Tistaʼ Tintrebaħ il-Ġlieda Kontra d-Drogi?
IR-REBĦA fil-ġlieda kontra d-drogi hija mira taʼ min ifaħħarha, imma m’hijiex waħda faċli. Żewġ strumenti qawwijin imexxu n-negozju illeċitu tad-drogi—il-provvista u d-domanda. Kważi għal seklu sħiħ, il-gvernijiet u l-korpi tal-pulizija kkonċentraw fuq li jnaqqsu l-provvista. Dak li assumew kien sempliċi: Ebda droga, ebda persuna dipendenti mid-droga.
Attakk Kontra l-Provvista
Għal dan l-għan, l-iskwadri tal-pulizija taʼ kontra d-droga kkonfiskaw konsenji kbar taʼ drogi, u kollaborazzjoni internazzjonali wasslet għall-arrest taʼ traffikanti prominenti tad-droga. Imma r-realtà ħarxa hi li waqt li ħidma effettiva mill-pulizija tistaʼ ġġiegħel lil xi traffikanti tad-droga jiċċaqalqu band’oħra, ifittxu swieqi oħrajn, jew isiru iktar makakki, din ma twaqqafhomx. “Qatt ma se nlaħħqu mat-traffikanti tad-droga sakemm ikollhom fondi bla limitu u aħna rridu niġġieldu biex ikollna biżżejjed flus mill-budget nazzjonali,” ammetta ċertu espert tan-narkotiċi.
Joe de la Rosa, uffiċjal għall-prevenzjoni tal-kriminalità fil-Korp tal-Pulizija taʼ Ġibiltà, tkellem maʼ Stenbaħ! dwar kemm hu diffiċli li tikkontrolla l-ittraffikar tad-droga bejn l-Afrika u l-Peniżola Iberjana. “Matul l-1997 ħadna fil-pussess tagħna kważi 400 kilo raża tal-kannabis,” qal hu. “Il-biċċa l-kbira fil-fatt ma kkonfiskajnihomx minn traffikanti tad-droga; din instabet f’wiċċ il-baħar jew fuq ix-xtut fejn inġarret mill-mewġ. Dan jagħti ftit ħjiel tal-kwantità enormi taʼ drogi li jaqsmu l-Istrett taʼ Ġibiltà kull sena. Dak li nikkonfiskaw huwa biss parti żgħira minn kwantità ferm akbar. Il-kumpaniji tal-ġarr tal-merkanzija li jagħmlu l-vjaġġi tagħhom mill-Afrika sa Spanja għandhom dgħajjes li jiġru ħafna iktar mid-dgħajjes taʼ l-uffiċjali tad-dwana tagħna. U jekk iħossuhom fil-periklu li jinqabdu, huma sempliċement jarmu d-drogi fil-baħar, sabiex aħna ma jkollna l-ebda evidenza fuqiex nakkużawhom.”
Il-pulizija jiffaċċjaw problemi simili fi nħawi oħra tad-dinja. Vjaġġaturi li jidhru normali, ajruplani ħfief, vapuri tat-tagħbija, u saħansitra sottomarini jittraffikaw id-drogi b’kuntrabandu minn naħa għall-oħra taʼ l-oċeani jew minn fruntieri penetrabbli. Rapport mill-Ġnus Magħquda kkalkula li “minn taʼ l-inqas 75 fil-mija tal-konsenja internazzjonali tad-drogi bil-baħar trid tiġi mwaqqfa sabiex jitnaqqas sew il-qligħ li jsir mill-ittraffikar tad-droga.” Bħalissa, ir-rata li biha qed iwaqqfu l-kokaina probabbilment m’hijiex iktar minn 30 fil-mija—u hija ferm inqas għal drogi oħrajn.
Allura l-gvernijiet għala ma jattakkawx is-sors tal-problema u jeqirdu l-pjanti kollha tal-kannabis, il-peprin taʼ l-oppju, u s-siġar tal-koka? Il-Ġnus Magħquda dan l-aħħar irrikkmandat li jittieħed dan il-pass, imma dan m’huwiex pass faċli. Il-kannabis tistaʼ titkabbar kważi f’kull ġnien. Waħda mill-inħawi ewlenin taʼ l-Andes fejn tikber il-koka tinstab f’reġjun deskritt bħala li hu “barra l-kontroll taʼ l-istat.” Jeżistu sitwazzjonijiet simili fi nħawi remoti taʼ l-Afganistan u l-Burma, li huma sorsi prinċipali taʼ l-oppju u l-eroina.
Biex ikomplu jgħaxxquha, it-traffikanti tad-droga jistgħu jaqilbu malajr għal drogi ġodda, li d-domanda għalihom qed tiżdied. U laboratorji klandestini jistgħu jipproduċu dawn id-drogi sintetiċi kważi kullimkien fid-dinja.
Jistaʼ jkun li jekk il-pulizija jagħmlu xogħol iktar effettiv u s-sentenzi tal-ħabs ikunu iktar ibsin jonqos in-negozju tad-drogi? Hemm wisq traffikanti tad-droga, wisq uħud li jiddependu minnha, u ftit wisq pulizija biex dan il-metodu jaħdem. Per eżempju, l-Istati Uniti, għandha kważi żewġ miljun ruħ fil-ħabs—ħafna minnhom fuq offiżi taʼ droga. Imma t-theddida tal-ħabs ma waqqfitx lin-nies milli jieħdu d-drogi. F’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, fejn il-bejgħ tad-drogi qed jiżdied bil-bosta, korpi tal-pulizija bi ftit nies u li huma mħallsin ftit ma jistgħu jagħmlu xejn biex jiħduha kontra dan il-kurrent.
Tistaʼ d-Domanda għad-Drogi Titnaqqas?
Jekk l-isforzi biex tiġi kontrollata l-provvista tad-drogi huma għalxejn, xi ngħidu għal li titnaqqas id-domanda? “Il-ġlieda kontra d-drogi hija tassew battalja għall-qlub u l-imħuħ, u m’hijiex biss kwistjoni tal-pulizija u l-qrati u l-ħabsijiet,” tistqarr ir-rivista Time.
Joe de la Rosa, li kkwotajnieh qabel, bl-istess mod jemmen li l-edukazzjoni hija l-uniku mod biex niġġieldu lid-drogi illegali. “Il-vizzju tad-drogi huwa problema soċjali li ħolqitha s-soċjetà, allura rridu nibdlu s-soċjetà jew għall-inqas nibdlu l-mod kif jaħsbu n-nies,” jgħid hu. “Qed nipprovaw ninvolvu lill-iskejjel, lill-ġenituri, u lill-għalliema sabiex kollha jkunu konxji li jeżisti periklu, li d-drogi huma disponibbli, u li wliedhom jistgħu jsiru l-vittmi tagħhom.”
Dak li Għamlu x-Xhieda taʼ Jehovah
Ix-Xhieda taʼ Jehovah ilhom bosta snin involuti b’mod attiv f’li jedukaw in-nies biex jevitaw id-drogi. Huma ppreparaw tagħrif imfassal biex jgħin lill-ġenituri jgħallmu lil uliedhom dwar il-perikli tad-drogi.a Iktar minn hekk, il-ministeru tagħhom għen lil ħafna li kienu jieħdu u jittraffikaw id-drogi biex jirkupraw.
Ana, li ssemmiet fl-artiklu taʼ qabel, iltaqgħet max-Xhieda taʼ Jehovah għax oħtha kienet semgħet dwar is-suċċess li kellhom f’li jgħinu lil dawk li jiddependu mid-droga. Ana ma kinitx interessata wisq fil-Bibbja, imma fuq qalbha marret għal assemblea tax-Xhieda. Hemmhekk lemħet raġel li kien traffikant tad-droga magħruf, imma li kien bidel għalkollox kemm id-dehra tiegħu kif ukoll l-istil taʼ ħajtu. “Irraġunajt li jekk hu setaʼ jinbidel, jien stajt ukoll,” tgħid Ana. “It-trasformazzjoni tiegħu kkonvinċietni li għandi naċċetta l-offerta taʼ studju tal-Bibbja.
“ Maʼ l-ewwel studju tal-Bibbja stess, iddeċidejt li nibqaʼ d-dar, peress li kont naf li jekk kont se nitlaq mid-dar, kont se niltaqaʼ m’oħrajn li jieħdu d-drogi u nerġaʼ lura għall-vizzju. Kont diġà naf li d-drogi kienu ħżiena u li dan il-vizzju ma kienx jogħġbu lil Alla. Kont rajt ukoll l-effett li d-drogi għandhom fuq in-nies u l-ħsara li kont għamilt lill-familja tiegħi stess. Imma kelli bżonn saħħa spiritwali biex ninħeles mill-jasar tiegħi tad-drogi. Il-kura biex naqtaʼ l-vizzju kienet diffiċli ħafna. Għal xi żmien kont norqod il-ġurnata kollha sakemm l-effett tad-drogi batta. Imma kien vallapena.”
Tama u Sinjifikat Veri
Ir-raġel taʼ Ana, Pedro, li wkoll issemmaʼ fl-artiklu taʼ qabel, ħelisha b’mod simili. “Darba waħda waqt li kont qed inpejjep il-ħaxixa fid-dar taʼ ħija, ilmaħt ktieb b’titlu li qajjimli l-kurżità,” jiftakar Pedro. “Kien jismu Il-Verità li Twassal għall-Ħajja Eterna. Ħadtu d-dar, qrajtu, u ċċekkjajt l-iskritturi. Kont ċert li kont sibt il-verità.
“Billi kont naqra l-Bibbja u nitkellem m’oħrajn dwar dak li kont qed nitgħallem bdejt inħossni aħjar u l-kilba tiegħi għad-drogi naqsitli. Iddeċidejt li ma nagħmilx is-serqa armata minn pompa tal-petrol li kont ippjanajt. Ħabib tiegħi kien qed jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, u malajr għamilt bħalu. F’disaʼ xhur biddilt l-istil taʼ ħajti u tgħammidt. Matul dan iż-żmien, ħafna mill-ħbieb li kelli qabel offrewli d-drogi, imma mill-ewwel kont nibda nkellimhom dwar il-Bibbja. Xi wħud irreaġixxew b’mod favorevoli. Wieħed minnhom saħansitra għeleb il-vizzju li kellu.
“Biex taqtaʼ l-vizzju tad-drogi, irid ikollok tama. Il-Bibbja tatni dik it-tama, lil ħajti tatha sinjifikat, u wrietni ċar il-ħarsa t’Alla lejn id-drogi u l-vjolenza. Innotajt li bdejt inħossni aħjar hekk kif kont qed nitgħallem dwar il-Wieħed li Jistaʼ Kollox—u ma kien hemm ebda effetti negattivi. Iktar ’il quddiem, is-sħubija maʼ nies li jgħixu ħajja nadifa f’laqgħat tax-Xhieda taʼ Jehovah għenitni biex inkompli f’din id-direzzjoni.”
Minn Traffikant tad-Droga għal Bennej
José, it-traffikant tad-droga li semmejna fl-artiklu taʼ qabel, issa reġaʼ huwa bennej. Ma kienx faċli għalih li jitlaq in-negozju li tant kien irendilu qligħ. “Id-drogi jġagħluk taqlaʼ ħafna flus,” jammetti hu, “imma m’huwiex mod tajjeb kif tiggwadannjahom. Jien nara żgħażagħ żgħar b’pistoli u b’karozzi jlellxu. Il-familji jinfirdu, fit-toroq hemm ħafna kriminalità, u ħafna dipendenti mid-drogi jisirqu mill-karozzi, jisirqu mill-ħwienet, jew jassaltaw lin-nies biex jiksbu l-flus għad-drogi. Ħafna jibdew bil-ħaxixa, jgħaddu għall-ecstasy jew pilloli oħrajn, u mbagħad jipprovaw il-kokaina jew anki l-eroina. Jien nirrealizza li kont involut f’li nġiegħel lil ħaddieħor jaqbad dan iċ-ċiklu.
“Hekk kif bdejt nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, bdejt nikkonvinċi ruħi iktar u iktar li t-tbagħbis tiegħi fid-drogi kien ħażin. Ridt li jkolli kuxjenza nadifa, u marti, li wkoll kienet qed tistudja, xtaqet l-istess. M’għandniex xi ngħidu, huwa diffiċli li tieqaf tittraffika d-droga. Jien spjegajt lill-klijenti tiegħi u lit-traffikanti tiegħi, li kont qed nistudja l-Bibbja u li kont abbandunajt in-negozju tad-drogi. Għall-ewwel, lanqas emmnuni, u xi wħud għadhom ma jemmnunix. Però, waqaft kważi sentejn ilu, u ma ddispjaċinix tikka.
“Ili din l-aħħar sena naħdem bħala bennej, li hija s-sengħa tiegħi. Issa f’xahar naqlaʼ kwart taʼ dak li stajt naqlaʼ f’ġurnata waħda bħala traffikant tad-droga. Imma dan huwa mod taʼ ħajja aħjar, u nħossni ferħan iktar.”
Soluzzjoni Globali li se Tirnexxi
Ftit traffikanti kuraġġużi abbandunaw in-negozju tad-drogi. U diversi forom taʼ riabilitazzjoni għenu lil eluf li kienu jieħdu d-drogi biex jegħlbu l-vizzju tagħhom. Imma, bħalma jammetti l-World Drug Report, “għal min ilu jieħu ħafna drogi, l-astinenza kontinwa hija l-eċċezzjoni mhux il-ħaġa normali.” Il-ħaġa kerha hi li għal kull wieħed li jirkupra mill-vizzju, diversi vittmi ġodda jinqabdu fin-nassa. Il-provvista u d-domanda jkomplu jiżdiedu.
Jekk il-ġlieda kontra d-drogi għandha tintrebaħ, irid ikun hemm soluzzjoni globali għax il-problema diġà hija waħda globali. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drogi Narkotiċi tinnota: “Filwaqt li f’ħafna pajjiżi l-abbuż tad-droga, l-ittraffikar tad-droga u l-kriminalità konnessa mal-problema tad-droga kienu meqjusin bħala theddida ewlenija għas-sigurtà, il-pubbliku ma kienx daqstant konxju tal-fatt li d-drogi illeċiti kienu problema globali li ma setgħetx tissolva iktar bi sforzi nazzjonali biss.”
Imma l-gvernijiet tad-dinja se jingħaqdu flimkien biex jeqirduh għalkollox dan il-flaġell globali? Ir-riżultati s’issa ma kienu inkuraġġanti xejn. Madankollu, il-Bibbja tiġbed l-attenzjoni lejn gvern tas-sema li bħala soluzzjoni definittiva se jissupera l-fruntieri nazzjonali. Il-Bibbja tiżgurana li s-Saltna t’Alla, maħkuma minn Ġesù Kristu, se tibqa għal “dejjem taʼ dejjem.” (Apokalissi 11:15) Għaldaqstant, taħt is-Saltna t’Alla, l-edukazzjoni divina se tagħmel ċert li d-domanda għad-drogi se tisparixxi. (Isaija 54:13) U l-problemi soċjali u emozzjonali li bħalissa jkomplu jinkuraġġixxu lin-nies biex jabbużaw mid-drogi se jgħibu għal dejjem.—Salm 55:23 [55:22, NW]; 72:12; Mikea 4:4.
Għandek Bżonn l-Għajnuna?
Saħansitra issa, tama fis-Saltna t’Alla f’idejn Kristu qed tqanqal lil xi nies biex jgħidu le għad-drogi. Jekk tixtieq iktar tagħrif, jekk jogħġbok ikkuntattja lix-Xhieda taʼ Jehovah fl-inħawi tiegħek.
[Nota taʼ taħt]
a Ara kapitlu 34 tal-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, intitolat “Għala Għandi Ngħid Le għad-Drogi?,” pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa f’paġna 11]
Isir arrest relatat mad-drogi
[Sors]
K.Sklute/SuperStock
[Stampa f’paġna 12]
Pedro u martu, Ana, jistudjaw il-Bibbja maʼ wliedhom
[Stampa f’paġna 13]
Pedro jwaħħal apparat taʼ sigurtà