LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 11/8 pp. 5-7
  • Kif id-Drogi Illeċiti Jeffettwawlek Ħajtek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif id-Drogi Illeċiti Jeffettwawlek Ħajtek
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Qligħ Faċli taʼ Flus mid-​Drogi—Lixka Irreżistibbli
  • Traġedji taħt l-​Influwenza tad-​Drogi
  • Korruzzjoni u Kontaminazzjoni
  • Min Iħallas?
  • Tistaʼ Tintrebaħ il-Ġlieda Kontra d-Drogi?
    Stenbaħ!—1999
  • Id-Drogi In-Nies Għala Jabbużaw Minnhom?
    Stenbaħ!—2001
  • Id-Dinja Qed Issir Tiddependi mid-Drogi
    Stenbaħ!—1999
  • Id-Drogi Min Jiħodhom?
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1999
g99 11/8 pp. 5-7

Kif id-​Drogi Illeċiti Jeffettwawlek Ħajtek

BĦALMA s-​susa tiekol it-​travi taʼ l-​injam f’dar, l-​istruttura kollha tas-​soċjetà tistaʼ titmermer bid-​drogi. Sabiex is-​soċjetà umana taħdem kif suppost, irid ikollha familji stabbli, ħaddiema f’saħħithom, gvernijiet taʼ min jafdahom, pulizija onesti, u ċittadini li jobdu l-​liġi. Id-​drogi jikkorrompu lil kull wieħed minn dawn l-​elementi fundamentali.

Raġuni waħda għala l-​gvernijiet jipprojbixxu l-​użu taʼ drogi mhux medikali hija l-​ħsara li dawn jagħmlu lis-​saħħa taċ-​ċittadini tagħhom. Kull sena eluf taʼ dipendenti mid-​droga jmutu b’overdose. Ħafna iktar imutu bl-​AIDS. Fil-​fatt, madwar 22 fil-​mija tal-​popolazzjoni dinjija infettata bl-​HIV huma drogati li ttaqqbu b’labar infettati. Mhux taʼ b’xejn li f’konferenza reċenti tal-​Ġnus Magħquda, Nasser Bin Hamad Al-Khalifa, minn Qatar, wissa li “l-​villaġġ globali dalwaqt se jsir qabar komunali għal miljuni taʼ nies b’riżultat tan-​negozju taʼ drogi illeċiti.”

Imma dawn ma jeffettwawx biss is-​saħħa taʼ min jużahom. Madwar 10 fil-​mija tat-​trabi kollha li jitwieldu fl-​Istati Uniti huma esposti għal xi droga illeċita—fil-​biċċa l-​kbira, il-​kokaina—waqt li jkunu fil-​ġuf. Huma ma jiffaċċjawx biss il-​problema tas-​sintomi taʼ l-​astinenza li huma taʼ wġigħ, għax jekk fil-​ġuf ikunu esposti għad-​drogi, it-​trabi tat-​twelid jistgħu jġarrbu effetti taʼ ħsara oħrajn—kemm mentali kif ukoll fiżiċi.

Qligħ Faċli taʼ Flus mid-​Drogi—Lixka Irreżistibbli

Fl-​inħawi tiegħek, tħossok fis-​sigurtà wara li jidlam? Jekk le, x’aktarx huwa minħabba t-​traffikanti tad-​droga. Assalti u vjolenza fit-​triq imorru id f’id mad-​drogi. Dawk li jieħdu d-​drogi taʼ spiss iduru għall-​kriminalità jew għall-​prostituzzjoni biex jiffinanzjaw il-​vizzju tagħhom, filwaqt li klikek li jkunu kontra xulxin jiġġieldu u jitqatlu biex iżommu l-​kontroll tagħhom fuq it-​tqassim tad-​drogi. Nistgħu nifhmu għala l-​pulizija f’ħafna bliet jikkunsidraw id-​drogi bħala fattur fil-​biċċa l-​kbira mill-​qtil li jinvestigaw.

F’xi pajjiżi, xi ribelli raw ukoll kemm kien taʼ gwadann li jużaw il-​forza fin-​negozju tan-​narkotiċi li jħalli ħafna qligħ. Grupp kbir taʼ gwerilli fl-​Amerka t’Isfel issa jġib nofs il-​qligħ tiegħu billi jipproteġi lit-​traffikanti tad-​droga. “Id-​dħul taʼ flus minn drogi illeċiti jiffinanzja xi ftit mill-​konflitti reliġjużi u etniċi l-​iktar feroċi tad-​dinja,” jirrapporta l-​Programm Internazzjonali tal-​Ġnus Magħquda għall-​Kontroll tad-​Drogi.

Traġedji taħt l-​Influwenza tad-​Drogi

Dawk li jieħdu d-​drogi jagħmlu t-​toroq perikolużi b’modi oħrajn. “Jekk wieħed isuq karozza taħt l-​influwenza tal-​marijuana jew taʼ l-​LSD jistaʼ jkun perikoluż daqs li kieku qed isuq taħt l-​influwenza taʼ l-​alkoħol,” jiddikjara Michael Kronenwetter, fil-​ktieb tiegħu Drugs in America. Mhux taʼ b’xejn li dawk li jieħdu d-​drogi għandhom tliet jew erbaʼ darbiet iktar ċans li jkunu involuti f’xi inċident fuq ix-​xogħol.

Madankollu, id-​dar hija l-​post fejn id-​drogi jagħmlu l-​iktar ħsara. “Ħajja tal-​familja mhux normali u l-​użu tad-​drogi spiss ikollhom x’jaqsmu maʼ xulxin,” jgħid il-​World Drug Report. Il-​ġenituri li jkunu aljenati bil-​kilba tagħhom stess għad-​drogi, lil uliedhom rari jipprovdulhom ħajja stabbli fid-​dar. Ir-​rabta taʼ bejn it-​trabi u l-​ġenituri, li hi tant vitali matul l-​ewwel ġimgħat tal-​ħajja tat-​tfal, saħansitra tistaʼ tiġi mfixkla. Iktar minn hekk, ġenituri li għandhom dan il-​vizzju taʼ sikwit jiddejnu u għandhom mnejn jisirqu mingħand ħbiebhom u mingħand il-​familja tagħhom, inkella jistgħu jispiċċaw jitilfu xogħolhom. Ħafna tfal li jikbru f’dan l-​ambjent jitilqu mid-​dar u jgħixu fit-​triq jew saħansitra huma stess jinvolvu ruħhom fid-​drogi.

L-abbuż tad-​drogi jistaʼ jwassal ukoll għal abbuż fiżiku—tas-​sieħeb jew sieħba jew tat-​tfal. Il-​kokaina, speċjalment meta titħallat maʼ l-​alkoħol, tistaʼ tqanqal lil individwu li s-​soltu jkun pjuttost kwiet biex iġib ruħu b’mod vjolenti. Skond stħarriġ li sar fil-​Kanada dwar dawk li jużaw il-​kokaina, 17 fil-​mija taʼ dawk li wieġbu għall-​mistoqsijiet ammettew li jsiru aggressivi wara li jieħdu d-​droga. Bl-​istess mod, rapport dwar l-​abbuż tat-​tfal fi New York City kkalkula li 73 fil-​mija tat-​tfal imsawtin għall-​mewt kellhom ġenituri li jabbużaw mid-​drogi.

Korruzzjoni u Kontaminazzjoni

Jekk il-​familja tistaʼ tiddgħajjef bid-​drogi, l-​istess jistaʼ jingħad għall-​gvernijiet. F’dan il-​każ huma l-​flus mid-​drogi, minflok id-​drogi nfushom, li jħassru s-​sistema. “Id-​drogi kkorrompew lill-​uffiċjali tal-​gvern, lill-​pulizija u lill-​armati,” ilmenta ambaxxatur minn ċertu pajjiż fl-​Amerka t’Isfel. Hu jżid li l-​ammont taʼ flus li jinkisbu faċilment huwa “sempliċement tentazzjoni kbira wisq” għal dawk li bilkemm jaqilgħu għaxja taʼ lejla.

F’pajjiż wara l-​ieħor, imħallfin, sindki, pulizija, u saħansitra uffiċjali speċjalizzati kontra t-​traffiku  tad-droga nqabdu fix-​xibka tal-​korruzzjoni. Politikanti li l-​elezzjoni tagħhom għandha mnejn tkun ġiet finanzjata mill-​barunijiet tad-​droga ma jagħtux kas meta jintalbu jagħmlu liġijiet iktar stretti dwar it-​traffikar tad-​droga. Ħafna mill-​uffiċjali onesti li bil-​kuraġġ issieltu kontra d-​drogi nqatlu.

Anki l-​ħamrija tagħna, il-​foresti tagħna, u l-​ispeċi li jgħixu fihom qed ibatu taħt il-​flaġell globali tad-​drogi. Persentaġġ kbir tal-​produzzjoni taʼ l-​oppju u l-​kokaina huwa ċentrat f’żewġ reġjuni li huma sensittivi partikolarment għall-​ħsara ambjentali: il-​foresti tax-​xita fil-​punent taʼ l-​Amażonja u dawk fix-​xlokk taʼ l-​Asja. Il-​ħerba f’dawn il-​postijiet kienet kbira mhux ħażin. Anki attentati ammirevoli biex jeqirdu għalkollox il-​kultivazzjonijiet taʼ drogi illegali jagħmlu ħsara kbira minħabba l-​erbiċidi tossiċi li jintużaw.

Min Iħallas?

Min iħallas għall-​ħsara kollha li  jagħmlu d-​drogi? Ilkoll kemm aħna. Iva, ilkoll  inħallsu għat-​telf taʼ produttività, l-​ispejjeż għall-​kura medika, il-​propjetà misruqa jew li ssirilha l-​ħsara, u l-​ispiża involuta fl-​inforzar tal-​liġi. Rapport mid-​Dipartiment tax-​Xogħol taʼ l-​Istati Uniti kkalkula li “l-​użu tad-​drogi fil-​post tax-​xogħol, lin-​negozju u l-​industrija Amerikani jistaʼ jiswielhom bejn $75 elf miljun u $100 elf miljun [bejn Lm 29 elf miljun u Lm 38 elf miljun] kull sena . . . f’ħin mitluf, inċidenti, spejjeż akbar f’dawk li huma kura tas-​saħħa u kumpensi lill-​ħaddiema.”

Dawn il-​flus kollha fl-​aħħar mill-​aħħar joħorġu mill-​but taʼ dawk li jħallsu t-​taxxi u tal-​konsumaturi. Studju li sar fil-​Ġermanja fl-​1995 ikkalkula li f’sena, l-​ispiża totali mill-​abbuż tad-​drogi f’dak il-​pajjiż hija taʼ $120 [Lm 45] għal kull ċittadin. Fl-​Istati Uniti, figura stmata oħra kienet saħansitra ogħla—$300 [Lm 115] kull persuna.

Madankollu, il-​ħsara soċjali li d-​drogi jagħmlu lill-​komunità hija spiża ferm akbar. Min qatt jistaʼ jagħti prezz għat-​tifrik taʼ daqstant familji, l-​abbuż taʼ daqstant tfal, il-​korruzzjoni taʼ daqstant uffiċjali, u l-​mewt qabel iż-​żmien taʼ daqstant nies? X’ifisser dan kollu f’termini umani? L-​artiklu tagħna li jmiss se jeżamina kif id-​drogi jeffettwaw il-​ħajjiet taʼ dawk li jużawhom.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]

ID-​DROGI U L-​KRIMINALITÀ

ID-​DROGI HUMA KONNESSI MAL-​KRIMINALITÀ MINN TAʼ L-​INQAS B’ERBAʼ MODI:

1. Il-pussess u l-​ittraffikar mhux awtorizzati tad-​droga huma offiżi kriminali kważi f’kull pajjiż tad-​dinja. Fl-​Istati Uniti biss, il-​pulizija jarrestaw madwar miljun ruħ kull sena fuq akkużi tad-​drogi. F’xi pajjiżi, is-​sistema tal-​ġustizzja kriminali tant hija mgħobbija biż-​żjieda t’offiżi taʼ droga li l-​pulizija u l-​qrati ma jistgħux ilaħħqu magħhom.

2. Peress li d-​drogi huma għaljin ħafna, dawk li jiddependu minnhom taʼ spiss jagħtuha għall-​kriminalità biex iħallsu għall-​vizzju tagħhom. Wieħed dipendenti mill-​kokaina jistaʼ jkollu bżonn daqs $1,000 [Lm 385] fil-​ġimgħa biex iħallas għall-​vizzju tiegħu! Mhux taʼ b’xejn li n-​numru taʼ każi taʼ serqiet, assalti, u prostituzzjoni jitlaʼ m’ogħla s-​sema meta d-​drogi jkunu stabbiliti sew f’komunità.

3. Jitwettqu delitti oħrajn biex it-​traffikar tad-​droga, wieħed mill-​iktar negozji li jrendu fuq l-​art, ikun iktar faċli. “L-​ekonomija illeċita tad-​drogi u l-​kriminalità organizzata ftit jew wisq jiddependu minn xulxin,” jispjega l-​World Drug Report. Sabiex id-​drogi jibqgħu għaddejjin mingħajr inkwiet taʼ xejn minn post għal ieħor, it-​traffikanti jipprovaw jikkorrompu jew ibeżżgħu lill-​uffiċjali. Xi wħud saħansitra jmexxu l-​armati privati tagħhom stess. Il-​qligħ kbir li jagħmlu l-​barunijiet tad-​droga wkoll joħloq il-​problemi. Is-​somom enormi taʼ flus li jdaħħlu jistgħu faċilment jinkriminawhom li kieku l-​flus ma jiġux trasferiti minn aġenti intermedjarji sabiex jidhru legali. Għalhekk il-​banek u l-​avukati jiġu impjegati biex jgħattu t-​traċċi tal-​flus mid-​drogi.

4. L-effett stess tad-​droga jistaʼ jwassal għal attività kriminali. Dawk li jkunu ilhom jieħdu d-​drogi jistgħu jabbużaw mill-​membri tal-​familja. F’xi pajjiżi taʼ l-​Afrika milqutin minn gwerer ċivili, delitti orribbli twettqu minn suldati adolexxenti li kienu f’estasi bid-​drogi.

[Stampa f’paġna 6]

Tarbija tistaʼ tiġi effettwata mid-​drogi li tieħu ommha

[Sors]

SuperStock

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja