taʼ Johannesburg qal li dan “tant xtered li jgħaddi lil kwalunkwe riskju ieħor għas-​saħħa li jiffaċċjaw in-​nisa f’dan il-​pajjiż.” Żied jgħid ukoll li għadd li dejjem jiżdied taʼ tfal qed jiffaċċjaw dan ir-​riskju wkoll. L-​istess artiklu nnota: “L-​istupru tat-​tfal irdoppja dan l-​aħħar . . . Dawn l-​atti milli jidher jitwettqu biex tinżamm il-​ħrafa li jekk xi ħadd bl-​HIV jistupra verġni jfiq.”

Il-mard trasmess sesswalment (STD). F’dan ir-​reġjun hemm rata għolja taʼ dan it-​tip taʼ mard. Is-​South African Medical Journal innota: “Il-​preżenza tal-​[mard trasmess sesswalment] iżżid ir-​riskju taʼ infezzjoni bl-​HIV-1 minn darbtejn sa ħames darbiet iktar.”

Il-​faqar. Ħafna pajjiżi fl-​Afrika qed jissieltu mal-​faqar, u dan joħloq ambjent favorevoli għat-​tixrid taʼ l-​AIDS. L-​affarijiet li f’pajjiżi żviluppati għandhom mnejn jitqiesu bħala bażiċi ma jinstabux fil-​biċċa l-​kbira mill-​pajjiżi li qed jiżviluppaw. Komunitajiet kbar m’għandhomx elettriku u aċċess għal ilma tax-​xorb nadif. Fi nħawi mwarrbin, it-​toroq m’humiex tajbin biżżejjed jew lanqas biss jeżistu. Ħafna residenti jbatu minn malnutriment, u ftit li xejn hemm faċilitajiet mediċi tajbin.

L-AIDS teffettwa n-​negozju u l-​industrija b’mod negattiv. Hekk kif iktar impjegati jinfettaw ruħhom, il-​kumpaniji tal-​minjieri qed iħossu l-​effetti tat-​telf tal-​produzzjoni. Xi wħud minnhom qed jikkunsidraw modi kif ċertu xogħol isir b’mod awtomatiku jew mekkaniku sabiex ipatti għan-​nuqqas taʼ impjegati. Ġie kalkulat li ġo minjiera waħda tal-​platinum fis-​sena 2000, l-​għadd taʼ każijiet t’AIDS fost l-​impjegati kważi rdoppja, u madwar 26 fil-​mija mill-​ħaddiema ġew infettati.

B’sogħba, riżultat wieħed taʼ l-​AIDS hu li numru kbir taʼ tfal jispiċċaw orfni meta l-​ġenituri tagħhom imutu bil-​marda. Minbarra li jitilfu l-​ġenituri u s-​sigurtà finanzjarja, dawn it-​tfal ikollhom jissaportu l-​istigma li hija assoċjata maʼ l-​AIDS. Taʼ spiss, qraba oħra jew il-​komunitajiet ikunu fqar wisq biex jgħinu jew inkella ma jkunux lesti li jagħmlu dan. Ħafna tfal orfni joħorġu mill-​iskola. Xi wħud jagħtuha għall-​prostituzzjoni, u b’hekk iżidu t-​tixrid tal-​marda. Għadd taʼ pajjiżi waqqfu ċerti programmi tal-​gvern jew privati biex jagħtu għajnuna lil dawn l-​orfni.

L-injoranza. Għadd kbir taʼ nies infettati bl-​HIV lanqas biss jafu b’dan. Ħafna ma jridux jagħmlu t-​test minħabba l-​istigma assoċjata mal-​marda. “Nies bl-​HIV, jew li huma suspettati [li għandhom dan il-​virus], jistgħu jiġu rifjutati milli jingħataw servizzi għall-​kura tas-​saħħa, imċaħħdin minn post fejn jgħixu u impjieg, imwarrbin minn ħbiebhom u sħabhom tax-​xogħol, ma jingħatawx polza taʼ l-​assigurazzjoni jew ma jitħallewx jidħlu f’pajjiżi oħra,” osservat stqarrija bil-​miktub fil-​gazzetti mill-​Programm Konġunt tal-​Ġnus Magħquda għall-​HIV/AIDS (UNAIDS). Xi wħud saħansitra nqatlu meta sar magħruf li kienu infettati bl-​HIV.

Il-kultura. F’ħafna kulturi Afrikani, in-​nisa taʼ spiss ma jistgħux jistaqsu lis-​sieħeb tagħhom dwar relazzjonijiet barra miż-​żwieġ, lanqas jistgħu jirrifjutaw kuntatt sesswali, jew jissuġġerixxu prattiċi sesswali li huma inqas taʼ riskju. It-​twemmin kulturali taʼ spiss jirrifletti l-​injoranza dwar l-​AIDS u l-​irrifjutar li din il-​marda teżisti. Per eżempju, għandu mnejn li t-​tort għal din il-​marda jingħata lis-​seħer, u tiġi mfittxija l-​għajnuna mingħand xi tobba sħaħar.

In-​nuqqas taʼ faċilitajiet mediċi xierqa. Il-​faċilitajiet mediċi li diġà huma limitati qed ikomplu jitgħabbew iżżejjed minħabba l-​AIDS. Żewġ sptarijiet kbar jirrapportaw li iktar minn nofs il-​pazjenti li jeħtieġu kura medika ġewwa l-​isptar huma infettati bl-​HIV. L-​uffiċjal mediku prinċipali taʼ sptar wieħed fi KwaZulu-Natal qal li t-​taqsimiet tiegħu fl-​isptar huma mimlijin 140 fil-​mija. Xi drabi, sodda jkollha tintuża minn żewġ pazjenti, u t-​tielet wieħed ikun taħtha maʼ l-​art!—South African Medical Journal.

Hi kemm hi traġika s-​sitwazzjoni fl-​Afrika, l-​affarijiet jindikaw li tistaʼ tmur għall-​agħar. “Għadna fil-​fażijiet bikrija taʼ l-​epidemija,” osserva Peter Piot taʼ l-​UNAIDS.

Jidher ċar li f’xi pajjiżi qed isiru sforzi biex tiġi trattata l-​problema taʼ din il-​marda. U għall-​ewwel darba, f’Ġunju taʼ l-​2001, l-​Assemblea Ġenerali tal-​Ġnus Magħquda għamlet konferenza speċjali biex tiddiskuti l-​HIV/AIDS. Se jirnexxu l-​isforzi mill-​bnedmin? Meta sejra finalment tiġi mwaqqfa l-​ħerba li qed tagħmel l-​AIDS?

[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]

L-​MEDIĊINA NEVIRAPINA GĦALL-​AIDS U D-​DILEMMA FL-​AFRIKA T’ISFEL

X’inhi n-​nevirapina? Skond il-​ġurnalista Nicole Itano, din “hija mediċina kontra r-​retrovirus li permezz tat-​testijiet instab li tistaʼ tnaqqas bin-​nofs iċ-​ċans li l-​AIDS tiġi trasmessa [mill-omm] għat-​tarbija tagħha.” Kumpanija Ġermaniża tal-​mediċini offriet li tagħti provvisti lill-​Afrika t’Isfel mingħajr ħlas għall-​ħames snin li ġejjin. Madankollu, s’Awissu taʼ l-​2001, il-​gvern ma kienx aċċetta l-​offerta. X’inhi l-​problema?

Fl-​Afrika t’Isfel hemm 4.7 miljun ruħ infettati bl-​HIV, iktar minn kull pajjiż ieħor fid-​dinja. The Economist taʼ Londra fi Frar taʼ l-​2002 irrapporta li l-​President Thabo Mbeki taʼ l-​Afrika t’Isfel “jiddubita l-​ħarsa aċċettata b’mod ġenerali li l-​HIV jikkaġuna l-​AIDS” u “huwa suspettuż mill-​ispiża, is-​sigurtà u s-​siwi tal-​mediċini kontra l-​AIDS. Hu ma pprojbihomx, imma t-​tobba fl-​Afrika t’Isfel m’humiex inkuraġġiti li jużawhom.” Dan għala jqajjem tħassib kbir? Għax kull sena eluf taʼ trabi jitwieldu bl-​HIV fl-​Afrika t’Isfel u 25 fil-​mija min-​nisa tqal għandhom il-​virus.

Bħala riżultat taʼ dan il-​konflitt fl-​ideat, inġieb każ legali quddiem il-​qrati sabiex iġiegħel lill-​gvern iqassam in-​nevirapina. Il-​Qorti Kostituzzjonali taʼ l-​Afrika t’Isfel għamlet dikjarazzjoni formali tad-​deċiżjoni tagħha f’April taʼ l-​2002. Skond Ravi Nessman, li kiteb f’The Washington Post, il-​qorti ddikjarat li “l-​gvern għandu jara li din il-​mediċina tkun disponibbli fl-​istituzzjonijiet tas-​saħħa li jkollhom nies li jafu kif għandha tingħata.” Filwaqt li l-​gvern taʼ l-​Afrika t’Isfel kien diġà qed joffri l-​mediċina fi 18-il post madwar il-​pajjiż bħala prova, jintqal li din id-​deċiżjoni ġdida tat tama lin-​nisa tqal kollha fil-​pajjiż li huma infettati bl-​HIV.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

VIRUS MAKAKK JIDĦAQ BIĊ-​ĊELLULA

Asal wasla sad-​dinja ċkejkna ferm tal-​virus taʼ l-​immunodefiċjenza umana (HIV). Waħda xjenzata osservat: “Wara ħafna u ħafna snin li ilni nittawwal fil-​partiċelli tal-​virus permezz taʼ mikroskopju taʼ l-​elettroni, għadni ma waqaftx nistagħġeb u nħossni eċċitata bil-​preċiżjoni u d-​dettall fil-​mod kif inhi magħmula din il-​ħaġa tant u tant żgħira.”

Virus huwa iżgħar minn batterju, li jerġaʼ huwa ħafna iżgħar minn ċellula normali taʼ bniedem. Skond awtorità waħda, l-​HIV tant hu żgħir li “230 miljun [partiċella taʼ l-​HIV ] joqogħdu fuq it-​tikka li hemm fl-​aħħar taʼ din is-​sentenza.” Virus ma jistax jimmoltiplika jekk ma jidħolx ġo ċellula li tilqgħu u jieħu l-​kontroll tar-​riżorsi taċ-​ċellula.

Meta l-​HIV jinvadi l-​ġisem uman, irid iħabbatha mal-​ħafna forzi li jistgħu jintużaw mis-​sistema taʼ l-​immunità.a Fil-​mudullun tinħoloq sistema taʼ difiża magħmula minn ċelluli bojod tad-​demm. Iċ-​ċelluli bojod tad-​demm jinkludu żewġ tipi prinċipali taʼ limfoċiti, magħrufin bħala ċelluli T u ċelluli B. Xi ċelluli bojod oħra tad-​demm jissejħu fagoċiti, jew “dawk li jieklu ċ-​ċelluli.”

Id-​diversi kategoriji taʼ ċelluli T għandhom xogħlijiet differenti x’jagħmlu. Dawk li jissejħu ċelluli T ajjutanti għandhom sehem importanti ferm fl-​istrateġija tal-​gwerra. Iċ-​ċelluli T ajjutanti jgħinu biex jiġu identifikati l-​invażuri barranin u jagħtu istruzzjonijiet biex jintgħamlu ċerti ċelluli li jattakkaw u jeqirdu lill-​għadu. Meta jattakka, l-​HIV jimmira b’mod partikulari għaċ-​ċelluli T ajjutanti. Ċelluli T qattiela jiġu attivati biex jeqirdu ċelluli tal-​ġisem li jkunu ġew invaduti. Iċ-​ċelluli B jipproduċu antibodies li jintużaw fil-​ġlieda kontra l-​infezzjonijiet.

Strateġija Makakka

L-​HIV huwa klassifikat bħala retrovirus. Il-​bluprint ġenetiku taʼ l-​HIV huwa fl-​għamla taʼ RNA (ribonucleic acid) u mhux DNA (deoxyribonucleic acid). L-​HIV jappartjeni lil grupp ieħor speċifiku taʼ retrovirus magħruf bħala lentivirus għax jistaʼ jkun rieqed għal perijodu twil qabel ma jibdew jidhru xi sintomi serji tal-​marda.

Meta l-​HIV jidħol f’ċellula li tilqgħu, dan ikun jistaʼ juża l-​mekkaniżmu taċ-​ċellula stess biex jilħaq l-​iskop tiegħu. Dan “jipprogramma mill-​ġdid” id-​DNA taċ-​ċellula biex jagħmel ħafna kopji taʼ l-​HIV. Imma qabel ma jkun jistaʼ jagħmel dan, l-​HIV irid juża “lingwa” differenti. Irid jibdel l-​RNA tiegħu stess f’DNA sabiex ikun jistaʼ jinqara u jinftiehem mill-​makkinarju taċ-​ċellula li jkun daħal fiha. Biex iwettaq dan, l-​HIV juża enzima, imsejħa reverse transcriptase, kaġunata mill-​virus. Maż-​żmien, iċ-​ċellula tmut, wara li l-​ewwel tkun ipproduċiet eluf taʼ partiċelli ġodda taʼ l-​HIV. Dawn il-​partiċelli ġodda jinfettaw lil ċelluli oħrajn.

Meta n-​numru taċ-​ċelluli T ajjutanti jkun naqas ħafna, forzi oħra jkunu jistgħu jaħkmu lill-​ġisem mingħajr biżaʼ li jiġu attakkati. Il-​ġisem jiġi megħlub minn kull xorta taʼ mard u infezzjonijiet. L-​AIDS tkun laħqet l-​aqwa tagħha fl-​individwu infettat. L-​HIV ikun irnexxielu jeqred is-​sistema kollha taʼ l-​immunità.

Din hi spjegazzjoni simplifikata. Wieħed irid iżomm f’moħħu li hemm ħafna affarijiet li r-​riċerkaturi għadhom ma jafux bihom, kemm dwar is-​sistema taʼ l-​immunità kif ukoll dwar kif jaħdem l-​HIV.

Għal kważi għoxrin sena, dan il-​virus żgħir xorob l-​enerġija mentali u fiżika taʼ investigaturi mediċi mill-​aqwa madwar id-​dinja, u dan involva spejjeż finanzjarji kbar. Bħala riżultat, saru magħrufin ħafna affarijiet dwar l-​HIV. Xi snin ilu, il-​kirurgu Dr. Sherwin B. Nuland ikkummenta: “Il-​kwantità taʼ informazzjoni li . . . nġabret dwar il-​virus taʼ l-​immunodefiċjenza umana u l-​progress li sar f’li tiġi żviluppata difiża kontra l-​attakk qawwi tiegħu m’humiex ħlief affarijiet taʼ stagħġib.”

Minkejja dan, il-​ħerba taʼ l-​AIDS tkompli għaddejja b’rata mgħaġġla ferm.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​Awake! tat-​8 taʼ Frar, 2001, paġni 13-15.

[Stampa]

L-​HIV jinvadi l-​limfoċiti fis-​sistema taʼ l-​immunità u jipprogrammahom mill-​ġdid biex jipproduċi l-​HIV

[Sors]

CDC, Atlanta, Ga.

[Stampa f’paġna 7]

Hemm eluf taʼ żgħażagħ li verament jimxu mal-​livelli tal-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja