LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 11/8 pp. 8-11
  • Sejra l-AIDS Tiġi Mwaqqfa? Jekk Inhu Hekk, Kif?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sejra l-AIDS Tiġi Mwaqqfa? Jekk Inhu Hekk, Kif?
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Progress Mediku
  • Ostakli għall-​Kura
  • L-​AIDS Titlef
  • Tistaʼ Tintrebaħ il-Ġlieda Kontra d-Drogi?
    Stenbaħ!—1999
  • Ħajjiet Irvinati, Ħajjiet Mitlufin
    Stenbaħ!—1999
  • L-AIDS Tixtered fl-Afrika
    Stenbaħ!—2002
  • Id-Drogi Min Jiħodhom?
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 11/8 pp. 8-11

Sejra l-​AIDS Tiġi Mwaqqfa? Jekk Inhu Hekk, Kif?

GĦAL xi żmien, f’ħafna pajjiżi Afrikani n-​nies ċaħdu li l-​epidemija taʼ l-​AIDS kienet teżisti. Hija suġġett li xi nies jippreferu ma jitkellmux fuqu. Iżda f’dawn l-​aħħar snin saru sforzi biex iż-​żgħażagħ b’mod speċjali jiġu edukati u inkuraġġiti jitkellmu bil-​miftuħ. Dawn l-​isforzi kellhom suċċess limitat. L-​istil taʼ ħajja u d-​drawwiet tan-​nies huma minsuġin fil-​fond, u huwa diffiċli li ssir bidla.

Progress Mediku

Fil-​qasam mediku, ix-​xjenzati tgħallmu ħafna dwar l-​HIV u żviluppaw mediċini li tawlu l-​ħajjiet taʼ ħafna. Taħlita taʼ minn taʼ l-​inqas tliet mediċini kontra r-​retrovirus, li tissejjaħ terapija antiretrovirali attiva ħafna, intużat b’mod effettiv ferm.

Filwaqt li ma jipprovdux fejqan, dawn il-​mediċini rnexxielhom inaqqsu r-​rata taʼ mwiet taʼ dawk infettati bl-​HIV, b’mod partikulari f’pajjiżi żviluppati. Ħafna nies jenfasizzaw l-​importanza li dawn il-​mediċini jiġu provduti lill-​pajjiżi li qed jiżviluppaw. Madankollu, il-​mediċini huma għaljin u jiswew ħafna iktar minn kemm jifilħu jħallsu l-​biċċa l-​kbira min-​nies f’dawn il-​pajjiżi.

Dan qajjem il-​kwistjoni: Huwa l-​qligħ finanzjarju iktar importanti minn ħajjet il-​bniedem? Id-​direttur tal-​programm dwar l-​HIV/AIDS fil-​Brażil, Dr. Paulo Teixeira, għaraf din is-​sitwazzjoni: “Ma nistgħux inħallu eluf taʼ nies ifendu għal rashom minħabba n-​nuqqas taʼ mediċini li bihom jistgħu jibqgħu ħajjin, sempliċement biex isiru profitti ħafna akbar milli jsiru normalment.” Hu żied jgħid: “It-​tħassib kbir tiegħi hu li l-​interessi kummerċjali m’għandhomx jitpoġġew qabel l-​interessi etiċi u umani.”

Xi pajjiżi ddeċidew li jinjoraw xi wħud mid-​drittijiet esklużivi tal-​kumpaniji kbar tal-​mediċini u jagħmlu jew jimportaw verżjonijiet ġeneriċi taʼ xi mediċini bi prezz ħafna iktar baxx.a Skond studju wieħed, “prezzijiet minimi [tal-mediċini ġeneriċi] instabu li kienu 82% inqas mill-​prezzijiet normali fl-​Istati Uniti,” jirrapporta s-​South African Medical Journal.

Ostakli għall-​Kura

Maż-​żmien, il-​kumpaniji kbar tal-​mediċini bdew joffru mediċini għall-​AIDS bi prezzijiet iktar baxxi lill-​pajjiżi li qed jiżviluppaw u li kienu fil-​bżonn. Kien ittamat li b’dan il-​mod ħafna iktar nies setgħu jużaw il-​mediċini. Madankollu, hemm ostakli kbar li jridu jingħelbu biex mediċini bħal dawn ikunu disponibbli faċilment f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Wieħed minn dawn l-​ostakli huwa l-​prezz. Avolja l-​prezzijiet niżlu ferm, il-​mediċini xorta għadhom għaljin wisq għall-​biċċa l-​kbira min-​nies li għandhom bżonnhom.

Problema oħra hi li m’huwiex faċli biex wieħed jieħu l-​mediċini. Ħafna pilloli jridu jittieħdu kuljum, f’ħinijiet speċifikati. Jekk ma jittiħdux kif suppost jew jekk ir-​rutina tal-​medikazzjoni titwaqqaf, jistaʼ jiġri li jiżviluppaw tipi partikulari taʼ HIV li jkunu jifilħu għall-​mediċina. Huwa diffiċli li tkun ċert li l-​pazjenti jkomplu jieħdu d-​dożi eżatti fil-​kundizzjonijiet taʼ l-​Afrika, fejn jistaʼ jkun hemm ftit ikel, ftit ilma tax-​xorb nadif, u ftit faċilitajiet mediċi.

Iktar minn hekk, dawk li jkunu qed jieħdu l-​mediċini għandhom jibqgħu jiġu ċċekkjati. Jekk il-​mediċina ma tibdiex taħdem fuqhom, it-​taħlita trid tinbidel ftit. Għal dan hemm bżonn taʼ nies bl-​esperjenza fil-​mediċina, u t-​testijiet jiswew ħafna flus. Ukoll, il-​mediċini għandhom l-​effetti sekondarji tagħhom, u fil-​fatt qegħdin jiżviluppaw ċerti tipi partikulari tal-​virus li jifilħu għall-​mediċina.

F’Ġunju taʼ l-​2001 fil-​laqgħa speċjali dwar l-​AIDS mill-​Assemblea Ġenerali tal-​ĠM, ġie propost Fond Globali għas-​Saħħa biex jgħin lill-​pajjiżi li qed jiżviluppaw. Ġie kalkulat li kien hemm bżonn ammont taʼ bejn 3 u 4 biljun lira Maltija. S’issa, l-​ammont totali taʼ flus imwegħdin għal dan il-​fond kienu bil-​wisq inqas mill-​ammont mixtieq.

Ix-​xjenzati għandhom tamiet kbar li jsibu tilqima, u f’pajjiżi differenti qed tiġi testjata kemm-il waħda. Anki jekk dawn l-​isforzi jirnexxu, iridu jgħaddu ħafna snin qabel ma tiġi żviluppata tilqima, tiġi testjata, u jkun evidenti li m’hijiex taʼ periklu biex tintuża b’mod ġenerali.

Xi pajjiżi, bħall-​Brażil, it-​Tajlandja, u l-​Uganda, kellhom suċċess mhux ħażin bil-​programmi tal-​kura. Il-​Brażil, billi uża mediċini manifatturati lokalment, naqqas bin-​nofs ir-​rata taʼ mewt konnessa maʼ l-​AIDS. Il-​pajjiż żgħir tal-​Botswana, li għandu biżżejjed finanzi, qed jaħdem iebes biex jipprovdi mediċini kontra r-​retrovirus lil dawk kollha fil-​bżonn fil-​pajjiż u qed jistinka biex jipprovdi l-​faċilitajiet essenzjali għall-​kura tas-​saħħa.

L-​AIDS Titlef

L-​AIDS hija differenti minn ċerti epidemiji oħra f’aspett wieħed importanti: Tistaʼ tiġi evitata. Jekk in-​nies ikunu lesti li jżommu mal-​prinċipji bażiċi tal-​Bibbja, f’ħafna każi, jekk mhux f’kollha, jistgħu jevitaw li jiġu infettati.

Il-livelli morali tal-​Bibbja huma ċari. Dawk mhux miżżewġin għandhom iżommu ’l bogħod minn kuntatti sesswali. (1 Korintin 6:18) Il-​miżżewġin għandhom ikunu leali lejn xulxin u ma jagħmlux adulterju. (Lhud 13:4) L-​ubbidjenza lejn it-​twissija tal-​Bibbja biex wieħed jitbiegħed mid-​demm ukoll isservi taʼ protezzjoni.—Atti 15:​28, 29.

Dawk li diġà huma infettati jistgħu jsibu ferħ u faraġ kbir billi jsiru jafu dwar id-​dinja ħielsa mill-​mard li wiegħed Alla għall-​futur qarib u mbagħad billi jġibu ħajjithom fi qbil mal-​ħtiġijiet t’Alla.

Il-Bibbja tiżgurana li eventwalment il-​gwajijiet kollha tal-​bniedem, inkluż il-​mard, se jispiċċaw. Din il-​wegħda tinsab fil-​ktieb taʼ l-​Apokalissi: “Smajt leħen qawwi ġej mit-​tron jgħid: ‘Din hi l-​għamara taʼ Alla mal-​bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.’”—Apokalissi 21:​3, 4.

Din m’hijiex biss garanzija għal dawk li jaffordjaw il-​kura medika għalja. Il-​wegħda profetika t’Apokalissi kapitlu 21 hija konfermata f’Isaija 33:24: “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” Dakinhar kulmin ikun jgħix fuq l-​art se jżomm mal-​liġijiet t’Alla u jgawdi saħħa perfetta. B’hekk, il-​ħerba li qed tagħmel l-​AIDS​—u l-​mard l-​ieħor kollu—se tiġi mwaqqfa darba għal dejjem.

[Nota taʼ taħt]

a Mediċini ġeneriċi huma kopji taʼ mediċini li jkunu ġew ivvintati minn kumpaniji oħra tal-​mediċini. Il-​pajjiżi li huma membri taʼ l-​Organizzazzjoni Dinjija tal-​Kummerċ bil-​liġi jistgħu jinjoraw id-​drittijiet esklużivi għall-​mediċini f’sitwazzjonijiet t’emerġenza.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 9, 10]

DIN KIENET IL-​KURA VERA LI KONT QED INFITTEX

Jien noqgħod fin-​naħa t’isfel taʼ l-​Afrika, u għandi 23 sena. Niftakar dak in-​nhar li skoprejt li kont infettata bl-​HIV.

Kont m’ommi fil-​klinika tat-​tabib meta dan tani l-​aħbar. Kienet l-​iktar aħbar kerha li qatt smajt f’ħajti. Ħassejtni mħawda. Ma stajtx nemmen. Ħsibt li forsi l-​laboratorju kien ħa żball. Ma kontx naf x’se naqbad ngħid jew nagħmel. Ħassejtni rrid nibki, imma ma kellix dmugħ. It-​tabib beda jiddiskuti l-​mediċini antiretrovirali u affarijiet oħra m’ommi, imma jien kont ixxokkjata wisq biex nifhem x’kien għaddej.

Indunajt li stajt ġejt infettata minn wieħed fl-​università fejn kont qed nistudja. Xtaqt ħafna nitkellem maʼ xi ħadd li setaʼ jifhem is-​sitwazzjoni tiegħi, imma ħadd ma ġieni f’moħħi. Bdejt inħossni ma niswa għal xejn u li kulma nagħmel kien ħażin. Għalkemm il-​familja tiegħi appoġġatni, ħassejtni ddisprata u mbeżżgħa. Bħal kull żagħżugħa oħra, jien ukoll kelli ħafna tamiet għall-​futur. Kien għad baqagħli biss sentejn biex nispiċċa l-​baċellerat tiegħi fil-​lawrja tax-​xjenza, imma dik it-​tama kienet ġiet fix-​xejn.

Bdejt nieħu l-​mediċini antiretrovirali li ordnali t-​tabib u mort ukoll għand dawk li jagħtu l-​pariri dwar l-​AIDS, imma xorta ħassejtni dipressa. Tlabt lil Alla biex jurini l-​Kristjanità vera qabel ma mmut. Jien kont membru taʼ waħda mill-​knejjes Pentekostali, imma lanqas ħadd mill-​knisja ma ġie jarani. Ridt inkun naf il-​verità dwar fejn kont sejra wara li mmut.

Darba waħda fil-​għodu, fil-​bidu t’Awissu taʼ l-​1999, tnejn mixXhieda taʼ Jehovah ħabbtuli l-​bieb. Dakinhar kont veru marida, imma rnexxieli noqgħod bil-​qiegħda fis-​salott. Iż-​żewġ nisa introduċew ruħhom u qaluli li kienu qed jgħinu lin-​nies jistudjaw il-​Bibbja. X’serħan ħassejt meta fl-​aħħar it-​talb tiegħi ġie mwieġeb. Imma sa dakinhar tant kont magħkusa li ma stajtx naqra jew nikkonċentra fit-​tul.

Madankollu, jien għedtilhom li ridt nistudja l-​Bibbja, u għamlu appuntament miegħi. Sfortunatament, qabel ma rnexxielna niltaqgħu, lili ħaduni fi sptar tal-​psikjatrija minħabba d-​dipressjoni li kelli. Intbgħatt lura d-​dar wara tliet ġimgħat u ħadt ir-​ruħ meta sibt li x-​Xhieda ma kinux insewni. Niftakar li waħda minnhom baqgħet tikkuntattjani biex tara kif kont. Jien irkuprajt xi ftit fiżikament, u bdejt nistudja l-​Bibbja lejn tmiem is-​sena. Iżda ma sibthiex faċli, għax il-​qagħda tiegħi ma kinitx stabbli. Però dik li kienet tistudja miegħi kienet tifhem is-​sitwazzjoni tiegħi u tieħu paċenzja bija.

Bqajt impressjonata ħafna meta studjajt mill-​Bibbja dwar Jehovah u l-​kwalitajiet tiegħu kif ukoll x’jiġifieri tassew li tkun tafu u li tħares ’il quddiem lejn ħajja taʼ dejjem. Għall-​ewwel darba, jien fhimt ukoll għala l-​bniedem ibati. Fraħt ħafna meta tgħallimt dwar is-​Saltna t’Alla, li dalwaqt se tieħu post il-​gvernijiet kollha tal-​bniedem. Dan qanqalni biex nibdel ħajti kompletament.

Din kienet il-​kura vera li kont qed infittex. Kemm kien taʼ faraġ li nkun naf li Jehovah xorta jħobbni u jimpurtah minni! Qabel kont naħseb li Alla kien jobgħodni u li għalhekk kont ġejt infettata b’din il-​marda. Imma sirt naf li Jehovah bi mħabba għamel provvediment għall-​maħfra tad-​dnub fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala prezz tal-​fidwa. Imbagħad irrealizzajt li Alla jimpurtah minni, bħalma jgħid l-​1 Pietru 5:7: “Ixħtu fuqu l-​ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.”

Billi nistudja l-​Bibbja kuljum u nattendi l-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna, jien qiegħda nistinka biex inkun qrib taʼ Jehovah kemm jistaʼ jkun. Filwaqt li mhux dejjem ikun faċli, jien nixħet l-​ansjetajiet tiegħi fuq Jehovah bit-​talb u nitolbu jagħtini s-​saħħa u l-​faraġ tiegħu. Anki l-​membri tal-​kongregazzjoni jinsabu lesti biex jgħinuni, u allura jien inħossni ferħana.

Jien nieħu sehem regolarment fix-​xogħol taʼ l-​evanġelizzar flimkien mal-​kongregazzjoni lokali tiegħi. Nixtieq ngħin lil oħrajn spiritwalment, u partikolarment lil dawk li jinsabu f’sitwazzjoni simili. Jien tgħammidt f’Diċembru taʼ l-​2001.

[Stampa]

Fraħt ħafna meta tgħallimt dwar is-​Saltna t’Alla

[Stampa f’paġna 8]

Grupp li jagħti pariri dwar l-​AIDS fil-​Botswana

[Stampa f’paġna 10]

Fil-​Ġenna taʼ l-​art, kulħadd se jgawdi saħħa perfetta

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja