Ix-xmara Danubju—Li Kieku Tistaʼ Titkellem!
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-ĠERMANJA
Għal iktar minn seklu u nofs, l-iktar persunaġġi Ġermaniżi famużi taʼ kull żmien baqgħu jħarsu ċass—iżda bla ma jaraw xejn—lejn ix-Xmara Danubju. Dan kif jistaʼ jkun? Fl-1842, ir-Re Bavariż Ludovik I lesta l-bini tal-Valħalla,a tempju Doriku taʼ l-irħam mibni bl-għan li jonora lil nies prominenti Ġermaniżi li jkunu mietu.
MIBNIJA mal-ġenb t’għolja viċin Regensburg, fil-Ġermanja, minfejn tagħti għal fuq id-Danubju, din is-sala Ġermaniża dedikata lil nies famużi—li ġiet kopjata mill-Partenon taʼ fuq l-Akropoli li hemm ġewwa Ateni—fiha għexieren taʼ busti li jirrappreżentaw irġiel u nisa taʼ fama.
L-ambjent huwa wieħed addattat. Dawn il-prinċpijiet, poeti, pitturi, politikanti, xjenzati, u mużiċisti—inkluż nies prominenti bħal Beethoven, Einstein, Goethe, Gutenberg, Kepler, u Luther—kienu jafuha sew ix-Xmara Danubju. Ħafna minnhom kienu jgħixu maġenbha, qasmu minn naħa għall-oħra tagħha, jew faħħruha permezz tal-poeżija. Xi storja tirrakkonta x-Xmara Danubju—li kieku tistaʼ titkellem!
Iktar minn Sempliċi Ilma Ġieri
“Għall-ġeografu, ix-xmajjar iġorru s-sediment u l-kummerċ,” jikteb l-istorjografu Norman Davies. Madankollu, hu jinnota li “għall-istorjografu, dawn iġorru l-kultura, l-ideat, u xi kultant, il-konflitt. Huma l-istess bħall-ħajja nfisha.” Ix-Xmara Danubju tgħaddi minn jew tmiss mal-fruntieri t’għaxar pajjiżi differenti—il-Ġermanja, l-Awstrija, is-Slovakkja, l-Ungerija, il-Kroazja, il-Jugoslavja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Moldova, u l-Ukraina—u għalhekk rat biżżejjed kulturi, ideat, u konflitti. Minħabba f’dan, m’huwiex sorprendenti li ħafna komunitajiet maġenb id-Danubju kellhom irwoli ewlenin fl-istorja taʼ l-Ewropa, saħansitra f’dik tad-dinja.
Per eżempju, ikkunsidra l-belt taʼ Vjenna, il-kapitali taʼ l-Awstrija. Din il-belt ilha għal żmien twil rikonoxxuta bħala ċentru kulturali fid-dinja, billi hi miżgħuda b’teatri fejn isiru l-opri, teatri oħrajn, mużewijiet, djar storiċi, u libreriji. Ilha sekli sħaħ magħrufa wkoll għall-ħwienet tal-kafè u għat-taverni li hemm fiha. L-Orkestra Filarmonika taʼ Vjenna hija kunsidrata bħala waħda mill-aqwa fid-dinja. L-Università taʼ Vjenna, li twaqqfet fl-1365, hija l-eqdem waħda fil-qasam fejn jiddomina l-Ġermaniż.
Fejn jidħlu l-ideat, The New Encyclopædia Britannica ssejjaħ lil Vjenna tal-bidu tas-seklu “art fertili fejn setgħu joktru l-ideat li—sew jekk għall-ġid u sew jekk għad-deni—kellhom isawru d-dinja moderna.” Fost l-individwi li kienu, sa ċertu punt, influwenzati minħabba s-snin li qattgħu hemmhekk insibu lil Theodor Herzl, il-fundatur taz-Zijoniżmu; lil Sigmund Freud, missier il-psikoanaliżi; u lil Adolf Hitler, li m’għandu bżonn taʼ ebda deskrizzjoni oħra.
Tissepara “ċ-Ċivilizzazzjoni mill-Barbariżmu”
“Fl-antik, ix-Xmara Danubju kienet tirrappreżenta waħda mill-akbar linji li jaqsmu l-Peniżola Ewropea,” jgħid Norman Davies. Hu jispjega: “Billi kienet stabbilita bħala l-fruntiera taʼ l-Imperu Ruman fl-ewwel seklu AD, id-Danuvius Latina, . . . kienet tissepara ċ-ċivilizzazzjoni mill-barbariżmu.”
Diversi bliet max-xtut tad-Danubju kellhom irwoli prinċipali fl-istorja taʼ l-Imperu Ruman u, iktar tard, fl-istorja taʼ l-hekk imsejjaħ Imperu Ruman Qaddis. Per eżempju, Bratislava, ċentru kulturali ġewwa s-Slovakkja u llum il-kapitali tagħha, kienet il-belt kapitali taʼ l-Ungerija mill-1526 sa l-1784. U għal xi żmien kien hemm kastell maestuż, mibni xi 100 metru ’l fuq mid-Danubju, li serva bħala r-residenza tal-familja rjali Awstrijaka. Meta Vjenna kienet mhedda mit-truppi Franċiżi u Bavariżi fl-1741, Marija Tereża, li iktar tard saret imperatriċi, ħarbet u marret tistkenn hemmhekk.
Marija Tereża kienet mill-Familja taʼ Habsburg. Fil-Valħalla hemm diversi busti li jirrappreżentaw lil din id-dinastija sovrana, li hi waħda mill-akbar taʼ l-Ewropa.b Din il-familja rimarkevoli, li l-membri tagħha jistgħu jiġu traċċati lura sas-seklu 10, ħadet il-poter fis-seklu 13 u eventwalment baqgħet tiddomina fuq ħafna mill-Ewropa Ċentrali—taʼ spiss minħabba li saru żwiġijiet taʼ konvenjenza. Francis Ferdinand, l-eredi tat-tron taʼ Habsburg, ġie assassinat f’Sarajevo fl-1914, u dan kien li qabbad ix-xrara li kebbset lid-dinja f’ħuġġieġa waħda.
Ilmijiet Imdemmija
Bdew u spiċċaw ħafna imperi, li ġagħlu lix-Xmara Danubju tkun suġġettata għal bidliet politiċi kontinwi. Din kienet il-fruntiera taʼ l-Imperu Biżantin tas-seklu 11 u s-seklu 12. Iktar tard, ix-Xmara Danubju fil-biċċa l-kbira kienet tgħaddi mill-Imperu Ottoman, hekk kif bliet max-xtut tad-Danubju, bħal Belgrad u Budapest, waqgħu taħt idejn it-Torok. Saħansitra l-belt taʼ Vjenna ġiet assedjata mingħajr suċċess fl-1529 u għal darb’oħra fl-1683.
Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li l-awtur Ġermaniż Werner Heider jgħid: “Ebda xmara oħra fl-Ewropa ma tħabbatha mad-Danubju f’dik li hija importanza storika.” Awtur ieħor josserva li fil-passat din kienet isservi bħala “r-rotta ewlenija biex l-Unni, it-Tartari, il-Mongoli, u t-Torok jinvadu l-Ewropa min-naħa tal-lvant.”
Ix-Xmara Danubju ġiet imkasbra wkoll waqt gwerer li ġew miġġildin fi żminijiet iktar reċenti. L-awtur William L. Shirer jikteb: “[Fl-1941] fil-lejl tat-28 taʼ Frar, ir-riġmenti taʼ l-Armata Ġermaniża qasmu d-Danubju mir-Rumanija u ħadu pożizzjonijiet strateġiċi fil-Bulgarija.” Erbaʼ snin wara, fl-1945, “ir-Russi, wara li ħadu l-belt taʼ Vjenna taħt idejhom fit-13 t’April, kienu telgħin ’il fuq minn ġod-Danubju, u t-Tielet Armata taʼ l-Istati Uniti kienet nieżla minn ġo dik ix-xmara biex tiltaqaʼ magħhom.”
L-istorja taʼ kultura u ideat li għandha x’tirrakkonta x-Xmara Danubju taʼ spiss kienet storja taʼ konflitti, u l-ilmijiet tagħha taʼ spiss ġew imdardrin bid-dmija tal-gwerer miġġielda mill-umanità. Imma din iddardret b’modi oħrajn ukoll.
M’Għadhiex Blu
Meta Johann Strauss, Jr., ikkompona l-valz “The Blue Danube” (Id-Danubju Blu) fl-1867, evidentement l-ilmijiet tagħha kienu jirriflettu perfettament is-sema blu, imdawwal mix-xemx. Imma llum?
Mis-sors tagħha fil-Black Forest, ġewwa l-Ġermanja, ix-Xmara Danubju sserrep lejn ix-xlokk għal xi 2,850 kilometru lejn il-Baħar l-Iswed. Wara l-Volga, hija t-tieni l-itwal xmara fl-Ewropa. Is-sistema taʼ kanali naturali biex jinġarr l-ilma żejjed tagħha tkopri 817,000 kilometru kwadru. Madankollu, il-kostruzzjoni tad-Diga taʼ Gabcikovo, parti minn proġett idroelettriku li sar fuq ix-Xmara Danubju bejn Vjenna u Budapest, ħalliet l-effett tagħha fuq l-ambjent. Skond sors wieħed, id-diga “kkaġunat tnaqqis serju fil-livell taʼ l-ilma taʼ taħt il-wiċċ taʼ l-art matul ix-xtut tad-Danubju, nixxfet eluf taʼ ettari taʼ foresti u art niedja, u l-ħut li kien jinqabad f’xi partijiet tan-naħa taʼ isfel tad-Danubju naqas bi 80%.”
Kieku x-Xmara Danubju tal-lum setgħet titkellem, x’aktarx li kienet taħsibha darbtejn qabel tirrakkonta kif l-injoranza u r-regħba tal-bniedem ġagħluha ssir kemm il-kaġun u kemm il-vittma. Flimkien mat-tliet xmajjar ewlenin oħrajn li jispiċċaw fil-Baħar l-Iswed, ix-Xmara Danubju tat sehemha biex il-Baħar l-Iswed isir “l-iktar baħar imniġġes fid-dinja,” qalet il-gazzetta Russa Rossiiskaya Gazeta. L-istess ġurnal jitkellem dwar il-Baħar l-Iswed bħala li “qiegħed imut mewta agonizzanti,” waqt li osserva li matul dawn l-aħħar 30 sena, dan “sar fossa tad-drenaġġ għal nofs l-Ewropa—post fejn jintremew ammonti enormi taʼ sustanzi komposti tal-fosfru, merkurju, DDT, żejt, u skart velenuż ieħor.”
Kemm hi tal-biki l-istorja taʼ dak li ġralha d-delta tad-Danubju! Ħdejn il-belt taʼ Izmail, fl-Ukraina, viċin il-post fejn ix-xmara tintilef fil-Baħar l-Iswed, il-ħsara ekoloġika hija orribbli. Il-pellikani li darba kont tarahom kulfejn tħares f’dawk l-inħawi saru rari. Ir-rivista Ġermaniża Geo tgħid li l-preservazzjoni permanenti tal-“varjetà abbundanti taʼ pjanti u annimali [f’dawk l-inħawi] . . . hija każ li r-riżultat tiegħu x’aktarx se jservi taʼ preċedent għall-kontroll internazzjonali taʼ l-ambjent.”
Storja Isbaħ—Dalwaqt
Fl-1902, waslet residenta ġdida f’Tailfingen, belt li tinsab xi 60 kilometru lejn il-grigal tar-rotta ewlenija tad-Danubju, ħdejn waħda mill-friegħi tagħha. Din kienet Margarethe Demut. “Demut” tfisser “Umiltà” fil-lingwa Ġermaniża. Minħabba li kienet tippriedka dwar “żmien tad-deheb” imminenti, ir-residenti lokali malajr qalgħuhielha Gretle tad-Deheb. F’qasir żmien, f’Tailfingen ġiet ifformata waħda mill-ewwel kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Ġermanja.
Fl-1997, il-21,687 Xhud taʼ Jehovah li jaqdu f’258 kongregazzjoni f’komunitajiet viċin ix-Xmara Danubju li jinsabu f’għaxar pajjiżi differenti, kienu qed jippridkaw f’unità dan l-istess messaġġ tas-Saltna stabbilita t’Alla.
Ladarba Alla ħareġ digriet li l-art se tibqaʼ għal dejjem u li se tkun abitata, huwa probabbli li l-ilmijiet tax-Xmara Danubju se jibqgħu għaddejjin għal dejjem. (Salm 104:5; Isaija 45:18) Jekk inhu hekk, kemm se nħossuna ferħanin li wara storja taʼ sekli sħaħ taʼ kulturi imperfetti, ideat umani mimlijin difetti, u konflitti mdemmija, din ix-xmara sa fl-aħħar se jkollha storja x’tirrakkonta li kulħadd se jieħu ferm iżjed gost jismagħha. Max-xtut tagħha se jkun hemm jgħixu nies ferħanin u f’saħħithom, li ma se jkollhom ebda fruntieri politiċi jew lingwi li jifirduhom. Ilkoll kemm huma se jgħollu leħinhom b’tifħir lill-Ħallieq Grandjuż. U mhux se jkun jeħtieġ iktar li jkun hemm xi Valħalla li tonora lill-mejtin, ladarba dawk kollha li jkun jistħoqqilhom se jkunu ngħataw il-ħajja mill-ġdid.—Ġwann 5:28, 29.
Il-ħsieb li x-Xmara Danubju għad tkun fi stat daqshekk hieni jfakkarna f’Salm 98:8, 9, li jgħid: “Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom . . . għax [Jehovah] ġej biex jagħmel ħaqq mill-art; hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja, u mill-popli bis-sewwa.” Immaġina xi storja eċċitanti se tkun tistaʼ tirrakkonta d-Danubju blu meta terġaʼ ssir sabiħa mill-ġdid!
[Noti taʼ taħt]
a Fil-mitoloġija Ġermaniża, il-Valħalla kienet is-sala fejn kienu jgħammru l-allat; fil-mitoloġija Skandinava, kienet is-sala tal-gwerriera maqtulin.
b Marija Tereża, Ridolfu I, Massimiljanu I, u Karlu V lkoll huma onorati b’dan il-mod.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 16, 17]
MATUL IX-XTUT TAD-DANUBJU
ULM, IL-ĠERMANJA
Fl-1879, twieled f’Ulm Albert Einstein, li l-iskoperti xjentifiċi tiegħu għenu biex tiġi fformata l-istorja reċenti tad-dinja. Jintqal li hu kien “magħruf fi żmienu bħala wieħed mill-iktar nies intellettwali kreattivi fl-istorja umana”
[Stampa]
WELTENBURG, IL-ĠERMANJA
REGENSBURG, IL-ĠERMANJA
L-astronomu Kepler miet hemmhekk fl-1630, ħafna wara li fuq ix-Xmara Danubju nbena l-iSteinerne Brücke (Pont tal-Ġebel), li dak iż-żmien kien meqjus bħala meravilja tal-kostruzzjoni
MAUTHAUSEN, L-AWSTRIJA
Din il-komunità żgħira maġenb id-Danubju kienet is-sit taʼ kamp tal-konċentrament tan-Nazi. Xi wħud fost l-għaxriet t’eluf taʼ nies miżmumin hemmhekk kienu Xhieda taʼ Jehovah, inkluż Martin Poetzinger, li iktar tard sar membru tal-Ġemgħa li Tiggverna
[Stampa]
VJENNA, L-AWSTRIJA
[Stampa]
BRATISLAVA, IS-SLOVAKKJA
[Sors]
Geopress/H. Armstrong Roberts
BELGRAD, IL-JUGOSLAVJA
The World Book Encyclopedia tgħid li Belgrad esperjenzat “tilwim politiku u militari” li dam għal “mijiet taʼ snin.” Armati invadenti “kkonkwistaw u qerdu lil Belgrad iktar minn 30 darba”
NIKOPOL, IL-BULGARIJA
Din il-belt kienet fortizza importanti wara li l-Imperatur Biżantin Erakliju beda jibniha fis-sena 629 E.K. Fl-1396 is-sultan Ottoman Bayezid I għeleb lis-Sultan Siġismondu taʼ l-Ungerija hemmhekk, u b’hekk bdew ħames sekli taʼ ħakma Torka
GIURGIU, IR-RUMANIJA
Fl-1869, l-ewwel linji tal-ferrovija fir-Rumanija għaqqdu l-belt taʼ Giurgiu mal-ġâra iktar magħrufa tagħha, Bukarest, li tinsab xi 65 kilometru lejn it-tramuntana. Fl-1954, pont b’żewġ livelli li jaqsam ix-Xmara Danubju u li minn fuqu jistgħu jgħaddu kemm il-karozzi u kemm il-ferroviji, għaqqad lir-Rumanija mal-Bulgarija, u fuq nota ottimista, ġie msejjaħ il-Pont tal-Ħbiberija
[Mappa]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
ĠERMANJA
Black Forest
Tailfingen
Ulm
Regensburg
Valħalla
AWSTRIJA
Mauthausen
Vjenna
SLOVAKKJA
Bratislava
Diga taʼ Gabcikovo
UNGERIJA
Budapest
KROAZJA
JUGOSLAVJA
Belgrad
BULGARIJA
Nikopol
RUMANIJA
Giurgiu
Bukarest
MOLDOVA
UKRAINA
Izmail
Delta tad-Danubju
IL-BAĦAR L-ISWED
[Kaxxa/Stampa f’paġna 18]
BUDAPEST, L-UNGERIJA
Budapest, li darba kienet magħrufa bħala s-Sultana tad-Danubju, tikkonsisti prinċipalment f’Buda, li tinsab fuq in-naħa tal-punent tad-Danubju, u Pest, li tinsab fuq in-naħa tal-lvant. Sa l-1900, kważi kwart mill-popolazzjoni tagħha kienet Lhudija—komunità li kważi nqerdet għalkollox waqt it-Tieni Gwerra Dinjija